Il-marda tas-sens komun
"Dak li kellu Land Rover antik immodifikat jixtri Nissan Qashqai, dawk li kellhom Mazda RX7 u xi Escort Mk1, illum għandhom xi Toyota Vitz jew simili....."
Meta tipprova tispjega xi tip ta’ delizzju tal-karozzi lil xi ħadd li m’għandu l-ebda interess fil-vetturi, rari jirnexxielek tagħmel sens. Iktar u iktar meta tipprova tikkonvinċi lil dak li jkun li d-delizzju tiegħek fih xi tip ta’ loġika jew raġunar. Iktar ma wieħed jipprova jispjega u jiġġustifika d-delizzju, iktar dak li qed jisma’ jkompli jikkonvinċi ruħu kemm dak li qed tagħmel ma jagħmilx sens. U ironikament, is-sens komun u l-loġika huma propju dawk l-affarijiet li joqtlu l-passjoni lejn il-vetturi li jkun hemm f’ħafna minna.
Żgur li wieħed ma jkunx dilettant tal-karozzi għal raġunijiet finanzjarji. Ħafna huma dawk li jsaqsu lid-dilettant il-mistoqsija tant komuni li ġeneralment tant tiffrustra lil dawk dilettanti. “Imma ‘worth it’ dan li qed tagħmel?” Bħallikieku wieħed jarma jew jirrestawra karozza għal xi skop finanzjarju! Minkejja l-fatt li ċertu karozzi klassiċi qegħdin iġibu prezzijiet għoljin, dan żgur ma jkoprix il-flus li jkunu ntefqu fuqha matul iż-żmien. Jekk wieħed jgħodd il-flus li jkun nefaq f’materjal u ‘parts’, flimkien mas-sigħat twal li jkun qatta’ fuq l-internet ifittex il-‘parts’ u ġo xi garaxx, lejl wara l-ieħor iżarma, jobrox, inaddaf u jillostra kull vit u skorfina li teżisti ukoll tkun bdejt tagħmel it-telf, aħseb u ara jekk tinkludi x-xogħol il-kbir mekkaniku, tat-tellar, żebgħa u tapizzerija. Jekk ma tkunx kapaċi tagħmel dan ix-xogħol, tista’ tipprepara diversi eluf ta’ ewro u jekk tagħmlu inti, ipprepara li tiddedika xhur jekk mhux snin sħaħ ta’ xogħol wara l-ħin u nhar ta’ Sibtijiet u Ħdud. Jekk tagħmel biċċa xogħol sew, qatt mhu se ġġib flusek kollha lura, u anke jekk jirnexxielek issib lil xi ħadd li jiskapriċċak, il-qligħ mhux se jkopri l-keded. Il-verità hi li inti biss tista’ taprezza x-xogħol kollu li tkun ħadt.
Jekk xi ħadd jemmen li dilettant jagħmel dak ix-xogħol kollu għal xi tip ta’ prattiċità jew kumdità, għandu żball oħxon ieħor. Karozzi moderni komuni għandhom l-aċċessorji kollha li ftit iħallu spazju għal iktar kumdità. Il-karozza tad-dilettant ħafna drabi tħalli lil sidha jiġġieled mal-isteering meta jipprova jipparkja, imut bis-sħana mingħajr arja kundizzjonata, mingħajr il-possibbiltà li jisma’ ftit mużika suret in-nies, ‘clutch’ iebes, ‘seats’ simili għas-siġġijiet li jkollok fil-kamra tal-pranzu u rikba li tofri sensazzjoni xejn pjaċevoli fl-irkiekel ta’ dahrek. Però għal xi raġuni jew oħra, sid din il-karozza xorta jkun ħerqan biex isuq din il-karozza nhar ta’ Ħadd meta t-temp jippermetti.
Għal dawk li jemmnu li minħabba s-sempliċita ta’ ċertu karozzi eqdem, il-possibbiltà ta’ ħsarat se tkun inqas, nerġa’ ngħidilhom li sejrin żball. Il-karozzi tad-dilettant ġieli jkunu temprimentali u delikati iktar minn mara fl-aħħar ġranet tat-tqala tagħha. Sid dawn il-karozzi jaf li hemm possibbiltà kbira li jirritorna lejn id-dar irmunkat filwaqt li dejjem se jkun hemm xi taqtir taż-żejt, xi ħsejjes ġodda jew il-bżonn ta’ xi aġġustamenti qabel kull triq. Dan jista’ jkun minħabba l-età tal-vettura u minħabba l-modifikazzjonijiet li jkunu saru. Jista’ jkun ukoll li ċertu karozzi ikoniċi mindu kienu ġodda kienu temprimentali. Ir-raġuni ħafna drabi tkun li dawn il-karozzi kellhom teknoloġija pjuttost innovativa u esperimentali għal żmienhom li ssagrifikat il-prattiċità għall-ġiri, saħħa, pika mar-rivali, sodezza fid-dawriet jew disinn bi ġmiel orgażmiku.
Il-verità hi li anke il-kumpaniji li mmanifatturaw karozzi ikoniċi, ħafna drabi rreġistraw telf minn dawn il-karozzi minkejja l-prezz għoli li kellhom minħabba l-flus li jkunu intefqu fuq żvilupp ta’ teknoloġija u nuqqas ta’ bejgħ.
Forsi dawk li mhumiex dilettanti tal-karozzi bħalissa qegħdin iħokku rashom u jippruvaw jifhmu xi jkun għaddej minn moħħ id-dilettant tal-karozzi. X’inhu l-iskop li tonfoq ammont ta’ flus li mhux se tirkupra, skumdità, nuqqas ta’ prattiċità u possibbilità ħafna ikbar li jkollok problema? Ir-risposta żgur ma tistax tiġi mis-sens komun. Is-sens komun huwa dak li joqtol l-arti, il-ħolm u l-aspirazzjonijiet. Is-sens komun huwa effett li jibda jiżdied ftit ftit aktar ma tikber u timponih is-soċjetà ta’ madwarna. Huwa s-sens komun li jġiegħel lil-ġenituri jwaqqfu lil uliedhom jibnu xi kreazzjoni radikali bil-blokok tal-‘Lego’ u jinsistu li jimxu mal-istruzzjonijiet li jkun hemm fuq il-kaxxa. Meta nkunu żgħażagħ, uħud minna jibdew jonfqu l-flus fuq l-ewwel karozza li jkollhom bl-unika ħaġa li tiggwidahom tkun il-passjoni u mhux l-ekonomija, il-konsum jew il-prattikalità. Minkejja l-pariri li jagħtu l-adulti, iż-żgħażagħ jemmnu li b’xi mod, il-karozza li jridu mhix ser tifnihom bl-inkwiet u l-ħela ta’ fuel. Meta nibdew nikbru u jiżdiedu r-responsabbiltajiet, jibda jidħol is-sens komun. Dak li kellu Land Rover antik immodifikat jixtri Nissan Qashqai, dawk li kellhom Mazda RX7 u xi Escort Mk1, illum għandhom xi Toyota Vitz jew simili. Fortunatament, xi nies jerġgħu jitiflu s-sens komun meta jaqbżu l-erbgħin u jerġgħu jixtru karozza li tqanqlilhom is-sensi. Fenomenu magħruf bħala l-‘midlife crisis’.
Id-dilettant huwa dak li jirrifjuta s-sens komun u minflok jagħżel dak li jġiegħel lil qalbu tħabbat iżjed u dak li jimlieħ bl-adrenalina. Huma mumenti żgħar fost ħin twil ta’ frustrazzjoni li jimlewna bil-ħajja. Dik l-ewwel dehra tal-karozza meta niftħu l-bieb tal-garaxx u nikxfu l-gverta, dik in-naqra riħa ta’ petrol, dak il-ħoss ta’ magna bil-karburaturi jew b’xi turbo, dak il-ferħ meta l-karozza wara diversi attentati, tkun qabdet u dak il-ħoss ivenven meta ngħaddu minn xi mina. Dawn l-emozzjonijiet huma dak li jfakkarna li aħna ngħixu u mhux neżistu.
In-nuqqas ta’ sens komun huwa dak li jispira kull delizzju. X’sens hemm li wieħed jiġri wara ballun? X’sens hemm li wieħed jagħmel sigħat ipitter pittura meta jista’ jieħu ritratt f’sekonda? X’sens hemm li wieħed jagħmel sigħat bil-qasba f’idu biex forsi jaqbad ħuta meta jista’ jixtri pakkett ‘fish fingers’ mill-ħanut? Li kieku kulħadd jagħmel dak li hu loġiku u sens komun, għandna dinja ħafna iktar monotona milli diġà għandna.
Madankollu, is-sens komun donnu rebaħli għal ftit għaliex din se tkun l-aħħar biċċa kitba mingħandi alissa minħabba impenji oħra li għandi ta’ xogħol u studju. Nittama li ma jkunx ’il bogħod wisq iż-żmien meta nerġa’ nibda nikteb fuq dan is-suġġett li tant jagħtini sotisfazzjon. Moħħkom hemm fit-triq!
L-ILLUM tixtieq tirringrazzja lil Andrew Pisani u lill-eluf ta’ qarrejja li kienu qed jaqraw ‘Ingranat’ kemm fuq il-gazzetta stampata u fuq is-sit illum.com.mt