L-Arċisqof tagħna lkoll
L-Editorjal tal-ILLUM
Ħadd mhu ’l fuq mill-kritika u fil-fatt, jekk qatt kien hemm istituzzjonijiet jew persuni li kienu ’l fuq mill-kritika, illum m’għadhomx. Ħadd m’għadu meqjus bħala ‘divin’, ‘salvatur’ jew xi alla żgħir. Illum ma nixgħelu xemgħat quddiem ħadd, ma nbusu ċ-ċrieket ta’ ħadd u ma nagħmlu reverenzi quddiem ħadd, għajr quddiem l-unika wieħed li huwa divin. Għalhekk, ħadd m’għandu jieħu għalih jekk jiġi kkritikat, ladarba jagħmel stqarrijiet fil-pubbliku.
L-Arċisqof Charles J Scicluna, b’kuntrarju għall-Arċisqof ta’ qablu Pawlu Cremona, huwa ħafna iktar attiv fl-arena soċjo-politika. Minnha nnifisha, din hija xi ħaġa pożittiva għax tfisser li l-Arċisqof Scicluna ħareġ lill-Knisja mis-sagristija metaforika u qed jibni immaġini ta’ knisja iktar relevanti. Imma r-relevanza mhux awtomatikament pożittiva. Ħafna personaġġi fl-istorja kkulurita ta’ pajjiżna kienu relevanti. L-Arċisqof Mikiel Gonzi, biex nagħmlu parallel ekkleżjastiku, ukoll kien relevanti ħafna. Imma llum, tajjeb u ħażin, jibqa’ mfakkar l-aktar għall-interdett; l-aktar deċiżjoni diviżiva, tal-mistħija u anti-Kristjana li qatt ħadet il-Kurja Maltija.
Illum, għall-grazzja t’Alla, l-affarijiet m’għadhomx hekk u minkejja kull argument il-kontra, ma jistgħu qatt jerġgħu jkunu hekk. Minkejja dan, l-Arċisqof tal-lum, tħoss din il-gazzetta, qed jiżbalja. Mhux għax jitkellem, għandu dritt u dover li jagħmel dan. Mhux għax jikxef il-maskri tal-Fariżej politiċi, għandu dritt u dover li jagħmel dan. Imma għax għal darba, tnejn, tlieta qed jkun perċeput li qed ikun selettiv sew f’dak li jagħżel li jikkritika u f’dak li le.
Għal bosta drabi, anke jekk jiċħad jew ma jaċċettax, l-Arċisqof qed jidher wisq ħerqan biex jagħmel kritika, li kważi kontinwament tkun f’sintonija ma’ dik tal-Partit Nazzjonalista. M’hemm xejn ħażin, anqas. Imma li Arċisqof, suppost figura ta’ għaqda, tikkunenta u lanqas biss tidher li tiddejjaq li dejjem tkun f’sintonija ma’ partit politiku wieħed u qatt ma ieħor, dejjem f’sintonija man-Nazzjonalisti u qatt mal-Laburisti hija iktar minn inkwetanti. Hija gravi.
Gravi, għax jekk biex il-Knisja ħarġet mis-suppost irrelevanza li daħħalha fiha l-Arċisqof Pawlu Cremona, ir-ragħaj tal-merħla kattolika, kellu jidher u ma jiddejjaqx li jidher li qed jallinea ruħu ma’ ħsieb politiku u anke bl-aktar mod sfaċċat ma’ media partikolari, mela allura l-Knisja Kattolika verament tinsab fil-bir tas-skieken. Verament is-susa waslet sal-qalba, biex l-Arċisqof irid joqgħod jikteb dwar id-dwal fuq Kastilja u fuq ir-riklam ta’ Joseph Muscat biex iżomm il-Knisja relevanti.
Kemm kien ikun ħafna iktar rilevanti l-Arċisqof kieku l-Ħadd li għadda ħareġ bl-istess orgolju qabel idden is-serduq ta’ filgħodu kontra l-possibbiltà ta’ deportazzjoni ta’ immigranti tfal minn pajjiżna. Kemm ikun aktar relevanti kieku jsostni l-kritika tiegħu, però darba kultant ifaħħar ukoll, fejn jixraq it-tifħir. Kieku jikkritika lill-Gvern imma jkun hu parti wkoll mill-bidliet soċjali u politiċi li qed imexxi l-Gvern preżenti. Kemm tkun ħafna iktar relevanti kieku l-mexxej tal-Knisja kien iż-żiemel tal-battalja kontra r-razziżmu spjetat li għadu jeżisti f’pajjiżna, kontra l-kriżi morali li fiha jinsabu ċrieki ta’ tfal kriminali minn ċkunithom. Kemm ikun aktar relevanti l-Arċisqof kieku jinżel aktar fost in-nies u jgħallem il-ġmiel tal-umiltà u s-servitudni li mijiet ta’ soċji u superjuri tal-MUSEUM madwar il-pajjiż jgħallmu lill-ġenerazzjonijiet ta’ għada. L-umiltà, li tant kellha tkun importanti f’Arċisqof li anke l-ħatra tiegħu, sal-lum, nemmnu li għadha mgħottija taħt kutra ta’ intriċċi li ma jagħmlux ġieħ lill-Knisja, hija wisq nieqsa.
Iktar kemm jgħaddi żmien, inqas qed ikun assoċjat mal-messaġġ reliġjuż tal-knisja l-Arċisqof preżenti u aktar qed isir sinonimu mal-pompożità u mal-establishment li jrid ikollu l-poter u li lest iqatta’ bi snienu biex jerġa’ jiksbu. Dan ma jagħmilx ġieħ lil Kristu li suppost jitkellem f’ismu, lill-Knisja Kattolika li jirrapreżenta u lanqas lill-Papa Franġisku li jmexxi l-istess Knisja.
L-istħarriġ tal-illum.com.mt dwar it-tmexxija tal-istess Scicluna li għaddej bħalissa u li ttella’ online nhar il-Ħamis wassal għal baraxx ta’ kritika u sfortunatament anke tgħajjir fuq is-sit Facebook lejn l-Arċisqof. Aħna nikkundannaw kull tgħajjir u nitolbu skuża jekk mistoqsija leġittima wasslet għal furur mhux meħtieġ. Imma nistaqsu wkoll: possibbli, l-Arċisqof Scicluna ma ddejqux li l-figura tiegħu, minflok tama, kompassjoni u fidi, iġġib ħafna sentiment ta’ rabja u xi minn daqqiet anke diviżjoni? ma ddejqux li l-aktar nies kuntenti bih illum, huma dawk li jarawh biss bħala għodda politika? Ma jħossx li ftit snin wara l-ħatra tiegħu jeħtieġ verament isir l-Arċisqof ta’ kulħadd?
Sur Arċisqof, int l-Arċisqof tagħna wkoll, tagħna lkoll. Huwa importanti li tkun hekk u li tidher hekk f’kull ħin u f’kull mument.