L-iżbilanċ ambjentali
L-opinjonista Carmel Cacopardo jitkellem dwar il-kwalità tal-arja f'Malta u kif il-karozzi fit-toroq huma primarjament responsabbli
Minn dak li hu magħruf dwar l-inċidenza dejjem tikber tal-cancer, jidher li l-impatti ambjentali tal-ħidma tal-bniedem qed ikollhom effett qawwi. Ftit huma dawk li huma konxji dwar ir-rabtiet li hemm bejn il-ħsara ambjentali u wħud mill-mard rari li s-soċjetà tagħna qegħda tiffaċċja.
Fil-ġranet tal-Milied, riżultat tal-ħidma bla heda tal-Community Chest Fund, nisimgħu dwar id-domanda ma tieqaf qatt għas-servizzi li jagħti l-istat lil dawk milquta minn kull forma ta’ kanċer. Id-domanda hi tant kbira li riżorsi tal-istat huma mgħejuna mill-ġbir li jsir waqt l-Istrina, li, din is-sena laħaq is-somma rekord ta’ €5.5 miljuni.
Il-Gvern qed ixandar riklami dwar il-qalba tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn waħda dipendenti fuq il-heavy fuel oil għal waħda dipendenti fuq il-gass naturali. F’dawn ir-riklami qed jgħidulna li ser ikollna titjib fil-kwalità tal-arja bħala riżultat ta’ din il-qalba. Din id-dikjarazzjoni (tar-riklami) hi biss parzjalment korretta. Dan minħabba li l-kontributur ewlieni għall-kwalità tal-arja f’Malta qatt ma kienet il-ġenerazzjoni tal-elettriku iżda n-numru ta’ karozzi fit-toroq li donnu ma jispiċċa qatt. Huma dawn il-karozzi fit-toroq li jiffurmaw parti mill-fabbrika reali tal-kanċer f’Malta.
Kif anke jidher mill-investimenti sostanzjali dedikati għal titjib fl-infrastruttura tat-toroq huwa ċar li r-rieda politika biex dan ikun indirizzat hi dgħajfa. Għax iktar ma titjieb l-infrastruttura tat-toroq, iktar ikunu inkoraġġiti karozzi fit-toroq, għax it-triq għalihom tkun iffaċilitata. It-titjib fl-infrastruttura tat-toroq, iżżid id-dipendenza tagħna lkoll fuq il-karozzi u bħala riżultat ta’ dan, tostakola l-ħidma biex iktar nies tuża t-trasport pubbliku.
Sar titjib fit-trasport pubbliku, anke bħala riżultat ta’ diversi inizzjattivi li ttieħdu. Imma l-pajjiż qed jagħti sinjali konfliġġenti, għax filwaqt li qiegħed jinkoraġixxi l-użu tat-transport pubbliku, fl-istess ħin qed jinvesti flejjes sostanzjali biex jiffaċilità l-kontinwazzjoni tad-dominazzjoni tat-toroq tagħna mill-karozzi.
Il-kontributur ewlieni għall-kwalità tal-arja f’Malta qatt ma kienet il-ġenerazzjoni tal-elettriku iżda n-numru ta’ karozzi fit-toroq li donnu ma jispiċċa qatt
Il-ħarsien tal-ambjent jinvolvi ħafna ħidma diversa. Jinkludi ħidma biex ikunu indirizzat b’serjetà s-sorsi differenti ta’ ġenerazzjoni tal-iskart biex b’hekk infasslu t-triq li biha rridu naslu ħalli nilħqu l-mira ta’ ‘skart zero’. Din hi mira stabbilita mill-Istrateġija Nazzjonali tal-Iskart u trid tintlaħaq sal-2050. Dan ċertament li mhux biżżejjed. X’ngħidu għall-użu eċċessiv ta’ pestiċidi li mhux biss qed jikkontamina dak li jkun prodott fir-raba’ imma parti minnu jispiċċa wkoll f’dak li baqa’ mill-ilma tal-pjan?
L-iżbilanċ ambjentali qiegħed dejjem jiżdied. Kull ġenerazzjoni qed tispiċċa żżid l-impatti mingħajr ma tindirizza sewwa l-impatti akkumulati li tkun wirtet mill-ġenerazzjoni ta’ qabilha.
Il-Gvernijiet qed jinkwetaw fuq l-iżbilanċ finanzjarju imma ftit wisq minnhom jinkwetaw fuq l-iżbilanċ ambjentali li iktar ma jgħaddi żmien iktar qed imur għall-agħar. Ir-riżorsi tad-dinja qed jintużaw qishom bir bla qiegħ.
In-natura għandha l-modi tagħha kif iġġegħelna nħallsu għal dan l-iżbilanċ ambjentali. It-tibdil fil-klima, il-kollass tal-agrikoltura f’diversi pajjiżi kif ukoll iż-żieda qawwija ta’ kull xorta ta’ kanċer huma kollha tweġiba tan-natura li biha kull wieħed minna qiegħed jerfa’ l-piż tal-ħsara li saret lin-natura. Dawn il-kontijiet li qed tibgħatilna n-natura jistgħu jonqsu fil-futur jekk nibdew minn issa ngħixu b’mod li joħloq inqas ħsara ambjentali. Jekk dan ma jseħħx il-kontijiet tan-natura, bla ebda dubju, iwasslu għal kollass totali.
L-awtur hu viċi chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] , http://carmelcacopardo.wordpress.com