Il-baġit u l-ekonomija
“Għalija, ekonomija b’saħħitha u baġit soċjali ma jfissrux nies jgħixu fuq is-sussidji, imma paġi sura ta’ nies għal kulħadd” - Salvu Mallia
Bħalissa, kulħadd għaddej fuq l-elezzjoni Amerikana, u peress li jiena daqsxejn defsa, ħa ngħid tiegħi ukoll. L-Amerikani kollha ilhom li tilfu l-elezzjoni minn mindu l-makkinarju tal-Partit Demokratiku, għazel li jpaxxi lis-sinjuri u l-preġudizzju u qala’ lil Bernie Sanders mill-ġirja lejn il-White House, kontra x-xewqa tal-biċċa l-kbira tal-partitarji.
Imma jien fil-fatt, irrid nitkellem fuq żewġ kelmiet, li milli jidher, wara l-ewforija tal-ġimgħat ta’ qabel, diġà warrabniehom minn moħħna, bħalma warrabna kelma oħra importanti ħafna: Prekarjat. Xogħol li fuqu ma tistax torbot u tkun dejjem imdendel minn xagħrek. Sistema ta’ xogħol li tagħti vantaġġ kbir lil min iħaddem waqt li lill-ħaddiem tibdlu f’tallab.
Il-baġit u l-ekonomija. Żewġ kelmiet li kieku kellna nneħħulhom l-artiklu ‘il-’ minn quddiemhom, għandu mnejn nerġgħu niftakru fit-tifsira originali tagħhom. Ara jirnexxilkomx: baġit, ekonomija. Żewġ kelmiet li fl-ilsien Malti jistgħu jinġabru taħt kelma waħda li ftit taqalkom f’rashom ikolli ngħid: Tqanċiċ. Iwa ħoj. Tqanċaċ biex tieħu li tista’ minn dak li għandek u tgħix b’mod diċenti.
Imma fil-vokabularju kapitalista u egoista ta’ ċiviltà li telgħetilna fuq rasna, saru jfissru flus, miljuni, taxxi u l-ħabi tagħhom, tlellix, kriżijiet, skandli, inflazzjoni, Blomberg, CNN, politika, investimenti, ġlekkijiet u ingravati, Wall street, u hawn Malta, il-pika ma taqta’ qatt bejn il-partit, fejn il-vittmi ta’ sistema żbilanċjata jitqatlu bejniethom, flok jingħaqdu kontra minn jilgħab il-fiġuri biex jgħaddihom biż-żmien, ikun min ikun fil-gvern.
Qed jitolbuna biex nissagrifikaw faxxa kbira mill-poplu, biex il-bqija jistgħu jibqgħu jieklu barra regolarment, ifittxu l-ħwejjeġ tad-ditta u l-bażużli tal-gvern jitħallsu pagi fenomenali Salvu Mallia
Insomma, kollox barra dak li suppost ifissru: Tqassim bil-għaqal tal-ġid, biex jasal għand kulħadd biex ħadd ma jibqa’ bin-nieqes. Baġit u ekonomija li flok iqanċu biex jaqdu lill-poplu, sar il-poplu li jrid jitqanċeċ biex jaqdi lilhom. Barra li minkejja l-paroli sabiħ li nisimgħu minn min paga minima ma jafx xi tfisser, wisq nibza’ li saru għodda biex taqdi lis-sinjuri u lill-Partit f’kuntest ta’ popolarità biex jidhru sbieħ huma waqt li jkerrhu lil ta’ kontrihom
Dan l-aħħar iltqajt mal-membri tal-front ‘Kampanja Paga Minima Diċenti’, magħmula minn membri ta’ ħdax-il għaqda, li bħal ħafna voluntiera f’għadd kbir ta’ oqsma, huma tassew il-melħ ta’ din l-art li mingħajrhom kieku, m’għandniex il-kwart ta’ dak għandna biex niftaħru. Bħal tallaba mill-aktar nobbli bil-kappell f’idhom, qegħdin iduru biex jiġbru appoġġ kemm jistgħu biex mat-22,000 Malti (almenu uffiċjalment u ma jinkludix lill-penzjonanti) jingħatalhom dak li hu tagħhom bi dritt: ħajja sura ta’ nies.
Dawn qed jinsistu li din il-paga trid togħla b’madwar 11% fuq medda ta’ tliet snin, ma jmurx li l-ekonomija b’saħħitħa li tant niftaħru biha tikkrolla taħt il-piz tal-ħaqq u d-diċenza. Għax skont dawk li jħaddmu, f’pajjiz fejn niftaħru li l-biċċa l-kbira tal-Maltin jieklu barra regolarment, infittxu l-ħwejjeġ tad-ditta u l-bażużli tal-Gvern jitħallsu pagi fenomenali, ma nifilħux għal kolp, kieku kellna nġibu ruħna kif suppost u naraw li kulħadd jitħallas xieraq ta’ xogħlu.
Niftakar li xi darba, it-tweġiba lill-dawn in-nies mis-salvatur ta’ Malta u mexxej tal-Partit tal-Ħaddiema kienet: “Jekk ma tiflaħx, għalaq.” U dan kien meta konna qegħdin nissieltu biex ma ngħerqux. Illum, fi żmien tal-aqwa ekonomija fid-dinja, it-tweġiba ta’ dak li baqa’ mill-istess partit hi r-raxin (ration), jew aħjar il-karità. Sussidji fuq dak u fuq l-ieħor, biex jitraqqa’ l-pannu bil-qara’ aħmar flok titfejjaq ġerħa li, aktar ma jgħaddi żmien aktar qiegħda tinfetta ruħha u jekk mhux se nieħdu ħsieba b’mod xieraq se nispiċċaw niddubbaw it-tetnu. Barra minn hekk, lil dawn in-nies qegħdin noffenduhom u ndaħħlulhom f’moħħhom li xogħolhom mhux talli mhux ta’ fejda għall-pajjiż, imma li saħansitra huma ma jagħmlux parti mill-bqija tal-ħaddiema (u ħafna minnhom ma jagħmlux, għax ma jagħmlux parti minn unions), għax ma ħaqqhomx paga sura u nagħtuhom il-karità għax nitħassruhom.
Is-sussidji li qed jiftaħar bihom il-gvern ifissru, li min iħaddem jagħmel il-qligħ minn fuq min mhux imħallas kif suppost u l-bqija tal-ħaddiema joħorġu d-differenza bit-taxxi li jħallsu. Għalfejn? Biex naqdu lill dak li suppost qiegħed hemm biex jaqdi lilna: l-ekonomija!! Dawn qed jitolbuna biex nissagrifikaw faxxa kbira mill-poplu, biex il-bqija jistgħu jibqgħu jieklu barra regolarment, ifittxu l-ħwejjeġ tad-ditta u l-bażużli tal-gvern jitħallsu pagi fenomenali.
Jien din insejħilha ekonomija msejsa fuq l-isfruttament ta’ min hu ċkejken u li għandha tagħmlilna għajb u tħammrilna wiċċna, l-aktar lil min suppost jistqarr li hu Nisrani jew Soċjalist, għax nieqsa għal kollox minn kull sens ta’ solidarjetà u ċiviltà. Ekonomija fejn il-mara mhux tagħżel li toħroġ taħdem meta jkun il-waqt biex forsi l-familja tkun tista’ tgħamel il-kapriċċi li dawk li jkexkixhom il-ħsieb li togħla l-paga minima jistgħu jagħmlu mingħajr tbatija ta’ xejn, imma jkollha tiċċaħħad milli tgawdi lill-uliedha u tafda t-trobbija tagħhom f’idejn il-barranin, u tmur taħdem bilfors biex tlaħħaq mal-bżonnijiet bażiċi għax it-tmien siegħat xogħol ta’ żewġha, u forsi xi part-time ukoll, mhumiex biżżejjed. Dak progress!
Jiena ngħid li ma nistgħux nibbażaw ħajjitna biss fuq in-numri u l-persentaġġi biex noħolqu ġenna falza u nserrħu moħħna li la għalina l-affarijiet għaddejjin ħarir, huma hekk għall-bqija. Ma jistax ikun li għadd kbir ta’ ħaddiema u pensjonanti, wara l-ewwel tliet ġimgħat tax-xahar, imorru jfittxu x’baqalhom u ma jsibu xejn. Issa żgur se jkun hemm min idawwar dan l-argument f’politika biex jiddefendi lil min qiegħed isawwat lil ħutu l-ħaddiema, imma l-fatti jibqgħu fatti u billi joqgħod isemmi x’ġara taħt il-gvern ta’ qabel, (meta skont il-Prim Ministru tal-lum l-ekonomija kienet mhedda u l-banek qegħdin ifallu) mhux se jsolvi din il-problema tal-mistħija.
Għalija, ekonomija b’saħħitha u baġit soċjali ma jfissrux nies jgħixu fuq is-sussidji, imma paġi sura ta’ nies għal kulħadd. M’iniex qiegħed ngħid li kulħadd għandu jitħallas l-istess, jew li jogħoew il-pagi kollha, għax hekk niġu ċikku briku, imma li dawk tal-qiegħ nett li bħal kulħadd jagħtu l-biċċa kbira ta’ ħajjithom lill-post tax-xogħol, m’għandhom jiġu ssagrifikati fuq l-artal tal-flus f’isem il-kumdità tal-bqija u l-propaganda tal-politikanti, li f’konfoffa mal-kapitalisti, isoddulhom ħalqhom billi jgħaddulhom il-karità minn flus il-bqija tal-ħaddiem, forsi dak kien il-ftehim qabel l-elezzjoni.
Nemmen li iż-żewġ partiti għandhom l-obbligu morali li malajr kemm jista’ jkun jisimgħu l-karba tielgħa mill-qiegħ tas-soċjetà Maltija tal-‘Kampanja Favur Paga Minima Diċenti’ u jħassru din it-tebgħa kera li ilha wisq issa tinxteħet taħt it-tapiti lussużi tas-swali tal-poter, fejn qajla se ssib lil xi ħadd li din il-problema kerha jrid iqum u jorqod magħha kuljum. Nemmen li m’għandhiex tkun daqshekk diffiċli l-affari, għax l-oppozizzjoni diġà stqarret li taqbel ma’ din it-talba u fil-gvern hemm min jistqarr li hu l-partit tal-ħaddiema u jiftaħar li dejjem qabeż għaż-żgħir.
Salvu Mallia huwa kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali