Fonti tal-ilma mbierek u hijacks finta

Editorjal tal-ILLUM

 

Id-Dipartiment tal-Artijiet reġa’ jinsab fl-aħbarijiet, naturalment ‘for all the wrong reasons’. U issa qed jirriżulta bl-aktar mod ċar, mhux għax kellna nitfa dubju, li l-frejjeġ u l-iskandli fil-Lands kienu jsiru taħt Gvern Nazzjonalista u baqgħu jsiru taħt dan il-Gvern.

Dwar ir-responsabbiltà politika ta’ Michael Falzon fil-każ Gaffarena jew ta’ Jason Azzopardi fil-Każ Lowenbrau, aħna nżommu ma’ dak li dejjem għidna u dejjem emminna. Jiġifieri li Ministru jew Membru tal-Kabinett huwa responsabbli għal dak kollu li jiġri f’dipartiment li qed imexxi hu, iktar u iktar jekk imexxu l-affarijiet u l-każijiet hemm nies li jkun għażilhom l-istess Ministru jew Segretarju Parlamentari jew li għandu pjaċir bihom. Jekk se nsallbu Ministru Laburist għax skandlu seħħ taħt imnieħru u m’għamel xejn, mela allura jeħtieġ nagħmlu l-istess meta jkun Nazzjonalist. Għax f’dan il-pajjiż m’hawnx liġi tal-bnedmin u oħra għall-annimali, ħadd mhu superjuri u ħadd mhu verġni.

Minflok se nfakkru kif f’dawn iż-żewġ każi skandalużi, responsabbli jew le il-politiku, seħħ dak li jidher li huwa abbuż mill-aktar sfaċċat ta’ flus u art tal-poplu. Daqslikieku d-Dipartiment tal-Artijiet huwa fonti tal-ilma mbierek, li fih kulħadd jitfà s-swaba biex ibill. Min jakkwista miljun ’l hawn u min jiffranka xi miljun ’l hemm u min, ikun dovut il-flus bħal Edgar Farrugia fl-istorja li konna rrapurtajna bħal dan iż-żmien sena, għall-esproprijazzjoni ta’ proprjetà tal-familja tiegħu u jispiċċa ma jieħu xejn. Jew agħar, il-kumpens għall-esproprijazzjoni tal-proprjetà tiegħu jingħata lil terzi persuni.

Fil-każ ta’ Gaffarena, din il-persuna spiċċat b’€1.6 miljun minn fuq minn esproprijazzjoni ta’ żewġ partijiet tal-famuża binja fi Triq Zekka. Fil-każ ta’ Żaren Vassallo dan spiċċa xtara art f’Ħal Qormi wara proċess li biddel l-użu tal-art biex minn waħda li tista’ tkun żviluppata f’fabbrika tax-xorb, issir waħda libera u franka. B’hekk, mhux talli inxtrat €7.3 miljun inqas mill-valur proprja tagħha, jiġifieri bi prezz ‘miżeru’ ta’ €700,000, talli min xtraha seta’ jiżviluppaha kif irid.

Allajbierek, kemm taħdem ħarir is-sistema għal ċerta nies f’dan il-pajjiż. Min qiegħed fuq il-paga minima, min ma jiflaħx iħallas kirja ta’ xahar u min jixxala bl-assi tal-pajjiż. U jekk trid, ix-xalar dejjem sar! Kemm taħt dan il-Gvern u anke taħt il-Gvern tal-partit tal-onesti.

L-istorja tal-art f’Ħal Qormi kienet ċertifikat, jekk kellna bżonnu, li (tal-anqas) sakemm inkixef il-każ Gaffarena, id-Dipartiment tal-Art tħalla jsir post tad-dekadenza u ħniżrija, għas-skapitu tal-poplu.

Illum, bilqiegħda fis-siġġu jaħraq hemm Deborah Schembri li ngħatat ir-responsabbiltà tmexxi riforma. Nisperaw biss li l-karriera politika ta’ Schembri ma tkunx mgħattna minn dellijiet tqal u koroh mill-Baviera. Nisperaw minflok, li Schembri tkun ftit nifs wara ħafna oxxenitajiet ta’ nies li ħasbu li l-pajjiż huwa fonti tal-ilma mbierek u politiċi li ħarsu n-naħa l-oħra. Nisperaw li tagħmel id-differenza, minflok tipperpetwa sistema mranġta u mnawra mill-fundament.

Hijack finta...

Għax f’dan il-pajjiż kollox parrokkjali u aħna ċ-ċentru tal-univers, minflok rajna l-hijack għal dak li verament hu, jiġifieri l-aktar darba li l-anarkija perikoluża fil-Libja resqet lejn pajjiżna, bdejna battalja dwar jekk dan il-hijack kienx magħmul minn Joseph Muscat biex isir aktar popolari. X’assurdità!

Minflok, kellu jkun ġurnalist Tork (minn tant, ġurnalist minn pajjiż mifni bl-inkwiet) li ħares lejn il-possibilità ta’ għalfejn u x’għan Libjan kellu dan il-hijack. Mhux aħjar nkunu naqra serji,nieqfu ndaħħqu nies bina, nirringrazzjaw ’l Alla li kollox mexa ħarir u nibdew inħabblu rasna dwar il-fatt li għandna bomba tal-ħin, lesta biex tisplodi taħt imneħirna?

...għax bir-rata li għaddejjin biha, daqt ngħidu li din il-kesħa kollha ġabha Simon Busuttil biex inħossuna mgħakksa taħt il-Labour.

 

 

 

 

More in Blogs