Id-diskors ta’ Simon: Negattiv u bla sustanza

minn Rosianne Cutajar

Negattiv u bla sustanza, iżda agħar minn hekk distakkat mir-realtà. Qed nirreferi għall-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Simon Busuttil. Jieħu għalih għax insejħulu negattiv, imma x’taqbad issejjaħlu persuna li dejjem jaħseb fil-ħażin? 

Bla sustanza. Għaliex bla sustanza? Għax f’sagħtejn diskors li għamel bħala tweġiba għall-baġit, ma smajna xejn proposti. Ma stennejtx li jfaħħar il-baġit għax issa drajt, jagħmel x’jagħmel dan il-Gvern, għal Simon  Busuttil hu kollu ħażin!  

Simon Busuttil qal li baġit tajjeb irid ikun mibni fuq erba’ punti: ekonomija għan-nies, ġustizzja soċjali, kwalità tal-ħajja u tmexxija tajba. Kieku għall-paroli, l-ewwel jieħu iżda ejja naraw ftit kemm huwa kredibbli.

X’jifhem il-PN b’ekonomija għan nies? Għall-Partit Nazzjonalista, ekonomija għan-nies tfisser żieda ta’ ħames mitt ewro fil-ġimgħa bil-moħbi tal-poplu Malti u Għawdxi. Ekonomija għan-nies tfisser li tagħmel imħatra li l-fabbriki tal-manifattura jagħlqu kollha. Għal PN, ekonomija għan-nies hija li jkollok l-ogħla rata ta’ qgħad.

X’jifhem il-PN b’ġustizzja soċjali? Ġustizzja soċjali hija li tgħid li l-faqar perċezzjoni u li tħalli 3,000 persuna fuq il-waiting list għall-housing soċjali. Għall-PN, ġustizzja soċjali hija li tivvota bil-qalb biex il-kontijiet tad-dawl u l-ilma jogħlew. 

X’jifhem il-PN bi kwalità tal-ħajja? PN fil-Gvern kien iħalli pazjenti fuq xulxin għal siegħat twal fil-kurituri ta’ Mater Dei. U dan biex ma nsemmix kemm PN fil-gvern ħalla nies jistennew biex issirilhom operazzjoni. Kwalità tal-ħajja għall-PN hija li tħaddem power station bl-aktar żejt li jniġġeż. Taħt PN fil-gvern, l-anzjani u l-pensjonanti kien ikollhom idaħħlu jdejhom fil-but biex jixtru l-mediċini out of stock. Ħafna minnhom kienu joqogħdu lura minn żaqqhom. Dik kwalità ta’ ħajja!

X’jifhem il-PN b’gustizzja socjali? ... l-faqar percezzjoni u li tħalli 3,000 persuna fuq il-waiting list ghal housing socjali

U finalment, governanza tajba! Li kieku naqbad insemmi kull istanza li fiha l-Kap tal-Oppożizzjoni mar kontrieha, ma nispiċċa qatt. Governanza tajba għall-PN hija li tagħmel l-iskema ċedoli u li taqbeż għal persuna li isimha ħareġ minn investigazzjoni relatata ma’ ħasil tal-flus. Governanza tajba hija xi work for votes à la Giovanna Debono jew xi ġurament falz à la Toni Bezzina. Governanza tajba hija li permezz ta’ daqqa ta’ pinna, nagħmlu lil xi ħadd sinjur qabel l-elezzjoni ġenerali. Fuq il-PN u l-Governanza hemm wisq xi tgħid, kif ngħidu bl-Ingliż, ‘never a dull moment!’

Simon Busuttil jaħseb li n-nies għandhom memorja qasira. Sejjer żbaljat. Jista’ jdum jiproġetta lilu nnifsu ta’ onest. X’inhi l-verità? Il-verità hi li dan il-pajjiż miexi fid-direzzjoni t-tajba u dan mhux qed ngħidu jiena jew il-Gvern. F’dan il-pajjiż hawn kunsens irrispettivament mil-kulur politiku. Il-mistoqsija hija l-familji Maltin u Għawdxin u n-negozji huma aħjar milli kienu tliet snin ilu? Jiena ċerta li n-nies jinsabu aħjar u konvinta li taħt Gvern Laburista se jibqgħu jmorru għall-aħjar.

Ma ninsewx minn fejn tlaqna. Tliet snin ilu tlaqna minn ekonomija staġnata u Gvern bla ħeġġa u entużjażmu. Bħala pajjiż, writna apatija u telqa, dejn,kontijiet għolja, kumpaniji falluti, qgħad u ekonomija fuq l-għatba ta’ riċessjoni. Dan il-gvern mhux se jħalli lill-Oppożizzjoni treġġa’ lura l-arloġġ għal kif konna tliet snin ilu. Dan il-pajjiż jixraqlu l-aħjar, u fiduċjuża li b’Joseph Muscat Prim Ministru se jkompli miexi ’l quddiem.

Rosianne Cutajar hija s-sindku ta’ Ħal Qormi

More in Blogs