Malta bħala ċentru ta’ negozju

Il-kandidata Nazzjonalista Amanda Abela tgħid li l-Maltin jagħmlu tajjeb li jaqraw id-dokument tal-PN biex juri li 'meta dalwaqt malta tkun immexxija minn Simon Busuttil, hu Partit li jiggverna bla sorpriżi

Fid-dawl li l-ekonomija Maltija ilha għal dawn l-aħħar snin miexja fit-triq tal-progress, fejn grazzi għall-amministrazzjoni preċedenti inħolqu setturi ekonomiċi ġodda anke meta s-sitwazzjoni dinija xejn ma kienet favorevoli, wieħed bilfors ma jistax jinjora l-fatt li l-ekonomija Maltija għandha ħafna aktar x’toffri. Dan jorbot ħafna mal-politika tal-Gvern preċedenti Nazzjonalista fejn kien beda jibni fuq politika ekonomika li twassal għal ċentri ta’ eċċellenza fl-IT, gaming, is-saħħa u s-settur finanzjarju fost l-oħrajn.

Peress li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu u għad għandu l-ekonomija bħala waħda mill-pilastri ewlenin fil-politika tiegħu, fi tmiem is-sena l-oħra, ħareġ id-dokument Ekonomija għan-Nies li huwa magħmul minn 20 kapitlu, li kollha jitkellmu dwar kif l-ekonomija Maltija tista’ tissaħħaħ. Fost dokumenti oħra, il-Partit Nazzjonalista wkoll ħaseb biex din is-sena joħroġ dokument aktar speċifiku fejn tidħol l-ekonomija li huwa Politika għal tal-Ħwienet. Dan qed nagħmluh sabiex in-nies ikunu konxji tal-politika tal-Partit Nazzjonalista dwar l-ekonomija Maltija. F’dan l-artiklu se nkun qed nitkellem dwar Kapitlu 16 tad-dokument Ekonomija għan-Nies li jitratta t-tema Malta bħala Ċentru ta’ Negozju.

Iżda forsi wieħed isaqsi, x’inhu l-pass li jmiss sabiex l-ekonomija Maltija tieħu l-imbuttatura li hemm bżonn?

Żgur u mhux forsi rridu naraw li dak li ksibna ma nitilfuhx, anzi nkomplu nibnu fuqu. Dan ifisser li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna għandna nibżgħu għaliha u ma nittoleraw l-ebda persuna fl-ebda kariga li tħammeġ isem Malta. Bla dubju ta’ xejn, l-iskandlu tal-Panama Papers kellu riperkussjonijiet kbar fejn jidħol isem pajjiżna, għaliex kien skandlu segwit mill-erbat irjieħ tad-dinja. Nemmen li f’dan l-aspett, wieħed għandu jikkunsidra li awtoritajiet bħal Malta Financial Services Authority tkun awtorità mħaddma kompletament indipendenti u tingħata l-poteri kollha possibbli sabiex isir skrutinju, awditjar kif ukoll monitoraġġ serju fuq kull kumpanija li tkun qed taħdem fis-settur finanzjarju hawn Malta. Dan jgħin sabiex jitnaqqas l-abbuż, u b’hekk kemm klijenti individwali, kif ukoll dawk li qegħdin fin-negozju, kemm Maltin u barranin, isaħħu l-fiduċja tagħhom lejn dan is-settur.

Il-Maltin, jagħmlu tajjeb li jaqraw id-dokument dwar l-ekonomija li l-PN qed jippubblika biex juri li meta dalwaqt Malta tkun immexxija minn Simon Busuttil bħala Prim Ministru onest, huwa Partit li lest li jiggverna bla sorpriżi Amanda Abela

Dan kollu maħdum kif suppost, jgħin lil dawk fin-negozju jaħdmu aħjar u jkunu jistgħu jifirxu l-ideat tagħhom. Wasal iż-żmien fejn in-negozji ż-żgħar Maltin jibdew iħarsu lil hinn minn xtutna sabiex ikabbru n-negozju tagħhom, billi jkun hemm koperazzjoni bejn in-negozji Maltin u dawk barranin. Dan jgħin biex in-negozji Maltin ikabbru l-effiċjenza tagħhom billi jitħarrġu fi proċessi amministrattivi kif ukoll dawk teknoloġiċi. Dan jgħin sabiex in-negozji Maltin meta jħossu li għandhom ikabbru n-negozju tagħhom, ma jibdewx iħarsu lejn linji oħra ta’ negozju, iżda jżommu ma’ dak li jkunu ilhom jispeċjalizzaw fih, u jkunu jistgħu joffru prodott jew servizz innovattiv u aktar effiċjenti, kif ukoll ikunu jistgħu jibdew jilħqu swieq internazzjonali.

Kapitlu 16 jitkellem fuq kif SME Maltin jissieħbu ma’ negozji barranin. Kull min fil-preżent qiegħed fin-negozju, żgur ma jistax jinjora l-proposti tal-Partit Nazzjonalista, li fost l-oħrajn,  jekk jingħata l-fiduċja biex imexxi lil dan il-pajjiż, ikun qed inaqqas it-taxxa tan-negozji ż-żgħar minn 35% għal 10% fuq l-ewwel €50,000 profitt.

Sabiex Malta tersaq, u fil-verità ssir ċentru ta’ eċċelenza, in-negozji Maltin, kemm dawk ikkunsidrati kbar kif ukoll anke dawk iżgħar, għandhom iħarsu wkoll lejn negozji barra mill-Unjoni Ewropea bħal pajjiżi bħal Awstralja, l-Ażja u l-Ġappun. Ċertament m’iniex infisser li għandha nħarsu lejn pajjiżi li joffru negozju mhux xieraq u li huma ta’ kwalità baxxa meta kkumparat ma’ dak li joffri s-suq Malti. Dejjem għandna nħarsu li nsiru aħjar milli aħna bħalissa, u b’hekk biss aħna l-Maltin nkunu nistgħu nimxu ’l quddiem.

Negozji b’saħħithom li jiġġeneraw prodotti u servizzi ta’ livell għoli ċertament joffru pagi għoljin, livell ta’ ħajja aħjar u aktar prospetti f’Malta.

Dan huwa biss kapitlu wieħed minn dan id-dokument Ekonomija għan-Nies. Il-Maltin, speċjalment f’dan il-każ dawk fin-negozju, jagħmlu tajjeb li jaqraw dan id-dokument u oħrajn bħalu, li l-Partit Nazzjonalista qed jippubblika biex juri li meta dalwaqt Malta tkun immexxija minn Simon Busuttil bħala Prim Ministru onest, huwa Partit li lest li jiggverna bla sorpriżi.

Amanda Abela hi kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali fuq it-3 distrett

More in Blogs