It-triq taż-żgħożija
L-opinjonista Joe Ellis jitkellem dwar iż-żgħażagħ...dawk vittmi, u dawk li jġiegħlu l-ħaddieħor ibati
Dawn il-jiem ħsibt ħafna f’diversi żgħażagħ u fiż-żgħażagħ in ġenerali.
Forsi dan peress li kont f’kuntatt ma’ bosta minnhom fl-aħħar jiem ta’ festi u stajt nifhem aħjar l-aspirazzjonijiet u x-xewqat tagħhom.
Ħsibt ħafna dwar Giulio Regeni, żagħżugħ Taljan ta’ 28 sena, li fit-3 ta’ Frar li għadda nstab mejjet fit-triq bejn il-Kajr u Lixandra. Regeni kien mill-Friuli Venezia Gulia, reġjun Taljan fuq il-fruntiera mal-Islovenja. Kien rebaħ borża ta’ studju u mar jistudja f’wieħed mill-United World Colleges fl-Amerika. Ta’ sittax-il sena, jiena kont mort nistudja f’kulleġġ simili fil-Kanada u nimmaġina li Giulio ukoll kellu l-istess espożizzjoni li jiena kelli għal żgħażagħ oħra tamparu ta’ kultura u reliġjon differenti. Biss biss, fil-każ tiegħi konna mitejn student minn ħamsin pajjiż differenti, inkluż iċ-Ċina Popolari. Immaġinaw l-impatt ta’ tali esperjenza fuq xi ħadd li kien għadu qatt ma ħareġ minn pajjiżu, li lanqas kien jasal waħdu sa Malta, meta jsib ruħu f’ambjent bħal dan. Kienet esperjenza li tibqa’ miegħek ħajtek kollha u li tfassal b’mod li ma jinbidilx kif tħares lejn id-dinja ta’ madwarek. Tgħallmek tirrispetta kulturi oħrajn u ma tibqax temmen li dik tiegħek biss hija tajba u superjuri għal tal-oħrajn.
Regeni kien kompla l-istudji tiegħu f’Cambridge u kien qiegħed jagħmel dottorat. Bħala parti mill-istudji tiegħu, mar l-Eġittu fejn kien qiegħed jirriċerka l-qasam tat-trejd unions ħielsa. Dan l-aħħar, wieħed mill-mexxejja trejdunjonisti Eġizzjani stqarr li kien hu li rrappurtah lis-servizzi tas-sigurtà ta’ pajjiżu għax kien isaqsi wisq mistoqsijiet. Regeni sparixxa u ftit jiem wara, ġismu nstab mitluq fit-triq nofsu għarwien u wara li sofra torturi indeskrivibbli. Traġedja kbira għalih u għall-familja tiegħu. Madankollu, kif bosta mill-ħbieb tiegħu Eġizzjani stqarrew, tali tmiem traġiku hu d-destin ta’ ħafna u ħafna żgħażagħ u mhumiex fl-Eġittu fejn ma tirrenjax is-saltna tad-dritt imma ta’ min għandu s-saħħa. Kemm hi tassew ħasra li ma napprezzawx biżżejjed il-libertajiet u d-drittijiet li ngawdu u naħsbu li dawn huma awtomatiċi.
Ħsibt ukoll f’żgħażagħ oħra li b’xi mod kellhom x’jaqsmu mal-aħħar traġedja tat-terroriżmu f’Berlin. Waħda mit-tnax-il vittma kienet żagħżugħa Taljana ta’ 31 sena, Fabrizia Di Lorenzo. Kienet marret Berlin sabiex issib xogħol u kienet meqjusa bħala waħda mill-ġenerazzjoni Erasmus, il-ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ Ewropej li qed jaqsmu l-fruntieri biex jaħdmu u jgħixu f’pajjiż Ewropew ieħor, kif qed naraw anke f’pajjiżna. Fabrizia spiċċat mgħaffġa mit-trakk li nħataf minn żagħżugħ ieħor, li bil-kemm kellu 24 sena, u li użah sabiex iwettaq l-att terroristiku li kellu f’moħħu.
Dan it-trakk kien ta’ kumpanija Pollakka u kien misjuq mill-kuġin tal-proprjetarju, żagħżugħ ġolf ta’ 6 piedi 2 ta’ 37 sena, Lukasz Urban. Urban ntasab mit-Tuneżin Anis Amir u jidher li ġġieled bil-kbir sal-aħħar nifs ta’ ħajtu sabiex jevita t-traġedja. Spiċċa b’daqqiet ta’ sikkina qabel ma sparalu t-Tuneżin. Traġedja fit-traġedja li wkoll ħalliet ħafna niket fil-Polonja.
Fabrizia spiċċat mgħaffġa mit-trakk li nħataf minn żagħżugħ ieħor, li bil-kemm kellu 24 sena, u li użah sabiex iwettaq l-att terroristiku li kellu f’moħħu
Imma ma stajtx ma naħsibx ukoll dwar l-aġent ta’ dan in-niket kollu, Anis Amir. Ħajja żagħżugħa oħra maħruqa għall-ideal żbaljat. Amir kien wieħed mill-bosta żgħażagħ li telqu mit-Tuneżija wara r-Rebbiegħa Għarbija li bdiet minħabba l-faqar, il-miżerja u n-nuqqas ta’ libertà fid-dinja Għarbija. Telaq lejn Lampedusa li hija biss ftit kilometri ’l bogħod mill-kosta Tuneżina. Imma anke fil-kamp tad-detenzjoni, Amir beda jiddistingwi ruħu bil-komportament anti-soċjali tiegħu. Spiċċa jdur minn ħabs għal ieħor fi Sqallija fejn kif qalet l-istess ommu, ġie radikalizzat. Sena u nofs ilu ħareġ mill-ħabs u ġie notifikat b’ordni ta’ tkeċċija. Madankollu, it-Tuneżija m’aċċettatux lura għax sostniet li kien hemm problemi dwar l-identità tiegħu. B’xi mod ħarab miċ-ċentru ta’ Caltanisetta u spiċċa l-Ġermanja fejn it-talba tiegħu għall-ażil ġiet miċħuda. Kemm l-awtoritajiet Taljani kif ukoll dawk Ġermaniżi kienu jafu li hu perikoluż imma probabbilment ma ħassewx li kien perikoluż daqs bosta mijiet ta’ Jiħadisti oħra fl-Ewropa u ħallewh jiċċirkola.
Ftit qabel il-ġest qattiel tiegħu, ħalef fedeltà lill-Istat Iżlamiku. Wara li saq bit-trakk fuq il-folla miġmugħa fis-suq tal-Milied f’Berlin, ħarab lejn Franza u l-Italja fejn temm ħajtu eżatt kif għalaq 24 sena. Kienu żewġ żgħażagħ oħra, pulizija fil-bidu tal-karriera tagħhom li temmewlu ħajtu wara li Amir spara fuqhom meta talbuh jidentifika ruħu. Min jaf kieku Amir flok ma kien daqshekk soċjalment imqareb u rrabjat, sab xogħol u beda ħajja stabbli kif għamlu bosta minn sħabu. Issa Amir miet, ħajtu ġiet mitmuma wara li temm ħafna oħrajn minħabba r-rabja li kellu marsusa ġo fih.
Ħajjiet żgħażagħ ilkoll mitfija fid-demm: min kien jistudja, min kien jaħdem u min għall-ideal żbaljat tiegħu. It-tamiet u l-ideali tagħhom ilkoll spiċċaw fid-demm ferm qabel wieħed kien mistenni. Amir mhux l-ewwel żagħżugħ li tilef it-triq u bħala konsegwenza anke ħajtu. Niftakru f’pajjiżna lil Carmelo Borg Pisani, l-aħħar persuna li ngħatat il-forka li wkoll miet għall-ideal żbaljat tiegħu minkejja li kien hemm min ipprova jiftaħlu għajnejh. Imma dejjem tibqa’ traġedja enormi, kemm għall-persuna involuta, kemm għall-vitmi tiegħu kif ukoll għall-qraba tiegħu.
Dawn it-traġedji jpoġġu fuqna li aħna ftit aktar maturi fiż-żmien u fit-temperament responsabbiltà kbira. Irridu nagħtu eżempju tajjeb lil dawn iż-żgħażagħ bil-komportament tagħna u bl-azzjonijiet tagħna. Fuq kollox dawn iż-żgħażagħ iridu jżommu ’l bogħod mill-influwenzi qarrieqa li jeżistu f’kull żmien u f’kull età. Spiss niltaqa’ ma’ żgħażagħ li ukoll għandhom sens qawwi ta’ rabja minkejja li għandhom xogħol u prospetti tajbin f’ħajjithom. Saret kważi moda li ċertu żgħażagħ joħduha kontra l-establishment minkejja li verament ma tantx għandhom fuqiex igorru għax materjalment jinsabu tajjeb.
Ċertament għandhom jippruvaw itejbu l-ħajja tagħhom u l-mod kif jitmexxa dan il-pajjiż. Imma għandhom jirrealizzaw li mhu ser javvanzaw xejn b’avventuri niħilisti li jispiċċaw biex ifarrku lilhom u ta’ madwarhom. Fl-istess ħin, ilkoll kemm aħna rridu noqogħdu lura milli nisfruttaw dawn is-sentimenti li spiss huma normali għal ċerta età u bil-paċenzja, nispjegawlhom kemm tali rabja hija ħażina u kontro-produċenti.
Soċjetà timxi ’l quddiem jekk iż-żgħażagħ tagħha jisfruttaw l-enerġiji u l-ideat tagħhom. Dmirna lkoll hu li ngħinuhom f’din it-triq għax jekk jitilfuha, il-konsegwenzi ma jkunu sbieħ għal ħadd.
Is-sena t-tajba lil kulħadd