Bil-qatra l-qatra
Salvu Mallia jikteb dwar il-ħbieb ta’ Joseph Muscat li qed ifasslu Malta ġdida midfuna taħt torrijet tal-azzar u tal-ħġieġ mibnija minn ħaddiema barranin mjassra, b’pagi tal-qamel...
Hekk timtela l-ġarra, jgħid il-Malti. Qawl li skonti jixhed kemm missirijietna kienu jqisu l-ilma prezzjuż għax minn dejjem kien bin-nieqes f’dawn il-gżejjer. Sal-lum, kieku mhux għax għandna l-impjanti tar- reverse osmosis dawn il-blatiet f’nofs ta’ baħar huma ironikament qoxqox, l-aktar wara xi xitwa bħal dik li għaddiet, u żiggi niftaħru bit-turiżmu dejjem jiżdied, jew nisqu magħna lill-eluf ta’ ħaddiema barranin li milli jidher, nixtiequ narawhom jitkattru fostna, għax m’għandniex biżżejjed, jew nibnu torrijiet eżatt taħt l-Imdina u fl-isbaħ bajjiet biex inħajru aktar barranin, did-darba tal-flus, jiġu jgħixu fostna u viva l-karozzi ġġamjati għal dejjem ta’ dejjem ammen!
X’ġid, xi prosperità li qatt ma rajna bħalhom! Miraklu ekonomiku li qiegħed ibellah lill-bqija tad-dinja, bħalma kien bellaħha Adolf Hitler il-ġenju żagħżugħ ta’ 45 sena, meta lill-Ġermanja minn pajjiż tellief u fallut, kien bidilha fl-aqwa ekonomija tad-dinja, tant li t-Time Magazine, fl-1938 kien għażlu bħala l-istatista tas-sena! Prosit Adolf, mhux ta’ b’xejn għad hawn min għadu jqimek bħala alla sal-lum!
Imma nerġgħu nduru għall-qawl tal-qatra l-qatra. Jidher li l-pjan imfassal ħafna qabel l-aħħar elezzjoni mit-tliet żagħżagħ kapitalisti li llum imexxu lill-pajjiż minn Kastilja qisu ħallihulhom missierhom, huwa msejjes eżatt fuq it-taqtir, li tassew forsi fl-aħħar jasal biex jimliha l-ġarra, imma sadanittant, mhux tilħaq tmut bil-għatx!
Sakemm l-ilma jkun nieqes, tasal biex tixrob saħansitra l-ilma qiegħed, imma għaliex għandek toqgħod tixxennaq, meta dan ikun qiegħed igelgel wara xi ħalba xita għax jispiċċa fil-ġibjuni ta’ min għandu biex jibnihom? Għaliex għandek taqta’ l-għatx b’xi beżqa ilma li jroddulek lura min dik li jkunu ħadulek mill-bir tiegħek stess, bl-iskuża li hemm bżonn naqsmuh bħall-aħwa?
Bl-Ingliż isejħulha trikcle down economy, li bil-Malti tiġi ‘ekonomija li tqattar ’l isfel’. Ħsieb kapitalista għall-aħħar, li kull fejn tħaddem, ħoloq diżastri ekonomiċi u firdiet soċjali kbar. L-idea hi, li żżoqq kemm tiflaħ lil min diġà għandu biex jinfaqa’ u żżejjed tiegħu iqattar ’l isfel lejn dawk bil-għatx. U milli jidher, dan huwa l-mutur li dawn it-tliet kapitalisti żgħażagħ għażlu biex isuq l-ekonomija Maltija bl-għajta ta’ pro-business, li jekk tixtarra sew, diġà għandha l-ħoss ta’ ‘favur is-sinjur’, bil-maqlub ta’ kull duttrina soċjalista.
Ekonomija fejn il-ġid iqattar ’l isfel. Mhux igelgel eh, kif tistenna f’pajjiż ifur bil-ġid kif il-ħin kollu itambrulna esperti Maltin u saħansitra barranin. Imma kif jaf kulħadd, min diġà għandu, jkun irid dejjem aktar u qajla jitħajjar jaqsam ġidu mal-ħaddiema, anzi ż-żejjed jara kif irekknu fejn ma jsibu ħadd, imqar in-naħa l-oħra tad-dinja fil-Panama jew New Zeland, u din hi ħaġa li naħseb li l-kapitalisti ta’ Kastilja jafuha sew.
Il-miljunarji kapitalisti ħbieb ta’ Joseph ifasslu Malta ġdida midfuna taħt torrijet tal-azzar u tal-ħġieġ mibnija minn ħaddiema barranin mjassra, b’pagi tal-qamel
U l-baġit, fost nuqqasijiet oħra, jixhed biċ-ċar kemm dan il-pjan monolitiku ta’ minn fuq għal isfel ma jaħdimx. Għax it-tkabbir tal-ekonomija qiegħed jitwettaq minn fuq dahar il-pagi baxxi tal-Maltin u ta’ dawk il-barranin li jkollhom jgħixu sitta sitta f’appartament maħsub għal tnejn. Minn fuq dahar min ikollu jaħdem żewġ xogħlijiet hu, u toħroġ ukoll il-mara biex forsi jlaħħaq mal-ħajja. Minn fuq dahar dawk li jkollhom jitqassmilhom l-ikel għax m’għandhomx biex jgħixu. Minn fuq dahar il-pensjonanti, għax dawk il-flus m’għandhomx bżonnhom. Insomma minn fuq dahar dawk kollha li jkollhom jgħixu minn fuq il-flus li qalgħu bl-għaraq ta’ ġbinhom, mhux ġbin ħaddieħor, ta’ dawk tal-ħaddiema li jridu jew ma jridux, it-taxxa jkollhom iħallsuha sal-anqas sold, mhux kif jidher li kellhom ħsieb jagħmlu l-akkolti ta’ Joseph Muscat.
Baġit imsejjes fuq il-karità u l-lemożina tal-gvern biex jidher sabiħ ma’ min jikkuntenta bix-xejn għax żammewh baħnan. Kunċett qadim u negattiv li aktarx jaqta’ qalb dak li jkun, flok iħajru jirsisti biex jirnexxi. Dan ifakkarni fiż-żminijiet tad-Dirgħajn il-Maltin, tad-Dejma u tal-Pijunieri, waqt li l-miljunarji kapitalisti ħbieb ta’ Joseph & Co. ifasslu Malta ġdida fix-xbieha moqżieża tar-rebgħa tagħhom, midfuna taħt torrijet tal-azzar u tal-ħġieġ m’għola s-sema, mibnija minn ħaddiema barranin imjassra b’pagi tal-qamel. Mhux torrijiet għal Maltin li għandhom bżonn is-sussidju biex iħallsu l-kera, imma għal inkwilini miljunarji barranin, aqta’ xi bażużlu jew tnejn b’xi dħul minn xi skema inviżibbli.
Din il-kilba għall-‘modern’ niftakarha fis-sittinijiet, meta konna għadna boloh u bdejna neqirdu dak li kien tagħna biex floku ngħarrqu lil Malta fil-konkrit, sakemm fetħulna għajnejna l-barranin u salvawna minn diżastru kulturali. Issa erġajna tlifna rasna u jekk se nibqgħu sejrin hekk, se nerġgħu nsiru kolonja mingħajr identità kulturali għax kollox imsejjes fuq il-kilba għall-flus.
Agħar minn meta konna taħt l-ingliżi li kienu jqabbdu lill-Maltese natives biex iseftrulhom. Għax dawn mhux nies komuni bħama kienu l-militar, imma miljunarji li jgħixu esklussivament maqtugħin għalihom wara kanċelli tal-ħadid bħal ta’ Manoel Island, u li x’aktarx anka seftura jġibuha magħhom mill-Filippini, għax nies żejda għalihom m’għandniex, għax kulħadd qed jaħdem!
Miljunarji kapitalisti bħal dawk li qed jindegħsu fis-sodda mal-ġvern li ċaħad għal kollox lill-ħaddiema u jsoddhom bil-handouts, biex jibnulhom dawn il-mostri li se jniġġsu bl-ikrah lill-pajsaġġ Malti u jheddu lill-Industrija tat-turiżmu. Nies li flushom igawduhom huma biss u l-bqija jdabbrulhom rashom f’dak il-pajjiż fejn inqabad li fetaħ il-kumpaniji u t-trusts tiegħu il-ġenju ta’ din l-ekonomija kapitalista sfrenata, li skont kif stqarr mal-barranin Dr. Owen Bonnici, għal ġieħna Ministru tal-Ġustizzja (żbilanċata) u l-Kultura (tal-ħabi?) inħafirlu kollox għax qalilna sorry meta nkixef.
Jien ma nistax nifhem kif fi gżira li diġà qiegħda tfur bin-nies ħafna aktar milli tiflaħ, qbadna rotta li rridu nimpurtaw aktar nies bl-eluf kbar. Mhux aħjar nħarsu ftit lejn x’ġara f’pajjiżi oħra bħal Spanja, meta din il-kilba bla rażan għall-flus ħadet post l-għaqal u r-raġuni, qabel ma jkun tard wisq, sur Prim Ministru!
Sadanittant, il-problemi li minħabba fihom xkanajna ’l barra bil-qawwa kollha lil min kien deherlilna li falla: it-traffiku, il-korruzzjoni (l-aktar fix-xiri tal-fuel għall-enerġija) u l-arroganza, mhux talli għadhom hemm, imma talli tant kibru jew tkeffnu f’misteri, li qtajna qiesna li nsibu tarfhom. Sabu art tassew fertili biex ikomplu jikbru, imsoqqija minn interessi egoisti personali, ħabi u inkompetenza li ġġiblek għajnejk wara widnejk, li qed titfa’ l-pajjiż lura għal meta telefon, television, biċċa cikkulata u toothpaste kienu lussu li ridt ixxaħħam biex takkwistahom.
Salvu Mallia huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-tieni u t-tnax-il distrett