Fruntieri
Minn Immanuel Mifsud
Uħud minna li konna nattendu fl-iskejjel primarji statali niftakru dawk il-famużi bankijiet tal-injam li kienu ffurmati mill-parti fejn tpoġġi u l-parti fuq xiex tikteb, bil-wiċċ jogħla u b’toqba fejn, nimmaġina, fi żminijiet aktar bikrija kien jitpoġġa l-klamar għall-pinen. Dawn il-bankijiet kienu jkunu ta’ tnejn u fil-bidu tas-sena, meta l-għalliema kienet tassenja lill-istudenti l-postijiet (fissi) tagħhom, kollha konna nittamaw Ii t-tifel li konna se naqsmu l-bank miegħu kien xi wieħed mill-ħbieb tagħna. Allura kien bank ta’ tnejn li fuqu konna nqattgħu s-sena kollha, f’tandem ma’ student ieħor u rridu jew ma rridux kien ikollna nidraw f’dan l-arranġament. U dan l-arranġament mhux dejjem kien komdu għalina, speċjalment jekk dak li konna naqsmu l-bank miegħu konna nsibuha diffiċli ningwalawha miegħu.
Indirettament, il-bankijiet l-antiki fl-iskejjel statali kienu qegħdin jagħtu lilna l-istudenti, lezzjoni fil-kunċett ta’ spazju u l-proprjetà tal-ispazju. Il-bank kellu jinqasam bejn tnejn u dan kien ifisser sensiela ta’ kompromessi, ta’ definizzjonijiet u, fuq kollox, ta’ fruntieri: in-nofs tiegħi u n-nofs tiegħek. Ġieli dan il-kompromess kien isir tant diffiċli li l-fruntiera ta’ bejnietna ma kinitx tibqa’ waħda immaġinarja: konna npinġuha b’biċċa ġibs misruqa u allaħares nintebħu li l-ktieb li seħibna telaq bl-addoċċ fuq wiċċ il-bank kellu rokna taqbeż din il-linja. Drabi oħrajn, fl-għassa stretta mal-fruntiera, konna nieħdu deċiżjonijiet aktar drastiċi u l-fruntiera kienet titħares addirittura b’ħajt, billi ntellgħu l-basktijiet tal-iskola bejnietna ħalli naċċertaw irwieħna li l-fruntiera tinżamm, ma tinqabiżx.
Fil-każ tiegħi, meta mbagħad wasalt għas-sekondarja, kont mort fi skola tal-Knisja, u hemm kellna bankijiet individwali u għalkemm qed nitkellem mill-esperjenza personali, aktarx li kollha kemm aħna konna nieħdu r-ruħ, għax issa l-bank kien tagħna f’tagħna, mingħajr il-ħtieġa tal-kompromess. L-arranġament il-ġdid kien jagħtina sens ta’ indipendenza, ta’ ħelsien, sens ta’ innifsi li l-bank bejn tnejn ma kienx jagħtina, jew kien jeħdilna.
Ma nafx jekk il-fruntiera mħażża bil-ġibs, il-basket imtella’ u mbagħad in-nifs qawwi ta’ sodisfazzjon kinux sinjali tas-sens innat ta’ spazju, jew kinux sinjali li l-inkoraġġiment għall-individwaliżmu jibda diġà jaħdem f’etajiet żgħar. Li hu żgur huwa li f’età tenera konna diġà – għall-inqas ħafna minna – nemmnu bil-fruntiera, tant li konna ngħassuha b’serjetà kbira.
Ftit tax-xhur ilu, Thomas Nail ippubblika l-ktieb tiegħu Theory of the Border, li fih jagħmel sensiela ta’ osservazzjonijiet dwar il-fruntieri – il-ħafna fruntieri – li jinstabu f’ħajjitna. L-istudju tal-fruntieri huwa interessanti għaliex, bħal studji oħrajn, iġibna konxji ta’ ħwejjeġ ovvji, ovvji tant li jaħarbulna. Pereżempju l-ironija li f’dan il-punt storiku meta l-mezzi ta’ trasport saru tant effikaċi (u din mhijiex botta għat-traffiku Malti), u meta l-bniedem tant jista’ jiċċaqlaq, il-fruntieri mmultiplikaw irwieħhom f’tentattiv biex il-bniedem jirrestrinġi l-moviment tal-bniedem.
Iċ-ċaqliq, il-moviment, il-mixi kif kont ktibt diġà f’din il-paġna, huma ħtieġ bażika fil-bniedem. Imqar meta s-soċjetajiet, fil-maġġoranza tagħhom, saru sedentarji, il-moviment jibqa’ bżonn, tant li huwa meqjus bħala dritt fundamentali. Iżda dan il-moviment huwa dejjem limitat u ristrett, konfinat mill-fruntieri fiżiċi, astratti u immaġinarji li jdawruna l-ħin kollu ta’ ħajjitna.
Waħda mill-osservazzjonijiet interessanti li jagħmel Nail fil-ktieb tiegħu hija li mhuwiex il-bniedem biss li jiċċaqlaq imma anki l-fruntieri. Kważi tinħass kontradittorja li fruntiera tiċċaqlaq, appuntu għax fruntiera nistħajluha bħala xi ħaġa fissa minnha nfisha u wkoll fir-rwol tagħha biex tiddefinixxi u tiffissa spazju, reġjun, żona, qasam. Imma attwalment il-fruntiera tiċċaqlaq. F’dawk il-fruntieri mmarkati min-natura, bħal xmajjar, muntanji, foresti, baħar u linji naturali oħrajn, hemm ċaqliq naturali li jibda jsir evidenti maż-żmien. Fruntieri artifiċjali wkoll jistgħu jiċċaqilqu. Hemm każi li fihom iċ-ċnut u l-ħitan, il-wire tal-metall li jgħaddu l-fruntiera, tista’ tiġrilhom jew issirilhom il-ħsara. Jew inkella l-proċessi politiċi, bis-saħħa ta’ trattati, gwerer u aktar trattati jibdlu l-fruntieri ta’ pajjiż. Pereżempju jekk wieħed iħares lejn il-mapep tal-Ewropa matul is-snin jintebaħ kemm iċċaqilqu l-fruntieri li ‘jiffissaw’ il-pajjiżi differenti. U dan ma seħħx fl-antik u fl-Ewropa biss. Il-fruntieri bejn il-Palestina u l-Iżrael għadhom jiġu definiti, ridefiniti u ridenfiniti mill-ġdid kontinwament, biex nieħdu eżempju wieħed u aktarx l-aktar ovvju.
Imma hemm ukoll il-fruntieri etniċi, minbarra dawk ta’ klassi soċjali, ġens u orjentazzjoni sesswali. U dawn ukoll jiċċaqilqu. Anki l-fruntieri li ħloqna aħna l-Maltin iċċaqilqu. Il-fruntieri bejnna u l-barrani, pereżempju, m’għadhiex l-istess li kienet qabel. Sa ftit taż-żmien ilu, il-fruntiera kienet waħda tradizzjonali bejn il-Malti (u allura, awtomatikament Kattoliku) u l-Għarbi (u allura, awtomatikament Musulman). Barranin oħrajn kellhom il-permess immaġinarju li jaqsmu l-fruntiera immaġinarja. Imma llum il-ġurnata, bil-paniku li anki l-mezzi tax-xandir qegħdin irewħu biex jikber, il-fruntiera m’għadhiex bejn il-Malti u l-Għarbi, jew il-Malti u l-Iswed biss, jew il-Malti u l-vjaġġatur bil-passaport f’idu, imma bejn il-Malti u l-Barrani. Mal-lista ta’ barranin li ma rriduhomx jaqsmu l-fruntiera, li qegħdin intellgħulhom ħajt għalissa immaġinarju, hemm ukoll persuni li ġejjin minn dik li konna nqisu l-Ewropa tal-Lvant, persuni li donnhom saru l-babaw il-ġdid, minkejja li dawn jinsabu hawn legalment u bi dritt bħala Ewropej daqsna. Issa qegħdin niskopru li qegħdin ‘nimtlew’ Taljan u Sqallin, bir-ristoranti ‘tagħhom’, bil-ħwienet ‘tagħhom’, bis-supermarkets ‘tagħhom’.
U allura l-fruntiera tkompli tiċċaqlaq.