Il-qalb kollox

Ir-rakkont ta' Sharon Calleja

Għamlet moħħha mal-ħġieġ tal-appartament.

Ħadet nifs twil.

Għalkemm kien hemm xenarju mill-isbaħ, bil-ħajja mgħaġġla għaddejja fit-triq ta’ taħtha, bi dwal ikkuluriti ta’ żmien il-festi mżejnin madwar it-toroq, Nora ma kienet qiegħda tara xejn minn dak li kien qed jiġri hemm barra. Ħsibijietha kienu ’l bogħod.

Lejliet il-Milied.

Illum kien lejliet il-Milied.

Qatt ma kien wasal il-Milied u ma xtratlu xejn!

Xagħarha twil, twil sa taħt daharha, iswed u lixx, ġie quddiem għajnejha, jtappnilha l-veduta ineżistenti quddiemha.

Ħassitha kważi tistħi minnha nnifisha hekk kif ftakret li fil-kont tal-bank, kulma kien fadlilha kien eżatt ħalli jitħallas l-ammont ta’ self mill-bank li kienu ddejnu hi u Mario ħalli jixtru dan l-appartament. Il-portmoni kienet ilha tiflih xi siegħa sħiħa, tipprova tiftakar fejn kienet nefqet l-aħħar għaxar ewro li kellha ġo fih sal-bieraħ.

Il-laħam għal għada! Hemm kienu telqu! Kienet qaxxret sal-aħħar ċenteżmu!

Ħassitha mdejqa. Lanqas kienet taf x’kellha taqbad tagħmel.

Issa jekk Mario kien xtralha xi rigal? Issa jekk jistenna li tagħtih hi wkoll?

Imma kienet kważi ċerta li ma kien xtralha xejn. Il-paga kollha kien jagħtihielha. Qatt ma żamm xejn għalih. Minn fejn seta’ jġib il-flus ħalli jixtrilha rigal?

Imma hi xorta xtaqet...xorta xtaqet li tagħtih xi ħaġa. Imqar mhux xi ħaġa daqshekk għolja.

Hekk jew hekk, il-qalb kollox.

Dan kien l-ewwel Milied li kienu se jqattgħu flimkien wara ż-żwieġ u ħassitha se taqa’ għaċ-ċajt.

Imma x’setgħet tagħmel?

Daret tħares lejn l-appartament, tara ssibx xi soluzzjoni xi mkien f’xi kantuniera.

Għalkemm kien appartament imdaqqas, kien għadu nieqes minn xi għamara u ornamenti ta’ tiżjin ma kellu xejn. Għalissa, kien qisu nofsu għarwien. Hekk kienet tistħajlu. Post, nofsu għarwien.

“Kollox bil-mod,” kien qalilha missierha, lejliet it-tieġ. Bilkemm riedet tiġi toqgħod hawn.

Imma lil Mario kienet tħobbu. Kienet lesta toqgħod kullimkien, imbasta miegħu.

Dawret ħarsitha madwar il-kamra. Minkejja li l-post kien nofsu battal, hemm fil-kantuniera kien hemm siġra tal-Milied il-ġmiel tagħha.

Mario kien jaf li Nora kienet tħobb il-Milied u kien ħadem is-sigħat żejda ħalli jixtriha u jżejjen il-kamra tal-pranzu biha.

Kien preċiżament dak il-ħin li qalbha għamlet tikk.

Iva!

Kien hemm soluzzjoni!

Ġietha s-soluzzjoni f’moħħha!

Mingħajr ma ħasbitha darbtejn, telqet tħaffef lejn il-kamra tas-sodda, libset il-ġakketta, daħħlet xagħarha fil-kappell u ħarġet tiġri ’l barra bla nifs.

Ma tantx damet barra. Xi sagħtejn kollox. Wara sagħtejn, daħlet lura d-dar tħossha sodisfatta b’dak li kienet għamlet.

Kienet ċerta li r-rigal kien se jogħġbu!

Bdiet titbissem waħedha hi u tħares lejn il-pakkett żgħir imgeżwer li kellha f’idejha. Ftakret fl-espressjoni tiegħu kull darba li kienu jgħaddu quddiem il-ħanut tad-deheb li kien jinsab biswit darhom.

“Nora, araha kemm hi sabiħa!” kien jgħidilha, wiċċu jixgħel kull darba li kien jara l-ġiżirana tad-deheb li kien hemm fil-vetrina. “Din tkun bellezza kieku ndendel il-pendent tad-deheb li kellu missieri magħha, Alla jaħfirlu, Nor!”

“Sabiħa...” kienet twieġbu Nora ta’ kull darba, dejjem bl-istess ħsieb iberren f’moħħha. Il-ħsieb li xi darba tixtrihielu.

Oħroġ il-għaġeb, għalkemm id-dehbijiet u l-fidda li kien ikun hemm armati fil-vetrina tal-ħanut tad-deheb kienu jinbidlu ta’ kuljum, din il-ġiżirana donnha kienet sabet postha fil-vetrina u baqgħet hemm.

Mario kien ta’ kull darba jieqaf quddiemha, għajnejh jixgħelu, jixtieqha.

Reġgħet tbissmet, tħares lejn il-pakkett li kellha f’idejha.

Issa ma kienx se jixtieqha aktar! Għax fl-aħħar kienet qiegħda f’idejha mgeżwra f’dik il-karta tleqq u kkulurita.

Ħassitha kburija.

Kburija u ferħana.

Fl-aħħar. Fl-aħħar kienet xtrathielu. Issa kien se jkollu ma’ xiex idendel il-pendent prezzjuż li kien wiret mingħand missieru wara mewtu!

Ħarset lejn is-siġra tal-Milied. Eżatt malli kienet sejra lejha, tpoġġi l-ewwel rigal taħt is-siġra tal-Milied, semgħet il-bieb ta’ barra jinfetaħ.

“Nora!” semgħet leħnu familjari dieħel ġewwa, jħares lejha bi tbissima fuq fommu.

Mingħajr ma ta kas ir-rigal li kellha f’idejha, qabad jerfagħha u jbusha.

“Nora, nixtieqlek Milied sabiħ, għażiża tiegħi!” qalilha.

Nora kompliet miegħu.

Kien dak il-ħin li ndunat li kellu pakkett imgeżwer f’idejh.

“Mario...” bdiet tgħidlu, hekk kif newlilha l-pakkett żgħir li kellu f’idu għaliha.

“Dan għalik, nixtieq nagħtihulek minn qalbi,” qalilha.

Nora ħassitha sorpriża. Għalkemm kienet taf li dejjem ftakar fiha fil-Milied u fil-ġranet ta’ għeluq sninha, peress li dan l-aħħar kienu qegħdin finanzjarjament batuti mhux ħażin, ma stennietx rigali din is-sena.

“Minn fejn ġibt il-flus biex tixtrili rigal?” staqsietu.

“Uuuuu kieku taf, Nora ta’ qalbi!” qalilha Mario bid-daħka, jaqbadha bejn dirgħajh. “Ejja iftħu!” Kien jidher eċitat.

Nora ħarset lejh u lejn ir-rigal li kienet qiegħda żżomm f’idejha.

Imnalla xtratlu rigal! Issa kieku ma xtratlux, ma kinitx taqa’ għaċ-ċajt?

Ħasset l-eċitament hekk kif tagħtu l-pakkett li kienet xtrat hi.

“U dan għalik, għażiż Mario tiegħi!” qaltlu.

Hu ħares lejha b’għajnejh kbar, kbar.

“U int mnejn ġibt il-flus, Nora?” staqsieha. “Ilek tgħid li ma fadalx!”

“Uuuuuu kieku taf, Mario!” qaltlu hi.

Dak il-ħin, hekk kif ratu jħares lejn il-pakkett żgħir li kienet tatu hi, ħasset fawra tiela’ għal rasha.

Issa...issa jekk ma kinitx għadha togħġbu? Issa jekk ma togħġbux? X’kienet ser tagħmel?

Nora ratu jħares lejha u ħassitha kważi tistħi. Forsi, forsi malli jara r-rigal li xtratlu, tant ikun ferħan li ma jagħtix kas.

“Iftħu!” qalilha, l-eċitament jidher sew fuq wiċċu. “Naf li se jogħġbuk!”

Nora tbissmitlu u bdiet tiftaħ il-pakkett li kellha f’idejha. Malli fetħitu, ħasset qalbha trid tinqasam.

“Mario!” qaltlu.

Mario ħares lejha. Stenna reazzjoni totalment differenti mingħandha. Stennieha tifraħ. Stennnieha taqbeż bil-ferħ. Iżda Nora bilkemm iċċaqalqet. Baqgħet hemm skantata tħares lejn ir-rigal li kien ilu żmien biex jixtrilha.

“M’għoġbukx?” staqsieha, jħares lejha nkwetat.

“Iva ħafna,” qaltlu b’leħen kwiet u xi ftit miksur.

Kienu hemm.

Fil-pakkett f’idejha.

Iż-żewġ pettnijiet li ilha tixtieq f’xagħarha għal żmien twil! Kemm kienu sbieħ! Kellhom il-perli ta’ vera imdawwrin magħhom u l-materjal tagħhom tgħidx kemm kien fin!

Mario ra lil Nora tkemmex xufftejha, ma jafx x’kienet qiegħda taħseb.

“Nora, għidli...” qalilha.

Nora baxxiet rasha u neżgħet il-kappell li kien għadu ġo rasha.

Mario ħares lejha u qalbu għamlet tikk.

“Nora? X’għamilt?” staqsieha.

Dak ix-xagħar iswed, lixx li kellha martu ma kienx għadu hemm! Nora kellha xagħarha qasir! Maqtugħ sa rasha!

“Nora?” staqsieha mbellah.

“Ma jimpurtax. Ma jimpurtax!” qaltlu kważi mbikkma. “Il-pettnijiet nilbishom meta jerġa’ jitwal!”

“X’għamilt għid?” staqsieha.

“M’għadnix nogħġbok?” staqsietu.

“U ma tafx li togħġobni!” qalilha. “Imma x’għamilt b’xagħrek?”

“Kelli nbigħu ħalli nixtrilek rigal!” qaltlu.

“Nora...” qalilha kważi taqbdu r-rogħda. Kien qed iħossu emozzjonat. Li martu kienet tasal tagħmel xi ħaġa bħal din għalih...

“Iftħu!” qaltlu.

Mario beda jiftaħ ir-rigal. Eżatt malli ra l-ġiżirana sabiħa li tant kien ilu jixtieq fil-vetrina, baqa’ skantat iħares lejha.

“Għoġbitek Mario? Għoġbitek?” staqsietu, tifraħ.

Mario ma tkellimx.

Baqa’ dritt, dritt qisu xemgħa. Donnu nbidel fi statwa.

“X’ġara Mario? M’għoġbitekx?” staqsietu, tħossha konfuża bil-komportament tiegħu.

“Għoġbitni, Nora, għoġbitni.”

“Dik biex iddendel il-pendent li kien ħallielek missierek!” qaltlu eċitata.

“Ma nistgħax Nora,” qalilha b’leħen miksur.

“Għalfejn?” staqsietu, kważi tgħajjat miegħu. Minn wara li qatgħet xagħarha biex tixtrilu rigal bħal dak, donnu...donnu ma tantx kien kuntent bih.

“Għax il-pendent begħttu biex xtrajtlek dawk il-pettnijiet!”

Nora u Mario ħarsu lejn xulxin, it-tnejn li huma xxukkjati għall-għemil tagħhom.

“Il-qalb kollox Mario!” qaltlu Nora. Indunat kemm l-imħabba ta’ Mario lejha kienet tassew ġenwina.

“Il-qalb kollox Nora!” weġibha Mario, hekk kif induna li dak li kienet tħoss martu għalih kien imur oltre dak li qatt kien jimmaġina.”

More in Blogs