Summit ieħor u bqajna fejn konna

Din il-ġimgħa pajjiżna laqa’ fi ħdanu numru kbir ta’ politiċi u l-mexxejja Ewropej, f’dak li jista’ jitqies bħala l-aktar avveniment importanti matul il-Presidenza Maltija. Fiha sar ħafna diskors, l-aktar dwar l-immigrazzjoni, sfida li qed jaffaċċja kull politikant fid-dinja tal-punent, mhux l-inqas dawk Maltin.

Sa żewġ Ħdud ilu, il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat tkellem dwar il-bżonn li l-klassi politika Maltija tiġġieled il-lemin estrem billi toffri soluzzjonijiet u tama lil dawk li ġustament iħossu li din l-isfida mhux qed tkun indirizzata. Jekk irridu nkunu onesti, is-summit li sar nhar il-Ġimgħa, la offra soluzzjonijiet u wisq inqas tamiet. Naturalment wieħed ma jistax jieħu Summit wieħed f’iżolament u fil-fatt, meta wieħed ipoġġi l-Malta Summit fil-kuntest ta’ Summits tal-UE li saru fl-aħħar snin, aktar jinduna kemm hi gravi n-nixfa ta’ ideat.

Kollna pompi, ċerimonji, ċirimelli u faqqaturi u sustanza xejn, jew kważi xejn insomma. Ifhem, huwa tajjeb li l-mexxejja Ewropej iddeċiedew li jinfurzaw il-ġlieda kontra dawk li qegħdin jittrafikaw lin-nies, imma taf kemm ilna nisimgħuh dan id-diskors? Żgur u mhux forsi għal dawn l-aħħar tliet snin u minn ħafna qabel. Qed narawhom! Bil-kju deħlin it-traffikanti tan-nies il-Qorti!

Mhux talli ftit jew xejn kellna eżempji ta’ nies li kellhom l-id tal-ħadid tal-liġi tinżel fuqhom,

talli l-kriminali rnexxielhom jgħaddu fil-makkakerija lill-politiċi tal-faqqaturi u l-pompi. Fis-Summit tkellimna dwar l-importanza li nħarsu l-kosta Libjana. Tajjeb, anke jekk ilna ngħidu l-istess ħaġa minn mindu ħarġu lil Gaddafi minn fossa u sparawlu. Imma skużi, fuq din il-gazzetta stess, il-Ministru Carmelo Abela qal li llum, l-immigranti minflok bil-baħar f’xi dgħajsa, ġejjin bl-ajruplan u bil-katamaran. Tajba u taħraq din. Mela l-politiċi għadhom qed iħabblu rashom fuq il-kosta Libjana, bejn ritratt u ikla lampuki biz-zalza tal-kappar, u l-kriminali u t-traffikanti sabu modi oħrajn biex iġennu lill-immigranti jmorru f’pajjiż fejn suppost se jsiru sinjuri.

Imbagħad kellna l-wegħdi li se jizdiedu l-fondi. Din oħra. Kull Summit noħorġu b’xi ammont kbir ta’ flus biex għat-tapari se jsir xi ħaġa. U l-flus li qed nonfqu biex nikkontrollaw il-kosta Libjana, qed naraw fejn qed imorru? Qed naċċertaw li qed nieħdu ritorn għall-flus li qed nonfqu? Apparti minn hekk, issa mbilli jkollna gwardjani mal-kosta Libjana, jekk il-Libja mhux firmatarju tal-Konvenzjoni ta’ Ġeneva tal-1951 għall-Protezzjoni tar-Refuġjati? Il-Libja mhux post sigur u billi qed inwiegħdu li nimpalaw il-liri u nipproteġu l-kosta Libjana, fil-verità, ma nkunu qed insolvu xejn għajr li nżommu aktar nies f’miżerja, f’pajjiż turufnat bl-inkwiet u l-ġlied.

It-tielet punt li ħareġ minn dan is-Summit kien li se jkunu mgħejuna in-nies li volontarjament jixtiequ jmorru lura pajjiżhom. Għal darb’oħra, xejn ġdid u xejn oriġinali. Filwaqt li vera li jkun hemm numru ta’ immigranti li lesti jmorru lura pajjiżhom jekk mogħtija xi għajnuna finanzjarja, l-esperjenza turi li dawn huma l-eċċezzjoni, mhux in-norma. Jekk kellek nies li telqu minn pajjiżhom għax huma omosesswali u mheddin b’ħajjithom, jew oħrajn li ma kellhom ebda għażla ħlief li jidħlu fi żwieġ sfurzat, tista’ mhux ittihom ‘start-ups’ u inċentivi. Ara min hu dak il-baħnan, li se jmur lura f’infern li jkun ħarab minnu!

Is-soluzzjonijiet? L-ewwel u qabel kollox, il-mexxejja Ewropej iridu jibdew iħarsu lejn l-immigrazzjoni li diġà hawn fil-pajjiżi Ewropej u li qiegħda hawn biex tibqa’, għax għandha dritt tkun hawn. Meta se nibdew inħarsu lejn miżuri ta’ integrazzjoni? Meta se nibdew nikkunsidraw it-tagħlim tal-lingwa u għarfien dwar il-kultura ta’ xulxin, bħala xi ħaġa neċessarja biex infejqu l-qasmiet soċjali li diġà qed naraw, anke f’pajjiżna? Meta se jkollna summit li jiddiskuti u joħroġ b’miżuri kontra klassi ġdida ta’ faqar li qed tinħoloq permezz ta’ immigranti deprivati u ba xogħol?

X’serħan il-moħħ jew tama qed jagħtu dawn is-summits lil min jgħix f’postijiet u lokalitajiet li llum saru ghettos? Xejn. X’tama qed jagħtu dawn is-Summits lil dawk li jħossu li qed jinħolqu tensjonijiet soċjali bla bżonn? Xejn. X’soluzzjonijiet qed joffru lil dawk l-immigranti li jixtiequ li jħossuhom parti mis-soċjetà tagħna? Xejn. X’deterrent ikrah qed joffru kontra min jaħseb li jista’ jikser il-liġi tal-pajjiż li qed jilqgħu u xorta bi dritt jippretendi l-benefiċċji u l-għajnuna? Xejn.

Imbagħad noqogħdu nistagħġbu u nġibuha bi kbira qisu waslet l-aħħar tad-dinja għax in-nies jivvotaw lil xi Donald Trump jew Brexit. Mhux bilfors! Żmien li l-faqqaturi, ċirimelli u pompi kienu jimpressjonaw lin-nies, ilu li għadda. Fil-fatt, il-Malta Summit bħal kull summit ieħor, qablu ma impressjona lil ħad

More in Blogs