F’Paceville, il-Gvern jaħdmek

Carmel Cacopardo jitkellem dwar il-Pjan li ppreżentat l-Awtorità tal-Ippjanar għal Paceville

L-iżviluppaturi jaħsbu li l-Gvern qiegħed hemm għas-servizz tagħhom
L-iżviluppaturi jaħsbu li l-Gvern qiegħed hemm għas-servizz tagħhom

L-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat, għal skop ta’ konsultazzjoni pubblika, dokument dwar Paceville. Dan hu dokument li għal darba jaħseb fit-tul. Iħares lejn l-iżvilupp ippjanat għall-inħawi fit-tul u b’mod ħolistiku. Sa hawn, tajjeb, għax hekk għandhom isiru l-affarijiet.

Imma meta tibda taqra d-dettalji, jibdew il-mistoqsijiet. L-ikbar mistoqsija hi dwar jekk l-awtoritajiet humiex, għal darb’oħra, qed jippruvaw jaħdmuna billi jinqdew bl-ippjanar għall-użu tal-art biex iħaxxnu l-bwiet ta’ wħud: dawk li jmaxtru dejjem u f’kull żmien.

Il-pjan, fost oħrajn, jidentifika l-ħtiġijiet infrastrutturali ta’ numru ta’ proġetti (disgħa fil-għadd), ewlenin fosthom toroq u probabbilment mina taħt l-art u dan biex ikun iffaċilitat l-aċċess għal Paceville li qed jitfassal. Dawn il-ħtiġijiet infrastrutturali, jgħid il-masterplan għal Paceville, huma meħtieġa biex jilqgħu għall-moviment sostanzjali ta’ persuni li huwa antiċipat li dan l-iżvilupp kollu ser jiġġenera. 

Min ser idaħħal idu fil-but u jagħmel tajjeb għal dawn l-ispejjeż kollha? 

Qed tissemma’ ċ-ċifra ta’ nofs biljun ewro li fil-fehma ta’ ħafna għandha tinħareġ kollha, jew tal-inqas il-parti l-kbira minnha, mill-iżviluppaturi. Għax inkella ser nerġgħu nispiċċaw fis-sitwazzjoni li huma jimpalaw il-profitti, u ħaddieħor mit-taxxi jħallas il-kontijiet. Kontijiet li ġieli nħallsuhom b’saħħitna u drabi oħra billi t-taxxi tagħna jagħmlu tajjeb għall-ħtiġijiet tagħhom. 

Il-pjan għal Paceville jitkellem fuq ħafna ħwejjeġ. Imma jħalli barra lir-residenti li joqogħdu hemm illum. Dawk huma l-istess nies li ilhom jaqilgħu ġo fihom snin twal

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Sandro Chetcuti diġà qal, li, fil-fehma tiegħu, ikun aħjar jekk l-ewwel issir l-infrastruttura u wara jsir l-iżvilupp propost. Dan ifisser ħaġa waħda: li l-iżviluppaturi jippretendu li l-investiment massiċċ meħtieġ fl-infrastruttura għandu jsir mill-Gvern, mit-taxxi li jiġbor. Għax taf inti, issa għandna Gvern pro-business u għalihom dan ifisser li l-Gvern qiegħed prinċipalment għas-servizz tagħhom!

Hemm punt ieħor ta’ importanza fundamentali. Il-pjan għal Paceville jitkellem fuq ħafna ħwejjeġ. Imma jħalli barra lir-residenti li joqogħdu hemm illum. Dawk huma l-istess nies li ilhom jaqilgħu ġo fihom snin twal. Il-masterplan ma jsemmihom imkien. Jinjorahom kompletament kif diġà ġara matul is-snin. Dan iwassal għall-konklużjoni nkwetanti li r-residenti li hemm illum mhumiex meqjusa li huma importanti għal min fassal il-pjan. Ovvja għaliex: għax il-pjan hu pro-business u jpoġġi lin-nies fil-ġemb. Għax lir-residenti jqishom xkiel billi dawn dejjem joġġezzjonaw, daqqa fuq  ħaġa u daqqa fuq oħra!

Dan it-tip ta’ ippjanar ma jagħmilx ġid u m’għandniex bżonnu. In-nies u l-ħtiġijiet tagħhom huma wara kollox il-qofol tal-ippjanar serju. Imma sfortunatament il-pjan għal Paceville hu mibni fuq pedamenti differenti. Għax il-filosofija tal-pjan hu li l-art, il-ġebel, il-konkos u l-azzar jiġu qabel in-nies. 

Din hi triq li twassal għal Gvern li jaħdmek biex jistagħnew l-ispekulaturi. Inti trid li pajjiżna jkompli miexi f’din it-triq?

L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika.  [email protected],  http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Blogs