Tagħlimiet mill-2016...
Editorjal tal-ILLUM
Tagħlimiet mill-2016...
Is-sena 2016 issa waslet fi tmiem definit, mat-tokki ta’ nofsilejl, dawk li se jkunu għexu dawn it-12-il xahar biex jixhdu sena ġdida se jkunu qed iċekċku t-tazzi tax-xampanja biex jimmarkaw bidu ġdid. U la semmejna dawk li baqgħu ħajjin, ta’ min infakkru lil dawk il-ħafna li baqgħux. Kienet sena li matulha mietu ħafna nies famużi u popolari, kemm f’Malta kif ukoll madwar id-dinja. Dwar dawn kollha inkitbu ħafna eloġji u għalihom tħalla ħafna spazju fuq il-mezzi tax-xandir u l-mezzi soċjali.
Kull mewt tħalli vojt, imma tfakkarna li mis-sema ’l isfel tlajt kemm tlajt skaluni jew inżilt kemm inżilt, kulħadd fl-aħħar mill-aħħar huwa ugwali fil-mumenti finali tal-ħajja. Minn hawn nixtiequ minn qalbna nsellmu lil dawk kollha li l-2016 għalihom fissret it-telfa ta’ xi ħadd għażiż, speċjalment il-familja ta’ Rueben Azzopardi, kickboxer internazzjonali Malti li miet traġikament ftit siegħat ilu biss.
L-akbar tagħlima politika fl-2016 hija li l-poplu m’għandux jittieħed ‘for granted’, imkien, fl-ebda rokna ta’ ebda pajjiż. Għax kull poplu li jittieħed ‘for granted’ jagħti sorpriżi kbar, li jistgħu jkunu koroh. Fil-politika, l-ebda riżultat elettorali mhu miktub fuq il-ħajt u m’hemm ċertezza ta’ xejn. Il-poplu kapaċi tant ikun irid jixkupak ’il barra mill-kurituri tal-poter, li lest jagħżel dak li jista’ jkun inferjuri jew dak li jista’ jkun inċert, biex ineħħik.
Fir-Renju Unit, il-poplu għażel li jitlaq mill-UE, parti għax il-problemi li eluf kbar ta’ votanti kienu mħassbin dwarhom ġew injorati jew mitfugħin fil-ġenb.
Fl-Istati Uniti, l-istess, kulħadd moħħu biex jitkellem dwar kif l-elezzjoni Presidenzjali tal-Istati Uniti se taffetwa lill-Unjoni Ewropea u kif se jaffettwaw ir-relazzjonijiet tal-pajjiż mal-globu, imma ftit jew xejn iddiskutejna l-familja minn Kentucky, il-ħaddiem bla xogħol minn Kansas u l-miljuni mħassbin dwar ghettos wara biebhom. Ir-rebħa ta’ Trump, bħal ta’ Brexit, ġew bħala sorpriża għax kulħadd, inkluż ħafna mill-midja, jinteressahom biss minn x’jaħsbu erba’ psewdo-intelletwali jew x’jaħsbu huma stess.
Kieku ċerta midja, li tridha tal-elevata u għalhekk ma titħallatx mal-‘hoi polloi’, għamlet xogħolha sew u niżlet fir-toroq, titkellem man-nies u tifhem kif qed iħossuhom u x’inhu l-vera inkwiet tagħhom (minflok titrivjalizzah jew tittimbrah), kieku la l-Brexit u lanqas ir-rebħa ta’ Trump ma kienu jkunu sorpriżi.
Lokalment, it-tagħlimiet politiċi kienu ċari. Il-politika mhux business. Min jara l-kariga politika jew pubblika tiegħu bħala mezz biex iħaxxen butu, kien ikun jaqbillu jibqa’ l-maniġer li kien, jew jorganizza t-tombli kif kien jagħmel qabel. Il-ġid iġġibu għax taħdem għalih u għax f’dak li tagħmel int suċċess, dik hija in-normalità. In-normalità mhix li tistenna l-partit tiegħek ikun fil-Gvern biex ikollok xi pożizzjoni jew biex taqla’ lira.
It-tieni tagħlima hija li m’hemmx bżonn in-‘nar’. Id-‘duħħan’ huwa biżżejjed biex in-nies ma jibqgħux jafdaw fik u ma jemmnukx iktar. Meta l-awditur kien qal li fil-każ tal-BWSC u x-xiri taż-żejt sab id-duħħan imma mhux in-nar, ħadd ħlief l-aktar Nazzjonalisti għomja m’emmnu li l-proċess kien nadif u li l-Ministru involut huwa ‘verġni’. U li jgħodd għall-blu jgħodd għall-aħmar ukoll. Fil-każ tal-Panama, nar għad m’hemmx, imma duħħan hemm kemm trid u l-poplu baqa’ l-istess kif skredita d-duħħan tal-bieraħ jiskredita d-duħħan tal-lum.
Lil hinn mill-politika partiġġjana, din is-sena wkoll reġgħet fakkritna fl-importanza li nieħdu ħsieb ir-riżorsi tagħna. Jidher li l-previżjonijiet ta’ xitwa bħal tas-sena l-oħra, ma mmaterjalizzawx. Nirringrazzjaw ’l Alla. Għax Xitwa (2015/2016) qoxqox mingħajr ilma, xorta ma ċaqalqitniex biex nieħdu azzjoni deċiżiva. Azzjoni biex l-ilma li jinżel b’mod naturali nikkonservawh. L-ironija trid li fl-istess pajjiż fejn infaqna €50 miljun biex l-ilma tax-xita jmur dirett ġol-baħar i.e għar-rimi, ta’ sikwit tisma’ lil xi ġenituri jgħidu lill-uliedhom ‘save for a rainy day’.
L-2017 mistennija tkun sena impenjattiva, lokalment. L-ewwel sitt xhur tas-sena, Malta se jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Sfida loġistika kbira li nisperaw, u m’għandniex għalfejn naħsbu l-kontra, se tkun suċċess. Se tkun sena fejn l-attenzjoni tal-istess Presidenza se tkun fuq l-immigrazzjoni. Hawn ukoll nittamaw li minflok ħafna ‘talking shops’ ikollna azzjoni ċara, b’deċiżjonijet li jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem.
L-2017 se timmarka l-bidu ta’ kampanja elettorali li prattikament ma waqfet xejn. Kampanja elettorali fejn diżgrazzjatament jekk niddieċiedu li niddieċiedu, jista’ jkun li jkollna niddeċiedu l-aħjar mill-agħar. Dik għażla!