FILMATI | L-esperjenza unika u mimlija diversita tal-ewwel Milied tiegħi fi Brussell

Tiżjin ‘state of the art’, ikel u xorb bla rażan, suldati armati u familji jgħixu fit-triq

Wirja ta' dwal u mużika fil-Gran Platz
Wirja ta' dwal u mużika fil-Gran Platz
Ilestu għar-raqda għal kesħa għax saqaf fuq rashom m'għandhomx
Ilestu għar-raqda għal kesħa għax saqaf fuq rashom m'għandhomx

 

‘Plaisir d’Hiver’....’Winter Pret’....’Winter Wonders’....’Il-pjaċiri tax-Xitwa’. Hekk sejħu żmien il-Milied fil-belt Kapitali tal-Ewropa u tal-Belġju, Brussel. Insejħilha belt kapitali tal-Ewropa għax minn hawn tinħema l-politika tal-Ewropa, għax hawn hu mimli bl-istituzzjonijiet kollha Ewropej, b’eluf u eluf ta’ ħaddiema minn kull parti tad-dinja jaqilgħu x’jieklu minn hawn.

wirja ta dawl u spettaklu fil-Gran Platz

Għalkemm tiskanta kemm eluf oħra hawn li mhux biss ma jaqilgħux x’jieklu iżda lanqas għandhom fejn jistkennu mill-iljieli kesħin ta’ Brussel. U dan hu l-akbar ħsieb u l-aktar li laqatni f’din il-belt sabiħa, mimlija ħajja u kulturi differenti.

Il-Milied fil-belt Kapitali Belġjana hi esperjenza unika. Għax Brussel hi belt mimlija diversita f’kull lat, diversita politika fejn jiltaqgħu l-politiċi ta’ kwalunkwe idejali, jargumentaw iżda fl-istess waqt jgħixu taħt saqaf wieħed b’salarji esorbitanti mħallas miċ-ċittadini Ewropej. Diversita kulturali fejn fit-trieq u l-ħwienet  tiltaqa ma’ kull razza u tisma lingwi differenti mitkellma li lanqas tiibqa taħseb minn liema pajjiż ġejjin. Diversita ta’ kwalita tal-ħajja, min għaddej bil-libsa u ingravata, min għaddej b’xi uniformi, min għaddej bil-jeans u xi headphones kbar ma widnejh, min għaddej bil-wires imdendlin ma widnejh u jparla u jixxena waqt li jkun fuq il-mobile, min jonfoq flusu fl-aktar ħwienet esklussivi, min fil-kju jipprova jiffranka xi ħaġa mill-Primark, min jittallab b’tazza vojta tal-kartun u min bil-familji jarma s-sodda u l-kutri fit-triq ilesti għal raqda fil-kesħa tal-lejl Belġjan.

Din hi Brussell, mimlija suwed, bojod, ġinġrin, somor, għarab, asjatiċi, peruvjani u anke xi maltin, kulħadd għaddej, kulħadd jiddeverti fis-swieq tal-Milied, ġej minn liema reliġjon ġej. Tfal u ommijiet bil-jihab jiġru u jiddevertu f’dak li ġie organizzat għal dawn il-festi sbieħ tal-Milied. Għax il-Milied anke jekk ma temminx li Ġesu hu iben Alla, jibqa fatt li jġib il-ferħ miegħu tkun fejn tkun fid-dinja. Bil-jihab jew le, iswed jew abjad inkella ċiniż jew indjan it-tfal qaqoċċa waħda jilagħbu jidku u jwerżqu.

Tant li presepju enormi jinsab fl-akbar pjazza tal-Belġju u turisti minn kull ġens u reliġjon tarahom jieħdu selfie miegħu. Il-Milied fi Brussell hu wieħed mill-aktar imdawwal bi dwal ‘state of the art’ b’wirjiet ta’ dwal u mużika fil-Gran Place li jimmeżmerizzawk, u wirja oħra 3d mal-faċċata tal-Knisja St Catherine li tieħdok fid-Dinja tal-Japan..Origami...spettakolari. Il-Christmas Markets huma l-akbar u l-isbaħ li qatt rajt(u dort minnhom mhux ħażin), li joħduk minn fejn il-knisja ta’ St Catherine, sa Boulevard Anspach u kważi jwasslu sal-Grand Place. F’dawn hemm mijiet ta’ bankarelli li fihom minn kollox, artiġġjanat, ikel minn kull post mid-dinja (iva anke mid-dinja Għarbija), għalkemm l-aktar li ġibdu kjuwijiet kienu dawk li jbiegħu l-ikel mill-Alsace u Żvizzera, il-ġobon jinten iżda tant hu tajjeb. Bankarelli li jbiegħu kull kwalita ta’ xorb bil-mulled wine (l-inbid sħun) jibqa l-aktar popolari, bil-ħaqq kien hemm bankarella li jbiegħ il-pasturi u din dejjem vojta min-nies. L-ambjent natalizju, bħal kullimkien nieqes mill-bambini iżda mimli kant u spettakli, ice skating bit-tfal u żgħażagħ jiżolqu u jwerżqu u fil-madwar shopping bla rażan minn Rue Neuve. Dan barra l-parata mimlija spettaklu, kant, żfin u karattri popolari fuq stil ta’ Disney (jekk mhux isbaħ).

Fr Christmas bla saqaf ukoll
Fr Christmas bla saqaf ukoll

Il-Milied fi Brussell hu spettaklu li jibda minn nofs in-nhar sa tard bil-lejl, iżda barra dan is-sabiħ u d-divertiment iltqajt ma xi ħaġa li ma stennejtha qatt u li naħlef li qabżitli demgħa. Familji żgħażagħ jifirxu mal-art, il-mara, r-raġel u wliedhom minn trabi sa tfal u jlestu għar-raqda barra t-trieq. U dan mhux wieħed jew tnejn tafux, għexieren u mijiet. Anzjani li meta suppost irtiraw jinsabu bla dar u reqdin fit-trieq. Forsi jirnexxilhom jiġbru biżżejjed biex jieklu jew ipejpu sigarett u forsi xi flixkun birra,  iżda m’għandhomx saqaf fuq rashom. Tant draw din il-ħajja li saru qishom speċi ta’ kommunita, ġirien ta’ xulxin, bit-tfal jilagħbu b’xi bużżieqa, u anke jitbissmulek u jxejrulek jekk tagħtihom xi ħaġa u toħdilhom ritratt. Tara wkoll żgħażagħ tar-redcross jiġbru l-flus bie xjgħinu lil dawn bla dar. Għiduli li tridu jekk hux żingari, jew ma jridux jaħdmu jew elf skuża oħra, żgur li dawn iċ-ċkejknin jixirqilhom ħajja aħjar u dawn jinsabu taħt imnieħer dawk li jmexxu l-ewropa. Fil-fatt dawn huma l-aktar nies li fakkruni fit-twelid tal-bambin, jew aħjar fil-vera Milied. Ġesu Bambin għall-inqas dak kellu ħmara u baqra jsaħħnuh ftit, dawn m’għandhom xejn ħlief xi kutra biex tilqagħlhom mil-kesħa fina Belġjana.

U qabel ninsa dan kollu mgħasses mis-suldati armati li bla waqfien iduru u jduru biex jiżguraw l-protezzjoni ta’ kull ċittadin, jekk hu iswed, ewropew, ażjatiku jew Għarbi. Dan hu l-Milied fi Brussell. Milied li jferrħek u jagħmillek għafsa ta’ qalb li tara l-faqar qalb is-sinjuri u l-kattiverija u l-kruha tat-terroriżmu.Milied mimli diversita.

Joyeaux Noel

 

More in Blogs