Sitt xhur li jridu jkunu suċċess
Il-presidenza se tinvolvi ħafna ħidma għal kwalunkwe gvern, speċjalment jekk ikun il-gvern tal-iżgħar pajjiż tal-UE...
Ftit ġimgħat oħra u pajjiżna ser jassumi l-presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Xi tfisser eżatt din il-presidenza? L-UE għandha seba’ istituzzjonijiet u skont it-Trattat tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ħafna drabi għadu jissejjaħ il-Kunsill tal-Ministri huwa t-tielet wieħed minnhom. Dan il-Kunsill huwa differenti mill-Kunsill Ewropew li jagħti direzzjoni politika lill-Unjoni. Dan il-Kunsill Ewropew jiltaqa’ normalment darbtejn fis-sena sabiex jiddiskuti l-kwistjonijiet l-aktar pressanti tal-jum u fil-preżent hu ppresjedut mill-eks Prim Ministru Pollakk, Donald Tusk li mid-dehra qed jagħmel biċċa xogħol tajba.
Il-Kunsill tal-UE mill-banda l-oħra għandu essenzjalment funzjoni leġiżlattiva għax huwa t-tieni kamra tal-Parlament Ewropew flimkien mal-Parlament Ewropew li huwa elett direttament mill-poplu. Dan il-kunsill jirrappreżenta lill-gvernijiet tal-membri stati tal-UE. Fil-maġġorparti tal-każijiet, il-regolamenti u d-direttivi tal-UE, li lkoll jiġu proposti mill-Kummissjoni, iridu jiġu approvati kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill tal-Ministri.
Il-presidenza tal-Kunsill tgħaddi minn stat membru għal ieħor kull 6 xhur. Matul dan il-perjodu ta' 6 xhur, il-presidenza tippresiedi laqgħat f'kull livell tal-Kunsill, u tiggarantixxi l-kontinwità tal-ħidma tal-UE fil-Kunsill. Minn mindu ġie adottat it-Trattat ta' Liżbona fl-2009, l-istati membri li jkollhom il-presidenza, jaħdmu flimkien mill-qrib fi gruppi ta' tlieta, li jissejħu trio. It-trio jistabbilixxi l-għanijiet fit-tul u jħejji aġenda komuni li tiddetermina t-temi u l-kwistjonijiet prinċipali li jkunu ser jiġu indirizzati mill-Kunsill tul il-perjodu ta' 18-il xahar. Abbażi ta' dan il-programm, kull wieħed mit-tliet pajjiżi jħejji l-programm tiegħu stess ta' sitt xhur f'aktar dettall. It-trio attwali hu magħmul mill-Olanda, is-Slovakkja li l-presidenza tagħha ser tispiċċa fl-aħħar ta’ dan ix-xahar u Malta.
Il-presidenza tinvolvi ħafna ħidma għal kwalunkwe gvern u speċjalment jekk ikun il-gvern tal-iżgħar pajjiż tal-UE. Wieħed jittama li saru preparamenti adekwati ħalli nilqgħu għal din l-isfida
Il-presidenza għandha żewġ funzjonijiet prinċipali: fl-ewwel lok trid tippjana u tippresiedi l-laqgħat fil-Kunsill tal-UE u l-kumitati kollha tiegħu li jinkludu l-kumitati permanenti bħall-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) kif ukoll gruppi ta' ħidma u kumitati li jittrattaw suġġetti partikolari. L-unika eċċezzjoni huwa l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin li huwa ppresjedut mir-Rappreżentant Għoli li fil-preżent hija l-eks ministru tal-affarijiet barranin Taljan, Federica Mogherini. Il-presidenza trid tiżgura li r-regoli ta' proċedura tal-Kunsill u l-metodi tal-ħidma jiġu applikati korrettament. Il-laqgħat formali u informali isiru fi Brussell u fil-pajjiż tal-presidenza u għalhekk fis-sitt xhur li ġejjin sejrin isiru tant laqgħat hawn Malta.
It-tieni funzjoni prinċipali tal-presidenza tal-UE hija li tirrappreżenta lill-Kunsill fir-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, b'mod partikolari mal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew. Il-presidenza trid tipprova tilħaq qbil fir-rigward ta’ proposti leġiżlattivi f’laqgħat ta' negozjar informali kif ukoll laqgħat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni. Il-Presidenza tikkordina ukoll fil-qrib mal-President tal-Kunsill Ewropew u mar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.
Wieħed jista’ jimmaġina li s-sitt xhur li ġejjin sejrin ikunu ferm impenjattivi għall-gvern Malti. Il-presidenza tinvolvi ħafna ħidma għal kwalunkwe gvern u speċjalment jekk ikun il-gvern tal-iżgħar pajjiż tal-UE. Wieħed jittama li saru preparamenti adekwati ħalli nilqgħu għal din l-isfida. Fil-passat, kien intqal li ċertu laqgħat ser jiġu ppresjeduti mir-Renju Unit li kienu ser jippresjedu l-Unjoni dritt warajna. Din l-aħbar kienet ġiet miċħuda imma issa fi kwalunkwe każ, żgur li mhux ser isseħħ għaliex ir-Renju Unit mhux ser jippresjedi l-UE f’Lulju li ġej.
Il-programm tat-trio jipprovdi qafas għall-kontinwità bejn it-tliet presidenzi u jiffoka fuq ħames miri partikolari li huma: i) Unjoni li tippromwovi l-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività; ii) Unjoni li tippromwovi, issaħħaħ u tipproteġi l-interessi taċ-ċittadini kollha tagħha; iii) Unjoni tal-Enerġija u politika dwar il-klima li tħares ’il quddiem; iv) Unjoni bbażata fuq il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, u; v) Unjoni b’saħħitha fil-kuntest globali. Imbagħad, fi ħdan dan il-qafas, kull presidenza tiżviluppa l-prijoritajiet tagħha.
Dawk ta’ Malta jirrigwardaw ovvjament l-immigrazzjoni fejn Malta ser tibqa’ tinsisti fuq l-implimentazzjoni ta’ miżuri li diġà ntlaħaq ftehim dwarhom u tiżgura li l-kwistjoni tibqa’ waħda mill-ogħla prijoritajiet tal-aġenda politika. Prijorità oħra se tirrigwarda s-Suq Uniku li jrid jiġi sfruttat bis-sħiħ waqt li jiġi żviluppat is-Suq Uniku Diġitali kif ukoll jitwettaq is-Suq Intern tal-Enerġija. Huwa mistenni li dawn l-iżviluppi fis-Suq Intern iġibu benefiċċji konkreti fl-ekonomija.
Anke s-sigurtà ser tiffigura fost il-prioritajiet fid-dawl tat-theddida kostanti tat-terroriżmu anke fuq territorju Ewropew, anke f’dawn l-aħħar xhur. Il-Presidenza Maltija beħsiebha tagħti l-kontribut tagħha sabiex jintlaħaq progress konkret dwar proposti li jindirizzaw sfidi reġjonali u globali, waqt li jinżammu ħajjin il-valuri li fuqhom hija msejsa l-eżistenza tal-Unjoni nnifisha. Prijorità oħra identifikata mill-presidenza Maltija hija dik tal-inklużjoni soċjali fejn Malta tħoss li għandha ħafna x’taqsam mal-pajjiżi l-oħra Ewropej. L-għan hu li l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli jkunu jistgħu javvanzaw 'il quddiem.
Is-sigurtà u l-prosperità tal-Ewropa huma marbutin ma’ dak tal-viċinat tagħna. Għaldaqstant, priorità oħra hi dik tal-istabbilizzazzjoni tal-viċinat peress li l-pajjiżi li jmissu man-Nofsinhar tal-Mediterran qed jiffaċċjaw sfidi serji, inkluż il-kunflitt armati, it-terroriżmu, l-instabilità politika u r-radikalizzazzjoni. Fl-aħħar nett, il-presidenza Maltija sejra tipprijoritizza l-qasam marittimu li ovvjament huwa ta’ importanza kbira kemm għal pajjiżna kif ukoll għall-UE.
Ħadd mhu qed jistenna li jseħħu mirakli matul il-presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE. Imma l-progress fi ħdan l-UE huwa kkaraterizzat b’passi żgħar inkrimentali. L-importanti hu li dawn il-passi, żgħar kemm huma żgħar, ikunu fid-direzzjoni t-tajba. Fis-semestru Malti tal-presidenza, mistennija jseħħu żewġ avvenimenti ferm importanti. Qabel l-aħħar ta’ Marzu, ir-Renju Unit mistenni jifformalizza x-xewqa tiegħu li joħroġ mill-UE. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed joħroġ ċar kemm dan hu proċess kumplikat li se jieħu ħafna ħin u enerġija fis-snin li ġejjin, kemm għar-Renju Unit kif ukoll għall-UE. Madankollu, fis-sitt xhur li għaddew, is-27 pajjiż tal-UE impressjonaw lil kulħadd bl-għaqda tagħhom li ma jinnegozjawx mar-Renju Unit qabel ma jiġi invokat l-famuż artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona u li ma jikkontemplaw l-ebda kompromess għall-prinċipju ta’ libertà tal-moviment fil-kuntest ta’ aċċess għas-suq uniku. Fil-laqgħa li saret tal-Kunsill Ewropew din il-ġimgħa, l-iżolament, anke fiżiku, tal-Prim Ministru May kien tassew impressjonanti. L-Ewropej qed igħidu lir-Renju Unit biex ifittex jippakkja u jitlaq ’l hemm kemm jista’ jkun malajr.
It-tieni avveniment importanti huwa totalment differenti: huwa s-sittin anniversarju tal-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma fil-25 ta’ Marzu 1957. Dan l-anniversarju se jkun ikkommemorat b’avveniment speċjali f’Ruma. L-Unjoni żviluppat ferm minn mindu bdiet bħala l-Komunità Ekonomika Ewropea u eventwalment, evolviet f’Unjoni Ewropea minkejja li għadha ma saritx stat federali minħabba r-reżistenzi ta’ bosta pajjiżi membri.
Il-presidenza Maltija tagħmel sew li tenfasizza li ħafna mill-affarijiet li llum huma indiskussi huma frott din il-kollaborazzjoni bla preċedent bejn il-pajjżi Ewropej li kienu qattgħu mijiet ta’ snin jiġġieldu li xulxin. Il-libertà tal-moviment, tal-kapital, ta’ prodotti u ta’ servizzi li fost l-oħrajn taw lok għat-tneħħija tat-tariffi u l-ivvjaġġar bla ostakli bejn pajjiż u ieħor huma lkoll rivoluzzjonijiet mhux żgħar li llum qed naraw l-importanza tagħhom fil-kuntest tal-Brexit.
Tagħmel sew ukoll il-presidenza Maltija li tikkuntrasta l-gwerra propagandistika li qiegħda ssir minn stat ostili li qiegħed jagħmel minn kollox biex joħloq id-diżgwid fi ħdan l-UE. Bosta jwaħħlu fl-UE minħabba l-immigrazzjoni minn pajjiżi terzi meta l-immigrazzjoni hija kwistjoni ta’ kompetenza nazzjonali u l-isforzi kollha tal-Kummissjoni sabiex jinqasam il-piż bejn il-pajjiżi membri sabu resistenza kbira. Dan meta dan l-istess istat ostili tawwal il-gwerra ċivili fis-Sirja bir-riżultat li miljuni kellhom jaħarbu u bosta minnhom spiċċaw fix-xtut tal-Ewropa kif rajna f’dawn l-aħħar snin.
Fl-aħħar nett, il-presidenza Maltija trid taħdem ukoll biex l-UE dejjem tibqa’ ta’ relevanza għal bniedem komuni. Ħasra li l-UE toffri tant opportunitajiet li mhux dejjem jiġu sfruttati u dan anke fuq livell nazzjonali. Dana narawh fil-mod pjuttost kajman li qed jiġu minfuqin il-fondi li hemm għad-disposizzjoni tagħna. Din il-ġimgħa kellna l-aħbar li l-qasam tal-bejgħ tad-diesel fil-pajjiż ser jiġi nvestigat mid-Direttorat tal-Kompetizzjoni. Hija ħasra li l-gvern baqa’ jkaxkar saqajh u ma solviex din il-kwistjoni bir-riżultat li issa se tispiċċa tiġi investigata fi Brussell. Imma min ġab din il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew ħaqqu prosit għax wera li jaf kif jista’ jieħu vantaġġ tal-Ewropa.
Fuq kollox, wieħed jawgura li l-presidenza Maltija tkun suċċess li turi lil kulħadd li minkejja li aħna pajjiż verament żgħir, nistgħu nikkontribwixxu għall-progress fil-kontinent tagħna daqs il-pajjiżi l-oħra akbar minnha fi spirtu ta’ kollaborazzjoni leali u ħbiberija ġenwina.