Siġġijiet, realtajiet u mużika
L-Editorjal tal-ILLUM
Dawn l-aħħar jumejn ix-xenarju politiku Malti kien iddominat mid-deċiżjoni tal-Qorti li, wara proċess twil, tagħti żewġ siġġijiet oħrajn lill-Partit Nazzjonalista, wieħed minħabba żball fuq pakkett ta’ 50 u l-ieħor minħabba kwistjoni numerika, hekk kif il-Parlament ma jistax ikollu total ta’ Deputati biż-żewġ (even number).
Xi ftit jew wisq kull parti għandha punt. Ħadd mhu qed jisfida l-fatt li sar dan l-iżball, jiġifieri s’hawn il-Partit Nazzjonalista għandu raġun. U kull ‘żball’ jekk pruvat jeħtieġ ikun rimedjat. S’hemmhekk il-PN qiegħed fir-raġun. Min-naħa l-oħra r-rimedju qed jiżvantaġġja lill-Partit Laburista għax ħallieh b’rappreżentanza li mhux neċessarjament tirrifletti l-maġġoranza qawwija ħafna li ġab fl-aħħar elezzjoni. Jekk tal-PN għandhom raġun fuq l-iżball, il-Partit Laburista għandu raġun fuq r-rimedju. Jekk il-PN kellu maġġoranza ta’ ħames siġġijiet, b’maġġoranza ta’ 13,000 vot, wieħed ftit li xejn jista’ jifhem kif b’maġġoranza ta’ 36,000, jew ta’ 23,000 vot iktar il-Partit Laburista se jkollu biss seba’ siġġijiet aktar.
Kienet xi ħaġa pjuttost ovvja li l-Partit Laburista se jħoss li din is-sitwazzjoni tinġurjah, u allura kien ovvju u naturali d-diżappunt.
Ir-reazzjoni għal din is-sentenza min-naħa tal-PN u ta’ Simon Busuttil kienet eseġerata. B’kull stħarriġ xjentifiku tal-opinjoni pubblika juri lill-PN minn taħt, anke jekk mhux b’distakk qawwi, u lil Busuttil minn taħt sew f’dak li jirrigwarda ‘trust rating’, kien ikun ħafna iktar għaqli li kieku Busuttil, irrikonoxxa li dan kien tragward għalih u imma jirrikonoxxi wkoll li t-triq hija twila. Minflok kellu jsejjaħ rally ta’ din ‘ir-rebħa’. Huwa vera li Busuttil jeħtieġ iqawwi u jħeġġeġ l-għeruq tal-partit tiegħu, imma għal darba u tnejn qed jaqa’ fin-nassa ta’ trijonfaliżmu żejjed u ħafna ċertezzi li se jirbaħ żgur. Donnu ma tgħallimx mill-iżbalji li għamel eks Mexxej tal-Partit Laburista, li għamel 10 snin jimla’ ras l-attivisti tiegħu li se jirbaħ, jiċċlebra kull ‘rebħa’ matul ħames snin, biss biex imbagħad jiffaċċja telfa meta jiġi l-mument tal-verità.
L-umiltà ma tweġġax, mhux biss l-umiltà li tirrikonoxxi li għad fadallek triq twila imma l-umiltà wkoll li tirrikonoxxi li r-riżultat fl-2013 kien devastanti u issa se ngħiduha wkoll, li kien devastanti għal raġunijiet ferm validi, aktar validi milli l-PN donnu li jrid jagħti l-impressjoni.
Min-naħa l-oħra għandna lill-PM Muscat u lill-Gvern Laburista. Kważi erba’ snin wara l-PL illum jaf li x-xogħol ta’ ggvernar mhux daqstant faċli u jekk Muscat ħaseb li n-Nazzjonalisti se jagħmlulu xi favuri, kien sejjer żbaljat. Muscat iżda, anke jekk diżappuntat, jista’ jorqod b’moħħu mistrieħ li din id-deċiżjoni tal-Qorti mhux se tagħmel farka differenza fil-mod kif qed iħarsu lejh u lejn il-Gvern tiegħu n-nies. Li m’għandux għalfejn jibqa’ jieħu ‘for granted’ Muscat huwa l-appoġġ tal-poplu.
Jekk xejn din is-sentenza heżżet lill-Partit Laburista f’dinja iktar reali, lil hinn mit-torrijiet, għax fakkritu illi rebħiet ċerti ma jeżistux u li l-PN u speċifikament Simon Busuttil, qed jagħmlu u se jagħmlu dak kollu possibbli biex fl-2017 jew l-2018, jakkwistaw iċ-ċwievet għal Kastilja. Għalhekk huwa importanti li Muscat jirrikonoxxi l-ħidmiet kbar li għamel pajjiżna taħt dan il-gvern u anke r-riżultati eċċellenti li qed jikseb fuq il-front ekonomiku, jirrikonoxxi u jkompli jaħdem b’ħeġġa, però jħares ukoll lejn l-iżbalji li saru f’dawn l-aħħar tliet snin u nofs u jirrimedja.
Għax xejn mhu ċert u xejn mhu garantit, la maġġoranza ta’ disa’ siġġijiet fil-Palament u lanqas maġġoranza fil-kaxxi tal-vot.