Il-45 President
'Kieku sentejn ilu xi ħadd kien ippreveda li l-president il-ġdid Amerikan kien ser jkun Donald Trump, kienu probabbilment jgħadduh biż-żufjett'
Nhar il-Ġimgħa, ħa l-ġurament il-ħamsa u erbgħin president tal-Istati Uniti tal-Amerika. Kieku xi sentejn ilu xi ħadd kien ippreveda li l-president il-ġdid Amerikan kien ser ikun in-negozjatur u żviluppatur kontroversjali, Donald Trump, kienu probabbilment jgħadduh biż-żufjett. Għalkemm irnexxielu jegħleb l-isfida ta’ sittax-il kandidat ieħor fil-primarji Repubblikani li kienu jinkludu senaturi u eks gvernaturi fosthom Jeb Bush mid-dinastija tal-istess isem, xorta bosta osservaturi kienu qegħdin ibassru li l-kandidata demokratika, Hillary Clinton kienet ser tkun l-ewwel president mara Amerikan. U t-tbassir tal-opinjoni dejjem taha vantaġġ żgħir fuq Trump.
Imma l-Amerika hija federazzjoni ta’ stati li lkoll jeleġġu numru ta’ eletturi fuq il-kulleġġ elettorali li jagħżel il-president. Kull stat għandu l-istess numru ta’ eletturi daqskemm għandu rappreżentanti fil-Kungress (id-deputati fil-Kamra tar-Rappreżentanti u ż-żewġ senaturi ta’ kull stat). U peress li bosta stati jaddottaw sistema li min iġib l-aktar voti jieħu l-eletturi kollha, hu importanti li wieħed iġib l-aktar ammont ta’ voti fl-istati partikolari ħalli jieħu l-eletturi ta’ dak l-istat. Ġara l-istess bħalma ġara fl-2000 u f’xi żewġ elezzjonijiet oħra qabel: min ġab l-akbar numru ta’ voti fuq livell nazzjonali, ma rebaħx l-akbar numru ta’eletturi. Imma mentri fis-sena 2000, Al Gore ġab nofs miljun voti aktar minn George W. Bush, Hillary Cllnton ġabet kważi 2.9 m voti aktar minn Donald Trump.
Madankollu, Clinton ma rnexxilhiex tirbaħ il-Florida li tradizzjonalment tivvota Repubblikana u Ohio li kważi dejjem jivvota mar-rebbieħ mentri tilfet b’total ta’ 103,000 voti tliet stati li normalment jivvutaw demokratiċi : Michigan, Wisconsin u Pennsylvania. Dawn t-tlett stati swewlha 46 elettur u l-elezzjoni. F’dawn l-istati, il-blue collar workers, il-ħaddiema li darba kienu jaqilgħuha tajjeb fil-fonderiji tal-azzar li issa ilhom magħluqa u fil-minjieri tal-faħam li m’għadhomx jaħdmu bħal qabel abbandunaw il-Partit Demokratiku u abbraċċjaw bi ħġarhom il-messaġġ ta’ protezzjonismu u nazzjonalismu ekonomiku ta’ Trump. Il-messaġġ tal-kampanja ta’ Trump ‘Make America Great Again’ u kontra l-immigranti llegali rrisona sew ma’ min kien frustrat bil-qagħda li kien jinsab fiha. Il-partit Demokratiku u l-kampanja ta’ Clinton, minkejja li kienet ferm soffistikata, iffinanzjata sew, u suppost organizzata tajjeb fit-toroq u fid-djar, ma xammietx dan l-irvell fi ħġarha.
Jidher ukoll li d-demokratiċi ma ħadux il-frott ta’ presidenza Obama li tista’ tiġi ġġudikata bħala suċċess minn bosta lati, fosthom it-tkabbir tal-ekonomija u ż-żieda tal-impjiegi. Obama għandu biex jiftaħar f’dan ir-rigward għax matul il-presidenza tiegħu, in-numru ta’ mpjiegi żdied b’11.3 m kontra ż-2.3 m taħt Bush, il-15.9 m taħt Reagan u t-22.9 m taħt Clinton. Iżda minkejja din iż-żieda impressjonanti fin-numru ta’ mpjiegi, ġie kkalkulat li d-dħul medju tal-ħaddiema amerikani baqa’ l-istess matul is-snin tal-presidenza ta’ Obama, anzi naqas bi ftit : f’termini tal-prezzijiet fl-2015, il-familja medja amerikana kienet taqla’ $56,500 kontra l-$57,423 fl-2007. Fenomenu li huwa simili għal dak li qed jiġri f’ħafna pajjiżi oħra tal-punent u jispjega l-fatt li partiti populisti qegħdin dejjem jissaħħu.
Tmien snin ilu, meta Obama nieda l-presidenza tiegħu fl-eqqel tal-akbar kriżi finanzjarja mis-snin tletinijiet u d-Depressjoni l-Kbira, id-dinja kellha tamiet kbar. Illum, il-klima hija ferm differenti u wieħed huwa anzjus, jekk mhux inkwetat biex jara kif ser tevolvi l-presidenza ta’ Trump. Għax irridu naraw jekk Trump hux ser iżomm ir-retorika tal-kampanja tiegħu kontra l-establishment, kontra l-immigranti llegali, kontra l-misilmin, kontra l-bdil tal-klima u kontra l-kummerċ ħieles jew hux ser jadotta linja aktar moderata.
Kos, kemm jiswa’ messaġġ ta’ kampanja. Mentri dik ta’ Obama kienet Hope, Trump irrepeta kemm il-darba fid-diskors inawgurali tiegħu l-kliem America First. Inċidentalment, dan kien l-isem ta’ grupp filo-nazist li kien jimmilita biex l-Amerika ma tintervjeniex fit-tieni gwerra dinjija. Trump irid li l-poplu amerikan jibda jixtri prodotti amerikani mentri d-ditti amerikani jimpjegaw amerikani. Diskors ekonomiku ftit li xejn sofistikat li qatt ma ħadem u m’hux ser jaħdem imma li jimpressjona lil min hu ddisprat u tilef it-tama.
Ħaġa li ftit igħidu hu li l-messaġġ protezzjonist ta’ Trump mhuwiex tipikament Repubblikan imma huwa pjuttost aktar familjari fl-ambjenti demokratiċi. Ir-Repubblikani kienu tradizzjonalment favur il-kummerċ ħieles u kontra l-protezzjonismu. Il-posizzjoni ta’ Trump kontra l-ftehim ta’ kummerċ ħieles tal-Amerika ta’ Fuq (NAFTA) u mal-pajjiżi asjatiċi li għadu ma’ ġiex ratifikat mill-Kungress mhux neċessarjament hija kondiviża mir-Repubblikani fil-Kungress jew mill-ambjenti kummerċjali li jafu bil-benefiċċji tal-kummerċ ħieles. Wieħed irid ifakkar li Trump m’hux dejjem kien Repubblikan; oriġinarjament, kien demokratiku, għamel xi żmien mar-Reform Party, reġa sar demokratiku u mbagħad qaleb repubblikan. L-appartanenza politika għal Trump m’hi xejn ħlief mezz kif javvanza l-aġenda personali tiegħu.
Waqt is-smiegħ fis-Senat għal min inħatar fil-kabinett u posizzjonijiet għolja oħra, ħarġu differenzi sostanzjali bejn dak li qed igħid Trump u dak li jaħsbu x’uħud mill-ministri u uffiċjali tiegħu. Is-segretarju tad-difiża l-ġdid, James Mattis li ġie approvat b’vot ta’ 98 għal 1 u l-ambaxxatriċi għall-Ġnus Magħquda, Nick Haley urew ferm aktar ostilità lejn ir-Russja mli qed juri Trump li ma jitliefx opportunità biex ifaħħar lil Putin. Scott Pruit li ġie maħtur sabiex imexxi l-Environment Protection Agency stqarr li l-bdil tal-klima m’huwiex falz minkejja Trump stqarr li dan m’hu xejn ħlief ħlieqa taċ-Ċiniżi sabiex jieħdu vantaġġ fuq l-industrija Amerikana.
Waħda mill-ewwel azzjonijiet ta’ Trump bħala president kien li neħħa mis-sit tal-White House l-paġna dwar il-bdil tal-klima. Ċertament b’daqshekk, mhux ser jevita l-konsegwenzi dejjem aktar ċari ta’ tali bdil tal-klima li qed ikollhom effetti ekonomiċi u soċjali li jinħassu dejjem aktar. Li ser jiġri probabilment hu li t-tmexxija dinjija tal-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima ser tgħaddi f’idejn iċ-Ċiniżi li dejjem qed juru kemm huma nkwetati dwar dan il-fenomenu u qed iwettqu investiment enormi sabiex inaqsu t-tniġġiż tal-arja fil-bliet ferm imniġżin tagħhom.
Trump tela’ bl-għajta kontra l-establishment amerikan u li jrid inixxef il-bur ta’ Washington (“drain the swamp”). Barra mill-fatt li huwa gawda ferm matul is-snin mill-kuntatti politiċi tiegħu, ħatar l-aktar kabinett sinjur fl-istorja b’numru mpressjonanti ta’ biljunarji u miljonarji. Din hi qajla presidenza ta’ outsiders. Madankollu, jidher ċar li Trump ser jisfida ħafna mill-konvenzjonjiet aċċettati f’bosta oqsma : diġa rajna kif qed imur kontra l-kunsens xjentifiku li l-bdil tal-klima hu frott il-ħidma tal-bniedem. Qiegħed ukoll jipprovoka liċ-Ċiniżi li ma rridux ninsew ilhom jiffinanzjaw lil Amerika bix-xiri tat-Treasury bonds amerikani bli jpoġġi in dubju l-politika tal-gvern ċiniż ta’ Ċina Waħda u jikkultiva l-kuntatti ma’ Taiwan. Mal-Ewropej ukoll beda fuq nota ħażina bil-kliem ta’ approvazzjoni tiegħu tal-Brexit u l-inkoraġġiment tiegħu biex pajjiżi oħra jfittxu joħorġu mill-U.E.
Imma l-aktar aspett inkwetanti tal-presidenza tiegħu hija r-rabta tiegħu mar-Russi. Waqt il-kampanja elettorali, il-hacking tad-Demokratiċi mir-Russi tawh vantaġġ ċar. Fl-aħħar jiem, ħareġ fil-beraħ rapport li abbozza l-ex kap tat-taqsima Russa tal-MI6, persuna ferm rispettata fl-ambjenti tal-intelligence, li jindika li kien hemm kuntatti bejn l-intelligence russa u l-kampanja ta’ Trump. Forsi l-aktar storja straordinarja li ssemmiet f’dan ir-rapport hija li l-intelligence russa tista’ tikkomprometti lil Trump wara li ffilmatu fl-istess suite tar-Ritz-Carlton ta’ Moska li kienu użaw Obama u l-mara tiegħu waqt li qabbad lill-żewġt iqħab ipixxu fuq is-sodda.
Il-ħamsa u erbgħin president amerikan beda l-kariga tiegħu kif jaf hu, fl-eqqel tal-kontroversji. Il-kumpaniji tal-imħatri, li s-sena l-oħra urew li huma aktar ta’ min joqgħod fuqhom mill-istħarriġ tal-opinjoni, qed jagħtu ċans ta’ 50/50 li ser jiġi impeached. Ħadd ma jiftakar president amerikan jieħu l-ġurament bin-nies jilgħabu l-flus li m’hux ser iservi ż-żmien kollha tal-kariga tiegħu. Qegħdin ngħixu fi żminijiet tassew surreali. Fuq dan żgur li m’hemmx dubju.