Ħassejtni kburi li kont preżenti fi spettaklu bla kuluri
Fi Brussell kien hemm taħlita ta ħafna aħmar, ftit blue u forsi xi aħdar li ma nnutajtux...iżda kollha kemm aħna nġorru l-istess bandiera u l-istess lingwa
Forsi għax bħalissa qed inqatta esperjenza barra pajjiżi, forsi għax nemozzjona ruħi malajr jew inkella għax vera għandi biex inkun kburi li jien ċittadin ta’ din in-naqra gżira fil-Mediterran. Din il-ġimgħa kont mistieden biex nattendi fit-teatru mill-isbaħ b’akustika eċċezzjonali tal-Bozar fi Brussell, għal kunċert li kellu jtella s-siparju fuq il-Presidenza Maltija.
Mort bi ħġari bħalma kont mort nkanta l-kanzunetta ‘IVA għall-Ewropa’, għax għal darb’oħra ridt inkun parti mill-istorja ta’ pajjiżi. Pajjiż ċkejken bi storja kbira. Pajjiż li fil-qoxra jidher pajjiż maqsum b’żewl kuluri iżda fil-verita hu pajjiż magħqud taħt l-istess bandiera u bl-istess lingwa waħda – il-MALTI. Xi ħaġa ‘plus’ li għandna fuq il-Belġju. Għax L-ironija hi li ftaħna l-presidenza f’pajjiż li m’għandux lingwa uffiċċjali għax il-Belġjani għandhom tliet lingwi uffiċċjali, Olandiż (Flemish), Franċiż u anke Ġermaniż iżda lingwa tagħhom m’għandhomx. Hemmhekk ma mortx liebes xi kappel ta’ xi kulur partikolari iżda mort bla kappell, mort bħala Malti li inzertajt kont mistieden bħala ‘guest’ tal-partner tiegħi u mhux bħala ‘John Busuttil’.
Din il-gżira ċkejkna, MALTA, illum qed tissemma mal-ewropa kollha u anke lil hinn minnha. Mertu tal-politiċi tagħna sew dawk li ġġieldu biex jagħmluna parti mill-Ewropa kif ukoll dawk li komplew jaqdfu fuq ta’ qabilhom. Ilkoll għamluna kburin li aħna Ewropej u jien kburi mhux biss li jien Ewropew iżda wkoll għax jien Malti bla ma nħares lejn kuluri f’każi bħal dawn. Il-President Marie Louise Coleiro Preca u l-Prim Ministru Joseph Muscat li kienu fil-kaxxa tal-VIP fil-Bozar ma ħassejtx li kienu qed jirrapreżentaw xi moviment partikolari iżda lil poplu Malti kollu.
Dawk preżenti fit-teatru, anke jekk maġġoranza kienet ġejja min-naħa tal-kulur aħmar, xorta tfaċċaw personalitajiet, familjari u uffiċċjali li jaħdmu fl-istituzzjonijiet Ewropej fi Brussell mill-kamp tal-Blu. Għax il-presidenza hi ta’ kulħadd u nerġa ntenni la tal-partit laburista u lanqas tal-partit nazzjonalista, għalkemm wieħed irid jammetti li waslet sal-lum għax il-kamp tal-Blue emmen fiha mill-bidu.
Iżda bla dubju apparti l-kbarat u vip’s li kien hemm preżenti bħal Ministru Louis Grech, il-Ministru Scicluna, Il-ministru Chris Cardona, il-Ministru Owen Bonnici, is-segretarju Parlamentari Ian Borg, l-ambaxxatur għal Malta fil-Belġju Ray Azzopardi, L-ambaxxatriċi u r-rappreżentanta Permanenti tal-Unjoni Ewropea, Marlene Bonnici, il-kummissarju ewropew Karmenu Vella u l-membru tal-Unjoni ewropea fil-qorti tal-awdituri Leo Brincat u uffiċċjali għolja tal-gvern malti, kien hemm anke ħaddiema fi Brussell u taċ-ċivil, ħomor u blu u forsi xi aħdar li ma rajtux.
Jibqa fatt li dawn il-VIP’s kollha maltin u d-dinjitarji barranin li kienu mistiedna ma kinux dawk li ġagħluni nħossni kburi li jien Malti, iżda kien it-tenur Joseph Calleja u l-klassi kbira tiegħu, il-maestro Brian Schembri bli stil inimitabbli tiegħu kif jidderieġi l-orkestra u l-membri kollha tal-orkestra filarmonika Maltija li wieħed irid jammetti li l-livell tagħhom hu ‘state of the art’.
Qabel il-kunċert kien hemm dak li suppost jissejjah reception li jkolli nammetti li malli wasalt jien xi siegħa wara li kien beda ma sibt xejn, la xi nnaqqar u lanqas tazza xampanja għax qaluli li spiċċa. Kemm kien hemm qabel ma nafx iżda naf li bqajt bil-għatx u bil-ġuħ. Ftit diżżappuntat li iddeċidejt li nsum minħabba din ir-reception u spiċċajt sajjem aktar milli kont.
Li ma kontx naf kien li l-‘main course’ ta’ din is-serata ma kellux ikun l-ikel u x-xorb iżda l-kunċert innifsu. U hawn fejn il0-kritika tiegħi tinbidel fi ftaħir lejn min organizza dan il-kunċert fuq dan il-livell. Għax mad-daqq tal-innu Malti mħallat mal-innu tal-Ewropa mill-orkestra Maltija kont diġa nsejt l-istonku vojt.
Imbagħad xi ngħidu għar-ripertorju vast ta’ Joseph Calleja li kanta bit-Taljan, Ġermaniż, Spanjol, Franċiż u anke Malti. Ripertorju li jqabbiżlek id-dmugħ meta tara daqstant dinjitarji barranin jgħajtu ‘BRAVO’ u jqumu bil-wieqfa japplawdu lil dan it-talent kbir Malti li kien kapaċi jgħaddilhom il-messaġġi li ried jgħaddi bil-lingwa Franċiża li niżlet tant tajjeb magħhom anke jekk għalija ma fhimt xejn u applawdejt xorta.
Iżda ma jkunx ġust jekk infaħħar biss il-wirja ta’ Joseph Calleja meta jakkumpanjawh kien hemm l-orkestra b’ħoss eċċezzjonali li tħossha tkellmek, immexxija b’mod uniku mill-bravu Brian Schembri li għadni niftakru fuq il-ġurnali Maltin ħafna snin ilu meta kien daqsxejn ta’ tfajjel li kien mar jdoqq il-pjanu u jistudja l-mużika fl-akkademja tal-mużika tal-Unjoni Sovjetika fi Kiev u Moska dak iż-żmien. Għalkemm jiddispjaċini li ma nistax insemmi l-membri kollha tal-orkestra li kull wieħed u waħda minnhom urew il-klassi tagħhom individwali mnissġa f’orkestra waħda. Anke dawn ġew applawditi bil-kbir minn dawk kollha preżenti u sagħtejn għaddew qas naf kif.
Serata li ntemmet bl-innu Malti għal darb’oħra fejn hemm aktar minn qabel ħassejtni tant kburi li jien Malti u li kont parti mill-istorja ta’ Malta. Storja mnissġa minn politiċi li qbilna jew ma qbilniex magħhom, li ntefa t-tajn fuqhom jew le, jibqa fatt li bis-saħħa ta’ kull wieħed u waħda minnhom dak il-ħin stajt inħossni kburi. Bħalma ħassejtni meta ħadna l-Indipendenza, meta sirna Repubblika, meta ħlisna mill-barrani, meta issilitna biex dħalna fl-Ewropa, meta bdilt il-lira tiegħi għal dik tal-Ewro u llum li nifforma parti minn ġens li qiegħed fit-tmun tal-Ewropa. Dawk il-mijiet li kienu preżenti bil-prim ministru, president, u tant ministri u kbarat jagħmlu parti mill-ġens tiegħi. Naqbel jew ma naqbilx magħhom, ingerger jew infaħħarhom jibqa fatt li huma maltin bħali u bħalek.
Għax jien u int li qed taqrani u missirjietna kollha ħdimna biex illum ninsabu hawn fejn jixirqilna. U dan grazzi għal dawk il-blu u l-ħomor u forsi anke ħodor li f’avvenimenti bħal dawn jinbidlu fil-kuluri tal-bandiera tagħna bajda u ħamra.
Forsi nidher ftit patrijottiku żżejjed illum, forsi wkoll nerġa ntenni għax bħalissa nieqes minn dik il-blata li tant ingerger meta nkun fuqha u tant qed nimmissjaha li qiegħed imbiegħed minnha, iżda ktibt hawn dak li vera ħassejt u nħoss.
VIVA MALTA u l-MALTIN KOLLHA TA KULL KULUR