Saga Salvu. Qed jitlef Simon.
L-Editorjal tal-ILLUM
L-akbar tellief f’dan id-dibattitu li ilu jqum minn ġimgħa għall-oħra, bejn tgħajjira u oħra, u bejn attakk u ieħor fuq individwi, kandidati u anke ġurnalisti u li jikkonċerna lil Salvu Mallia, huwa wieħed. Dan huwa l-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil.
L-ewwel u qabel kollox il-fatt li Simon Busuttil, skont Mallia, aċċetta l-kandidatura fuq ‘kundizzjonijiet’ li għadhom mhux magħrufin diġà huwa dik li bl-Ingliż insejħulha a non-starter. Dan b’liema dritt u b’liema sens ta’ arja u arroganza tidħol persuna f’partit, li jekk jogħġbok ilu jeżisti ‘l fuq minn 100 sena, u jippretendi li l-istruttura tinżel tinkina quddiemu? Mur ġibu Salvu Mallia sabbat saqajh u ppretenda l-kundizzjonijiet quddiem Eddie Fenech Adami jew quddiem il-mibki Guido De Marco! Kieku bil-galopp kien jittellaq ‘il barra mill-istamperija. Żgur u mhux forsi.
Din l-idea li qed tikber, u Busuttil jidher li hu kuntent biha, illi dan Mallia huwa speċjali, qisu xi stilla u li ħadd fil-Partit ma jista’ għalih, qed tiekol lil Busuttil minn ġewwa. Qed jistieden l-istess inkwiet intern li kellu l-Partit Laburista meta deher li qed jinkina quddiem nies li qatt ma taw karlin xogħol lill-partit jekk mhux qalgħulu t-tamal u tellgħu programmi biex ifarrkuh ukoll.
Id-differenza hi li Busuttil qiegħed fl-Oppożizzjoni u suppost għandha tkun ferm inkwetanti għalih li anke mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni diġà għandu dissens li huwa fil-miftuħ u li diġà qed jiddeġenera f’tgħajjir.
It-tielet. Il-każ Salvu Mallia kixef beraħ dak li din il-gazzetta ilha tgħid, jiġifieri li l-Partit Nazzjonalista llum huwa xott daqs bir f’deżert f’dik li hija viżjoni. Min hu l-PN illum? X’inhi r-raġuni tal-eżistenza tiegħu f’dan il-mument? Fejn irid jieħu l-pajjiż? X’inhu l-proġett tiegħu għal Malta? S’issa l-unika risposta għal dawn il-mistoqsijiet kollha hija waħda. ‘Illum il-PN jeżisti biss biex ineħħi lil Joseph Muscat u jerġa’ jkun fil-Gvern wara li kien mexxa l-pajjiż għal 25 sena u naturalment dawk li kienu jiffoxxnaw u jgawdu għal tant snin u dan l-aħħar forsi ngħataw il-ġenb, jerġgħu jibdew jiffoxxnaw.’
Għalhekk f’dan is-sens, Salvu Mallia huwa perfett għall-PN illum. Imma għal-lum. U għada? Kemm se jdum il-PN jaf l-eżistenza tiegħu fuq sentiment prattikament ta’ mibegħda kontra l-avversarji? Kap bħal Busuttil missu jaf aħjar illi jekk il-PN jirbaħ, kif mal-ILLUM sostna li ċert li se jiġri, u jekk Mallia jkun elett, se jkollu kanun li diġà qed jispara bl-addoċċ u jweġġa’ lill-PN issa. Aħseb u ara x’jiġri kieku jkun fil-Gvern.
Kien ikun iktar jagħmel sens kieku Busuttil fetaħ il-bibien tal-midja tal-PN u ta l-ispazju li xtaq Mallia biex jgħid dak li jħoss, milli għall-prospett jew possibilità ta’ gwadann temporanju daħħal lil Mallia fi struttura li Mallia stess jgħid li jobgħod. Allura bilfors li ħafna, anke dawk li jaqblu ma’ kliem Mallia u anke diversi Nazzjonalisti, qed jistaqsu kemm Busuttil għandu, bħala mexxej, sens ta’ ġudizzju tajjeb.
Nhar il-Ġimgħa fuq Xarabank Salvu Mallia ta spettakklu grottesk ieħor fuq ix-xandir nazzjonali. Jgħid li hu ‘bravu’ imma li l-poplu ‘injorant’, jgħid li l-kandidat l-Nazzjonalista Philip Mifsud huwa ‘asshole’ sempliċiment għax ma qabilx miegħu u li, inkredibbilment, Muscat daħħal iċ-childcare u drittijiet ċivili biex bħal Hitler jilloppja pajjiż.
Ma’ dawn fetaħ l-attakk ukoll fuq Raphael Vassallo, ġurnalist u opinjonista tal-Mediatoday, fuqna tal-ILLUM, meta konna qed nikkwotaw l-intervista li għamel fuq is-Sunday Times kelma b’kelma, għajjar lill-Laburisti li jitfewqu minflok jitkellmu f’konverżazzjoni pubblika fuq Facebook u akkuża lill-Alternattiva Demokratika u lil Marlene Farrugia, fl-istess intervista, li huma ‘alleati’ ma’ Muscat. Għax kull min mhux magħna kontra tagħna, kif kien jgħid l-akbar avversarju politiku tal-PN, Dom Mintoff.
U fl-aħħar Simon tilef il-krettu, kemm ma’ dawk il-konservattivi fil-partit li qed jarawha ġennata li l-PN għandu kandidat li fil-prinċipju ma jaqbel kważi f’xejn mal-partit u anke ma’ dawk li huma liberali u li dwar l-abort u/jew l-ewtanasja jaqblu ma’ Mallia. Għax taħt pressjoni kbira Busuttil kellu pubblikament jeskludi kull forma ta’ diskussjoni dwar is-suġġetti kemm idum hu Kap. Jiġifieri prattikament l-aġenda tal-partit lanqas biss qed tiġi mmexxija mill-Kap.
Din il-‘koalizzjoni’ interna tfakkar lil din il-gazzetta ħafna f’dik li kien ipprova jagħmel Alfred Sant, meta fl-1996 biex jikseb aktar voti, ħalla lill-mibki eks-Prim Ministru Laburista Dom Mintoff joħroġ bi programm separat għalih fit-tieni distrett. Kulħadd jaf kif spiċċa dak iż-żwieġ ta’ konvenjenza politika.
Mhux qed inqabblu lil Mallia ma’ Dom Mintoff; definittivament li le. Imma l-effett tad-deċiżjoni tista’ tagħti l-istess frott.
Jekk il-PN jirbaħ u Mallia jitla’ fil-Parlament, Gvern Nazzjonalista se jkollu jgħum f’ibħra mqallba ħafna. Jekk ikollu maġġoranza ta’ siġġu wieħed, dipendenti fuq Mallia, jista’ faċilment ikollu sitwazzjoni ta’ Gvern instabbli. Jekk il-PN jitlef, l-ewwel ras li tinqata’ u lumija li tingħasar wara Busuttil se tkun dik ta’ Mallia.
Xi darba Salvu għad iqum filgħodu u jiddispjaċih li ħalla r-rabja u l-lanżit jikkmandawh u lil partit politiku jużah. Xi darba...