Ċpar u dellijiet

Joe Ellis jagħti ħarsa lejn avvenimenti tas-sena 2016, partikolarment l-elzzjoni Amerikana u l-attakki f'Berlin

Qed niċċelebraw il-Milied imma qed nagħlqu din is-sena bi tħassib kbir.

Frankament, naħseb li d-dinja ilha ma tgħaddi minn perjodu daqshekk delikat daqs dak li bħalissa għaddejja minnha. Possibbilment, lanqas fl-eqqel tal-gwerra l-bierda d-dinja ma kienet qiegħda fil-periklu li tinsab fiha llum. Qed jingħad dan għaliex matul il-gwerra l-bierda, kien hemm żewġ atturi prinċipali li t-tnejn kellhom skjerament ta’ atturi minuri kull wieħed li kienu jaffrontaw u jibbilanċjaw lil xulxin. Kulħadd kien jaf li mossa żbaljata waħda u l-ekwilibriju prekarju kien itir u d-dinja kienet tispiċċa f’kunflitt b’armi nukleari bla preċedent.

Illum, is-sitwazzjoni nbidlet sew wara t-tmiem tal-Unjoni Sovjetika. Ċertu atturi baqgħu l-istess u għandna oħrajn ġodda. L-armi nukleari, għalkemm ħafna anqas fin-numru, hemm għadhom. Imma llum jeżistu armi ġodda, ferm aktar sottili, imma ferm effettivi. L-indħil Russu li għadna kif rajna fl-elezzjoni Amerikana għandu jiftaħ għajnejn ta’ bosta għax tassew mhux aċċettabbli.

Bosta mill-qarrejja mhux ser jaqblu mal-interpretazzjoni tiegħi: imma ser nagħtiha xorta. Putin huwa bniedem li ma jaħfirx malajr u qatt ma ħafirha lil Hillary Clinton talli tat appoġġ, fuq kollox morali, lil dawk li pprotestaw kontra r-riżultat tal-elezzjonijiet leġiżlattivi Russi fl-2011. Bosta kienu dawk li sostnew li sar qerq kbir f’dawn l-elezzjonijiet li taw riżultat kbir lill-Partit ta’ Putin. Għaldaqstant, ħalef li jagħmel minn kollox sabiex jagħmel bsaten fir-roti lill-kampanja ta’ Clinton u jiffavorixxi lill-kandidat Repubblikan li tradizzjonalment ikun ferm aktar anti-Russu. Din id-darba imma Donald Trump wera matul il-kampanja simpatija mhux tas-soltu lejn Putin. Bosta kienu dawk li qabblu l-personalità ta’ Trump u Putin. U hemm ukoll ħafna spekulazzjoni dwar l-interessi kummerċjali ta’ Trump fir-Russja u speċjalment, mar-Russi.

Skont l-aġenziji tal-intelligenza Amerikani, gruppi qrib, jekk mhux diretti wkoll mill-intelligence Russa, irnexxielhom jiħħekjaw kemm il-kompjuters tal-partit Repubblikan kif ukoll dak Demokratiku kif ukoll il-kont Gmail ta’ John Podesta, il-kap tal-kampanja ta’ Clinton. Madankollu, kienu biss l-emails li imbarazzaw lid-Demokratiċi u lill-kampanja ta’ Clinton inħarġu permezz ta’ Wikileaks. Jidher ukoll li l-FBI kienet taf b’dawn l-attakki ċibernetiċi imma għamlet ftit li xejn sabiex tinnewtralizzahom u tavża lill-kampanja ta’ Clinton.

L-animosità tal-FBI għal Clinton kienet tassew evidenti. L-ittra tad-direttur tagħha ftit jiem biss qabel l-elezzjoni jidher li ma kellha assolutament l-ebda bażi legali imma setgħet swiet lil Clinton appoġġ fi stati kruċjali kif ukoll twaqqaf il-momentum tal-kampanja tagħha. Minkejja bosta investigazzjonijiet anke da parti tal-FBI, qatt ma nstab li Clinton kisret il-liġi u qatt ma nbdew proċeduri kontriha. Imma l-kampanja ta’ tajn ħadmet u Trump sar president minkejja li Clinton ġabet 2.88 miljun voti aktar minnu. Alleanza xejn qaddisa bejn is-servizzi sigrieti russi u l-FBI taw rebħa lill-kandidat l-aktar improbabbli fl-istorja Amerikana, kandidat bl-ebda esperjenza ta’ uffiċċju pubbliku, b’passat fid-dinja tal-kummerċ pjuttost imħallat u b’bosta kontroversji.

Imma jidher li s-segwaċi tiegħu, flok ma tgerrxu mill-istqarrijiet l-aktar straordinarji tiegħu bħal dik li jrid jibni ħajt mal-Messiku biex l-istupraturi u l-kriminali Messikani jibqgħu barra u li ma jħallix Musulmani jidħlu fl-Amerika, aktar tawh appoġġ. Bosta emmnuh li se jżomm il-prodotti barranin speċjalment dawk Ċiniżi li qed joħdulhom xogħolhom milli jidħlu fl-Amerika. U li l-faħam ser jerġa’ jieħu r-ruħ kif ser jagħmel l-azzar Amerikan. Fuq kollox emmnuh li ser inaddaf lil Washington mill-interessi speċjali, bħal dawk ta’ Wall Street. 

U hekk id-dinja issa għandha president li qiegħed jaħtar l-aktar Kabinett sinjur fl-istorja bl-akbar numru ta’ biljunarji, b’nies li jiffrekwentaw esponenti tal-lemin estrem, fosthom simpatizzanti Nażisti u razzisti u b’nies li jiċħdu t-tibdil tal-klima. Minkejja l-evidenza dejjem tikber, għad hawn min jiċħad li t-tibdil tal-klima huwa riżultat tal-azzjoni umana u dawn l-individwi issa ser ikollhom karigi ferm importanti fl-amministrazzjoni l-ġdida Amerikana.

L-istess sfiduċja fil-klassi politika Amerikana qed narawha ukoll f’pajjiżi oħrajn. Kellna r-riżultat tal-Brexit li kellu xi ftit jew wisq l-istess matriċi bħall-vot Amerikan. Għandek klassi ta’ nies, speċjalment ta’ ħaddiema, li marru ħażin bil-globalizzazzjoni u tilfu l-privileġġi u l-pagi għoljin li kellhom għal żmien twil. Imma dawn in-nies mhumiex qed jifhmu li l-affarijiet mhumiex ser jitreġġgħu lura, li jekk il-vapur ser isalpa ħdejn is-sireni li qed isejħulhom u jwegħduh il-ġenna fl-art, ser jinkalja. Bħalma dawn in-nies fil-punent għandhom dritt igħixu sew, l-istess għandhom il-ħaddiema Ċiniżi, Vjetnamiti u Indjani li qed joħdulhom xogħolhom. L-adazzjoni għall-effetti tal-globalizzazzjoni hija ferm aktar kumplessa milli l-mexxejja popolisti jpinġu u ħażin għalih min ma jippruvaw jadatta għar-realtijiet il-ġodda. Imma tassew m’hemmx triq oħra. L-ekonomiji tal-punent iridu jagħfsu fuq attivitajiet ekonomiċi ġodda imma dan mhux faċli, aktar u aktar li llum qed naffaċjaw sfida ġdida, dik tal-intelliġenza artifiċjali, li hija mistenni tirrendi  miljuni ta’ nies bla xogħol fis-snin li ġejjin.

Minkejja x-xettiċiżmu tal-amministrazzjoni l-ġdida Amerikana, it-tibdil tal-klima ser jibqa’ sfida kbira għad-dinja fl-2017. Fortunatament, il-pajjiż li l-aktar jitfa’ CO2  fl-arja, iċ-Ċina qed jieħu l-isfida bl-akbar serjetà u dana anke minħabba t-tniġġiż li qed jifni l-bliet tiegħu. Qed isir investiment tremend fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u llum, id-dinja qiegħda tinvesti aktar f’dawn l-oqsma mli fis-sorsi tradizzjonali ta’ faħam, pitrolju u gass.  Fuq kollox, l-ekonomija tas-sorsi rinovabbli ta’ enerġija tjiebet ferm u llum ħafna drabi hija irħas mis-sorsi tradizzjonali anke mingħajr sussidji statali. F’dan ir-rigward, teżisti tassew tama u l-qagħda mhijiex daqshekk ħażina.

Ovvjament, theddida oħra hija dik tat-terroriżmu. Imma frankament, minkejja attakki bħalma kellna din il-ġimgħa f’Berlin li fihom imutu nies innoċenti, wieħed m’għandhux jeżaġera l-impatt ta’ dawn l-attakki. Ir-rabta bejn dawn l-attakki u l-merħba li l-Ġermanja tat lir-rifuġjati dlonk saret minn bosta propagandisti tal-lemin. Imma l-fatt jibqgħu li dawn l-attakki kriminali, ta’ kwalunkwe matriċi, jsiru anke f’pajjiżi li ma jilqgħux ir-refuġjati u li dawn ir-refuġjati huma invarjabbilment nies tal-affari tagħhom li huma ħerqanin sabiex jibdew ħajja ġdida.

Id-dinja dieħla fl-2017 b’ħafna ċpar u ftit dawl jew dell. Imma ma rridux naqtgħu qalbna. Kull min jemmen fil-valuri komuni Ewropej irid jaħdem u jistinka aktar minn qatt qabel sabiex id-dinja ma tispiċċax tmur lura fiż-żminijiet tassew mudlama li l-mewġa ta’ populiżmu fis-snin tletin ipprovokat. Dawn il-valuri żguraw paċi u progress f’dawn l-aħħar sebgħin sena fil-kontinent li għal sekli kien it-tejatru ta’ konflitti. U kellhom effett pożittiv ferm ’il bogħod mill-fruntieri Ewropej.

Bħala riżultat tal-impenn sabiex id-dinja ma terġax tgħaddi mill-ħruxijiet u l-massakri tat-Tieni Gwerra Dinjija, tnieda esperiment innovattiv sabiex il-pajjiżi Ewropej jaqsmu s-sovranità tagħhom u jilqgħu flimkien l-isfidi komuni. Hija tassew ħasra li hawn daqshekk animożità lejn l-Unjoni Ewropea, ħafna minnha pprovokata bid-difużjoni ta’ propaganda falza li rajnieha jkollha effett daqshekk kbir kemm fil-vot tal-Brexit kif ukoll Amerikan. Imma verament bid-difetti, reali jew perċepiti tagħha, ma jeżistux alternattivi konkreti għal din ir-realtà tal-Unjoni Ewropea. Min iwiegħed realtà alternattiva u isbaħ qiegħed jidħaq bin-nies kif ftit ftit qed jiskopru ċ-ċittadini tar-Renju Unit.  It-twerżiq ta’ dawk li pinġew Renju Unit ħieles mill-‘ktajjen ta’ Brussell issa qed jaffaċja r-realtà li l-kappa tal-UE tiżgura l-impjiegi u standards f’bosta oqsma li ma tistax tgħaddi mingħajrhom. 

Il-Milied it-Tajjeb lil kulħadd.  Ejjew nippruvaw ilkoll inneħħu kwalunkwe sentiment ta’ mibgħeda li għandna fl-istonku u naraw lil kull wieħed u waħda minnha bħala ħolqien li jixraqlu d-dinjità li Ġesù Bambin ġie mċaħħad minnha fit-twelid tiegħu. 

Flimkien biss, bli niġbdu ħabel wieħed, nistgħu naffaċjaw l-isfidi komuni. 

 

More in Blogs