Is-sehem tar-raġel fil-familja jgħodd
Minn Renee Laiviera
Luke jaħdem minn wara nofsinhar sa tard filgħaxija u għalhekk, in-nofstanhar ta’ filgħodu jiddedikah għat-tfal u għad-dmirijiet tad-dar. Meta Luke jitlaq għax-xogħol, tieħu ħsieb dawn id-dmijirijiet il-mara tiegħu Sarah, li tkun ġiet lura mix-xogħol tagħha fil-bank.
Illum hawn numru ta’ rġiel li qed iħossu l-bżonn li jsaħħu s-sehem tagħhom fil-familja. Dan għal diversi raġunijiet. Meta l-koppja qed taqsam il-piż finanzjarju għat-tmexxija tad-dar, jagħmel sens li taqsam ukoll id-dmirijiet l-oħra. Dan isir aktar importanti meta ikun hemm membri oħra fil-familja li jkunu dipendenti fuqhom, per eżempju tfal u anzjani.
Għalhekk tajjeb li nirrikonoxxu r-rwol tal-missier fil-familja u fit-trobbija tal-ulied fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Irġiel li tfakkar xi jiem ilu. Nisimgħu li l-bilanċ bejn ix-xogħol u r-responsabbilitajiet tad-dar mhux faċli jintlaħaq, speċjalment meta l-ġenituri jkunu jaħdmu barra mid-dar, u li ħafna drabi tkun il-mara li tieħu ħafna mid-dmirijiet tad-dar. Fil-fatt, statistika turi li fil-medja fl-Unjoni Ewropea, meta mqabblin mal-irġiel, in-nisa jqattgħu d-doppju tas-sigħat għall-kura u t-trobbija tat-tfal u n-neputijiet tagħhom, filwaqt li jqattgħu t-triplu tas-sigħat fit-tisjir u l-faċendi tad-dar. Malta mhix eċċezzjoni.
Dan anke minħabba li għad hawn min jaħseb li d-dmirijiet tad-dar huma tan-nisa biss. Għadha teżisti wkoll il-mentalità li l-missier huwa dak li joħroġ jaħdem biex iġib il-flus għall-familja mingħajr ma nirrikonoxxu li ħafna missirijiet qed ikunu iktar parteċipi fil-familji u fid-djar tagħhom. Minn riċerka fost il-familji ħareġ li meta r-raġel jinvolvi ruħu sew fit-trobbija tal-ulied, l-affezzjoni li joffri l-missier tgħin fl-iżvilupp soċjali u emozzjonali tat-tfal tant li anki r-relazzjoni ta’ bejn l-ulied u l-missier tkun aktar b’saħħitha u jħossuhom ħafna aktar qrib ta’ xulxin.
Meta l-ġenituri jaqsmu x-xogħol u r-responsabbilitajiet tal-familja, il-ħin jiġi użat b’mod aktar effiċjenti u jkunu jistgħu jqattgħu iktar ħin ma’ uliedhom, flimkien bħala koppja u fil-familji tagħhom filwaqt li jaħdmu barra mid-dar jew itejbu l-ħiliet tagħhom permezz ta’ edukazzjoni tul il-ħajja. Meta r-responsabbilitajiet jinqasmu, jifdal ukoll ħin għall-passatempi, għall-ħbieb kif ukoll għal mumenti ta’ rilassament flimkien. Riċerka turi wkoll li iktar kemm il-koppja taqsam ir-responsabbilitajiet tad-dar u tat-trobbija tal-ulied iktar ikunu kuntenti fir-relazzjoni ta’ bejniethom.
Nisimgħu wkoll b’irġiel li minħabba raġunijiet varji jiddeċiedu li jkunu huma li jibqgħu d-dar filwaqt li l-mara toħroġ taħdem. Għalkemm dawn huma ftit, madanakollu jgħinu biex tkompli titkisser il-mentalità tradizzjonali li r-raġel mhux postu fid-dar.
Għal dawk il-koppji li jiddeċiedu li jaħdmu t-tnejn barra d-dar, ġew introdotti diversi miżuri matul is-snin. Appoġġ effettiv li ddaħħal fl-2014 kien is-servizz ta’ childcare b’xejn għal ġenituri li jaħdmu jew li jkunu qed jistudjaw u l-Breakfast Club għal tfal li jaslu l-iskola kmieni, il-Klabb 3-16 li jipprovdi servizzi għal wara l-ħinijiet tal-iskola wkoll ġie estiż u msaħħaħ bħala servizz edukattiv.
Barra minn hekk, tgħin ukoll il-possibilità ta’ ħinijiet tax-xogħol flessibbli, it-telework, u sigħat ta’ xogħol imnaqqsa għal ħaddiema flimkien ma’ miżuri oħrajn favur il-familja li jiġu offruti f’postijiet tax-xogħol kemm fis-settur pubbliku u anki f’dak privat. Dan l-aħħar żdied minn jumejn għal ħamest ijiem il-leave bi ħlas tal-paternità offrut lill-Uffiċjali Pubbliċi rġiel mat-twelid ta’ kull wild. Miżuri oħra favur il-familja mhumiex miftuħa biss għan-nisa imma anki l-irġiel jistgħu jibbenefikaw minnhom. B’hekk ir-rwol tar-raġel fil-familja qiegħed dejjem jingħata l-importanza li jixraqlu.
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) dejjem kienet konxja mill-bżonn li l-irġiel ukoll għandhom jingħataw l-appoġġ neċessarju biex jipparteċipaw aktar fil-ħajja tal-familja. Għaldaqstant, l-NCPE qed taħdem biex titqajjem kuxjenza dwar is-sehem tar-raġel fl-ugwaljanza bejn is-sessi permezz ta’ proġett li se jkompli jisħaq ukoll fuq l-importanza li l-irġiel jibbenefikaw mill-miżuri favur il-familja. Permezz ta’ dan il-proġett, l-NCPE qed tfittex ukoll li tkompli tkisser l-isterjotipi dwar ir-rwoli tan-nisa u l-irġiel u tisħaq fuq il-benefiċċji li jkun hemm jekk ir-responsabbilitajiet tad-dar jinqasmu b’mod ugwali.
Għal dan il-għan, matul ix-xhur li ġejjin l-NCPE se torganizza diversi attivitajiet. Għall-istudenti ta’ bejn l-14 u s-16-il sena se jsiru attivitajiet ta’ drama biex l-istudenti jagħrfu x’inhuma l-isterjotipi tar-rwoli tradizzjonali marbuta mall-irġiel u n-nisa biex b’hekk jaslu jistgħu jgħelbuhom. Barra minn hekk, se ssir ukoll ġurnata ta’ attivitajiet għall-istudenti post-sekondarji u tal-Università fil-kampus tal-Università stess li tkun tinkludi diskussjonijiet dwar is-sehem tar-raġel fl-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll esperjenzi ta’ kumpaniji li jimplimentaw miżuri favur il-familja.
Min iħaddem se jkollu wkoll l-opportunità li jattendi għall-inizjattiva ta’ konsultazzjoni li se ssir fuq medda ta’ jumejn li matulha se jiddibattu dawn il-miżuri favur il-familja kif ukoll arranġamenti ta’ ħinijiet ta’ xogħol flessibbli kemm għall-impjegati rġiel u anki nisa.
Dan minbarra li fost attivitajiet oħra, l-NCPE se tagħmel kampanja ta’ għarfien fuq il-media soċjali li tkun titratta dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, indipendenza ekonomika ugwali kif ukoll il-qsim tar-responsabbilitajiet domestiċi u kura tat-tfal. Aktar dettalji dwar dawn l-attivitajiet se nkunu qed inħabbruhom fil-ġimgħat li ġejjin.
Għaldaqstant, proġett bħal dan jgħin biex ikun aktar rikonoxxut is-sehem tar-raġel fid-dar u fit-trobbija tal-ulied, u li l-miżuri favur il-familja offruti fuq il-post tax-xogħol bil-għan li jinstab bilanċ bejn ix-xogħol u r-responsabbilitajiet familjari huma ta’ benefiċċju għall-ġenituri kollha, inkluż l-irġiel. Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Irġiel waqt li nagħrfu li l-parteċipazzjoni tar-raġel f’oqsma differenti u fid-dar tgħodd tassew inħeġġu aktar irġiel biex isaħħu r-rwol tagħhom fil-familja.
Għal aktar tagħrif dwar il-proġett tal-NCPE u inizjattivi oħra tista’ żżur is-sit tal-NCPE – www.equality.gov.mt
Renee Laiviera, hija l-kummissarju għall-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE)