Stampa qajla sabiħa
Joe Ellis - 'Jidher ċar li r-Russja ssoffri minn kumpless t’inferjorità qawwi u tbati bil-kbir b’mentalità t’assedju u dan qiegħed ixekkel l-iżvilupp ta’ rapport normali mal-punent. Min-naħa tal-punent, il-biża’ hu li r-Russja tapplika l-metodi ta’ gwerra bierda'
Meta ħmistax-il sena ilu sfaxxat l-Unjoni Sovjetika fil-25 ta’ Diċembru 1991, id-dinja ħadet nifs. It-tmiem tal-Unjoni Sovjetika għal ħafna fissret li spiċċat il-gwerra bierda li għal kważi ħamsin sena kienet ikkontroponiet lill-istess Unjoni Sovjetika u l-istati satellita tagħha, speċjalment dawk tal-Patt ta’ Varsavja kontra l-Amerika u l-alleati tagħha, speċjalment dawk tan-NATO. Iż-żewġ naħat kienu jikkonfrontaw frontalment lil xulxin b’mod u manjiera li kienu jikkontrollaw lil xulxin. Kienet tirrenja l-hekk imsejħa duttrina ta’ Mutual Assured Destruction: jekk xi naħa kienet ser tattakka bl-armi nukleari, ir-risposta tan-naħa l-oħra kienet tassigura qerda universali. Il-fatt li ż-żewġ naħat kienu armati sa snienhom bl-armi nukleari assigura ekwilibriju fir-rapporti ta’ bejniethom.
Ċertament, kien hemm mumenti ta’ tensjoni qawwija fejn id-dinja dehret fuq ix-xifer ta’ gwerra nukleari. Propju aktar tard dan ix-xahar ser nikkommemoraw is-sittin sena minn meta faqqgħet ir-rivoluzzjoni Ungeriża li l-Unjoni Sovjetika rrepremiet bil-forza meta invadiet l-Ungerija. L-Unjoni Sovjetika sfruttat il-fatt li l-Amerika kienet f’nofs kampanja elettorali, kif inhi fil-preżent, kif ukoll il-kriżi kontemporanja fil-kanal tas-Suez, sabiex iżżomm l-ordni fl-isfera ta’ influwenza tagħha. Il-bini tal-Ħajt ta’ Berlin kien ukoll attentat da parti tal-Unjoni Sovjetika f’dan is-sens.
Probabbilment, id-dinja waslet l-aktar qrib ta’ kunflitt nukleari fl-1962 waqt il-kriżi tal-missili ta’ Kuba. L-Unjoni Sovjetika rritaljat għall-istazzjonar ta’ armi nukleari fit-Turkija billi ppruvat tistalla armi nukleari f’Kuba. Din il-gżira 90 mil ’il bogħod mill-Amerika, ftit snin qabel kienet żelqet mill-isfera ta’ influwenza Amerikana bil-ħtif tal-poter da parti ta’ Fidel Castro. Wara jiem ferm delikati, iż-żewġ naħat spiċċaw billi neħħew l-armi nukleari kemm minn Kuba kif ukoll mit-Turkija. Hekk kien jaħdem l-ekwilibriju ġeopolitiku tal-gwerra l-bierda.
Meta l-Unjoni Sovjetika kkrollat taħt il-piż tal-kontradizzjonijiet ekonomiċi tas-sistema ta’ ppjanar ċentrali, ħafna kienu dawk li ħasbu li issa d-dinja se tidħol f’era ġdida ta’ paċi fejn il-pajjiżi jikkoperaw ma’ xulxin. Il-kittieb amerikan Francis Fukiyama kien ħareġ ktieb bit-titlu ta’ ‘The End of History and the Last Man’ li fiha pprospetta li t-trijonf tas-sistema liberal-demokratika kien se jkun l-iżvilupp aħħari tal-umanità. Tal-anqas, b’superpotenza waħda fuq l-orizzont, wieħed kien jistenna li l-episodji ta’ tensjoni bejn pajjiżi differenti jkunu tassew ftit u limitati.
Kif ilkoll nafu, l-affarijiet ma żviluppawx b’dan il-mod. Fuq ix-xefaq tfaċċa r-radikaliżmu Iżlamiku. Wara l-attakk ta’ 9/11, l-Amerika rritaljat billi nvadiet l-Afganistan u sussegwentement, l-Iraq. L-invażjoni tal-Iraq swiet ħafna kapital politiku lill-Amerika minbarra n-nefqa militari enormi u d-demm li xtered. Imma l-Amerika ma kellha l-ebda potenza oħra żżommilha r-riedni u setgħet tagħmel dak li xtaqet. Ir-Russja kienet wisq debboli militarament u ekonomikament sabiex trażżan lill-Amerika milli tagħmel dak li tixtieq.
Għal xi żmien, kien hemm tama li tinbet il-koperazzjoni bejn ir-Russja u l-punent. Kien hemm tama li fir-Russja tiżviluppa demokrazija liberali li tibda tapprezza l-ħtieġa ta’ koperazzjoni fil-qrib mal-punent. Imma sfortunatament illum dawn it-tamiet kollha xxejnu għal kollox u qegħdin f’sitwazzjoni fejn ir-rapporti bejn il-punent u r-Russja tant iddeterjoraw li hawn min qed jipprospetta mhux biss ritorn għall-Gwerra Bierda, imma anke agħar. Skont l-analista Russu, Sergej Karaganov, ilna f’dan l-istat tmien snin, jiġifieri minn żmien il-gwerra tal-Georgia meta “il-fiduċja bejn il-potenzi l-kbar sparixxiet fix-xejn.” Min-naħa tiegħu, l-analista Amerikan, George Friedman sostna riċentement li “l-aħħar darba li d-dinja kienet f’dan l-istat kien lejliet it-Tieni Gwerra Dinjija. “Skont Friedman, “l-akbar periklu hu li apparentement m’hawn ħadd kapaċi jwaqqaf il-kriżi u l-konflitti dejjem aktar imħawdin li qed jinvolvu l-potenzi l-kbar mil-Lvant Nofsani għall-Ukrajina għall-ibħra Ċiniżi.”
F’April li għadda, il-Club Valjaf li fih jipparteċipaw esperti mill-punent u mir-Russja kif ukoll diriġenti tal-Kremlin, ħareġ b’rapport imsejjaħ ‘X’jista’ jagħti lok għal Gwerra bejn il-potenzi l-kbar.” Dan ir-rapport, li huwa ffirmat minn Michael Kofman tal-Wilson Center u Andrej Susencov, direttur tal-fondazzjoni li jmexxi l-Valdaj jgħid li, “il-probabbiltà ta’ gwerra bejn il-potenzi l-kbar qiegħda tkompli tikber fl-ambjent internazzjonali attwali u l-aktar li huwa inkwetanti hu li tista’ tfaqqa’ b’mod mhux mistenni.” Dan ir-rapport josserva wkoll tendenza li r-regoli tradizzjonali tal-gwerra jiġu mwarrba.
Tassew li wieħed għandu għalfejn jistaqsi kif wasalna f’dan il-punt. Propju f’dawn il-ġranet l-ambaxxatur Russu għall-Ġnus Magħquda, Vitaly Churkin ġie rrappurtat li qal li t-tensjonijiet mal-Amerika huma probabbilment l-agħar minn żmien il-gwerra tal-Yom Kippur fl-1973 ’l hawn. Churkin qal li llum is-sitwazzjoni hija differenti milli kif kienet fi żmien il-gwerra l-bierda u li kien hemm bosta affarijiet li taw lok għal din is-sitwazzjoni imma waħħal l-aktar f’”nuqqas ta’ rispett fundamentali u nuqqas ta’ diskussjoni fil-fond” dwar kwistjonijiet politiċi. Ir-Russja hija ferm sensittiva f’dan ir-rigward u tinsisti li għandha titqies bħala potenza kbira u ma tiġiex injorata. Fil-litanija ta’ Vitaly Churkin dwar in-nuqqasijiet da parti tal-punent, insibu l-fatt li l-alleanza militari tal-punent, in-NATO aċċettat bħala membri pajjiżi tal-lvant tal-Ewropa li qabel kienu jiffurmaw parti mill-Patt ta’ Varsavja kif ukoll l-irtirar tal-Istati Uniti mit-Trattat ta’ Missili Anti-Ballistiċi fl-2001. Skont Churkin, waħda mill-‘akbar provokazzjonijiet’ seħħet matul l-amministrazzjoni Bush fl-2008 meta s-summit tan-NATO ddeċieda li l-Ukrajina u l-Ġeorġja għandhom isiru membri tan-NATO.
Churkin sostna wkoll li l-konflitt li faqqa’ fil-lvant tal-Ukrajina f’April 2014, ġimgħat wara li l-president pro-Russu tal-Ukrajina tkeċċa mill-poter wara protesti popolari kbar kien kolp ta’ stat appoġġjat mill-Amerika. Ir-Russja rritaljat billi nvadiet il-Krimea u sostniet minn taħt ir-ribelli fil-lvant tal-Ukrajina u l-punent irrisponda b’sanzjonijiet ekonomiċi li għadhom hemm sal-lum. Ir-Russja min-naħa tagħha qed tibbojkotja l-prodotti tal-punent u b’hekk ir-rapporti kummerċjali bejn iż-żewġ naħat iddeterjoraw sew.
Madankollu, Churkin semma eżempji fejn l-Amerika u r-Russja qed jikkoperaw, anke fis-Sirja, bħal meta qablu dwar it-twaqqif ta’ grupp t’esperti sabiex jiddetermina min hu responsabbli għall-attakki bl-armi kimiċi. Semma wkoll il-koperazzjoni sabiex jintlaħaq il-ftehim sabiex jitrażżan il-programm nukleari Iranjan kif ukoll il-ħatra riċenti ta’ segretarju ġenerali tal-Ġnus Magħquda tal-eks Prim Ministru Portugiż, Antonio Guterres. Churkin fl-aħħar nett stqarr li r-Russja tixtieq li tinnormalizza r-relazzjoni tagħha mal-Amerika.
Jidher ċar li r-Russja ssoffri minn kumpless t’inferjorità qawwi u tbati bil-kbir b’mentalità t’assedju u dan qiegħed ixekkel l-iżvilupp ta’ rapport normali mal-punent. Min-naħa tal-punent, il-biża’ hu li r-Russja tapplika l-metodi ta’ gwerra bierda li użat fil-Krimea fejn ħadet il-poter baxx baxx bis-suldati tagħha lanqas biss jilbsu uniformi uffiċjali. Tali gwerra ibrida tista’ tinvolvi infiltazzjoni fi ħdan il-minoranzi kbar ta’ Russi etniċi fir-repubbliki baltiċi li llum jiffurmaw parti min-NATO kif ukoll gwerra ċibernetika li tipparalizza l-infrastruttura mportanti tal-pajjiż.
Irridu niftakru ukoll li n-NATO hija marbuta li tiddefendi kwalunkwe membru tagħha mill-aggressjoni.
Il-punent huwa wkoll tassew inkwetat bin-nefqa militari dejjem tikber Russa. Din in-nefqa trażżnet bil-kriżi ekonomika li r-Russja daħlet fiha minħabba l-waqgħa tal-prezz taż-żejt imma altrimenti xorta qiegħda dejjem jiżdied. L-Stockholm International Peace Research Institute jistma li n-nefqa militari Russa kienet $90 biljun fl-2012 kontra s-$682 biljun tal-Amerikani, il-$166 biljun taċ-Ċiniżi u s-$60 biljun tal-Ingliżi u tal-Ġappuniżi. Imma fuq kollox, il-punent huwa nkwetat bl-atteġjament aggressiv li qed jadotta l-militari Russu b’inkursjonijiet ta’ spiss mill-ajru sabiex jittestjaw id-difiżi tal-pajjiżi NATO u anke bil-presenza ta’ vapuri russi ħdejn il-cables li minnhom jgħaddi l-internet fl-Atlantiku.
Il-Punent huwa wkoll allarmat bl-intervent militari Russu fis-Sirja li huwa ntiż biex jevita l-kollass tar-reġim t’Assad. Ir-Russi ftit qed jaħlu ħin u enerġija sabiex jiġġieldu l-Istat Iżlamiku li kien il-pretest uffiċjali għall-intervent Russu. Minflok, ir-Russi qed jibbumbardjaw bl-aħrax Aleppo tal-lvant li għadu f’idejn ir-ribelli kontra Assad b’ħafna mwiet u feruti fost iċ-ċivili. Bosta fil-punent qed iqisu l-azzjoni tar-Russi f’Aleppo bħala delitti kontra l-gwerra. Imma fuq kollox l-aktar ħaġa li hija tassew insolita hija l-hacking li sar tal-kampanja demokratika ta’ Hillary Clinton li l-awtoritajiet Amerikani qed jatribwixxu għar-Russi. Jidher li r-Russi mhuma xejn ferħanin bil-prospett li Hillary Clinton issir president Amerikan u jippreferu lil Trump li min-naħa tiegħu qatt ma naqas li jesprimi l-ammirazzjoni tiegħu lejn Putin.
Mentri r-rivalità bejn l-Amerikani u r-Russi qiegħda dejjem tiħrax, l-espansjoni militari Ċiniza għaddejja bla heda. Ir-Russja tidher li tippreferi li żżomm relazzjonijiet tajbin maċ-Ċina milli mal-punent minkejja li fil-passat, ir-Russja kienet tqis iċ-Ċina bħala theddida kbira.
F’din is-sitwazzjoni xejn serena, hawn ħtieġa aktar minn qatt qabel li l-pajjiżi Ewropej isaħħu l-koperazzjoni ta’ bejniethom, kemm fil-qasam militari kif ukoll fil-qasam tal-affarijiet barranin sabiex b’hekk ikunu f’pożizzjoni aħjar u aktar f’saħħitha li jissalvagwardaw l-interessi tagħhom. S’issa l-Ingilterra dejjem ostakolat dan il-proċess għax ma riedetx li tiġi mminata l-importanza tan-NATO. Imma issa li anke l-Amerika qiegħda tapprezza l-utilità ta’ din l-inizjattiva, l-urġenza li din il-koperazzjoni tissaħħaħ qiegħda tikber kuljum kif l-aħbarijiet dejjem allarmanti li qed nisimgħu juruna.