L-Ewropa ta’ Kajin

'Bilkemm laħqet għaddiet ġimgħa minn mindu Trump ħa r-riedni f’idejh...biex il-mexxeja Ewropej urew li kapaċi jieħdu miżuri mill-agħar daqsu...'

Jingħad li meta fis-sittinjiet xi ħadd issuġerixxa lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Ġorġ Borg Olivier biex jagħlaq it-Tarzna ħalli jsolvi darba għal dejjem il-problemi ekonomiċi li kellha din l-intrapriża, dan inġibed lura u skandalizza ruħu għal dan is-suġġriment. Minkejja li t-Tarzna kienet il-qalba tal-partit Laburista u li kienu kontinwament għaddejin azzjonijiet industrijali kontra l-gvern li kien imexxi, Borg Olivier lanqas biss qis din il-proposta. Ix-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema, minkejja l-kulur politiku tagħhom u l-vantaġġ politiku li kien jikseb kieku għalaq dan il-post tax-xogħol, ġew qabel kull ħaġa oħra.

Iċ-ċiniżmu tal-mexxejja Ewropej rigward l-immigrazzjoni li ħareġ fis-summit li kien hawn Malta, juri li minn żmien Borg Olivier għall-lum il-politikanti għamlu qabża ’l isfel fil-kwalità. U fil-każ ta’ dawn m’aħniex qed nitkellmu dwar il-ħobżna ta’ kuljum – ħaġa mill-aktar importanti; qed nitkellmu dwar il-ħajja u l-mewt ta’ mijiet u eluf ta’ bnedmin.

Bilkemm laħqet għaddiet ġimgħa minn mindu Trump ħa r-riedni f’idejh; bl-iskandalizzar ta’ bosta fuq din in-naħa u fuq l-oħra tal-Atlantiku, li l-mexxeja Ewropej li wħud minnhom qalu li ma jaqblux mal-President Amerikan, urew li kapaċi jieħdu miżuri mill-agħar daqsu.

Nuqqas ta’ viżjoni

Mela, il-mexxejja Ewropej qablu li jżommu l-immigranti Afrikani milli jaqsmu l-baħar billi jiftiehmu mal-‘gvern’ Libjan (wieħed minn ma nafx kemm) biex iżommhom hu milli jiġu ’l hawn. Apparti l-banalità li tagħmel ftehim ma’ gvern li issa jeżisti, għada le u pitgħada jerġa’ jitfaċċa (il-Ministru Ġorġ Vella, kien ġustament wissa dwar kemm jagħmel ftit sens tagħmel ftehim ma’ gvern ta’ dan it-tip) wieħed jista’ jimmaġina kemm dan il-‘gvern’ ser jirrispetta d-drittijiet ta’ dawk l-immigranti li ser jippruvaw jaħarbu xorta. (Biex ma nsemmux il-kundizzjonijiet ħżiena li jiffaċċjaw ħafna immigranti Afrikani l-Libja.) Fundamentalment, ma tantx nara differenza bejn dan u l-ħażen li qed jagħmel Trump; forsi dan aktar goff u … sinċier.

Sfortunatament fis-summit farsa ta’ Malta ma rajna xejn minn dan. Forsi imma qed inkun beċċun għax qed nippretendi li l-ilpup ser jimpurtahom mill-ħrief li jieklu

Mhux biss dawn il-mexxejja umani, demokratiċi u inklussivi ġew jaqgħu u jqumu minn min iħalli l-pajjiż u l-kontinent tiegħu, imma mkien jew kważi ma ddiskutew jew itrattaw bis-serjetà l-kaġun/ijiet li għalihom bosta qed jaħarbu. Bosta minn dawn il-kaġunijiet huma marbuta kemm mal-passat kolonjali (Ewropew) li għadhom jinfluwenzaw il-preżent, u kemm ma’ affarijiet t’issa bħal bidla fil-klima li qed teqred bosta mkejjen fejn nies kienu jkabbru l-ikel, u l-isfruttament minn kumpaniji Ewropej, Nord Amerikani u Ċiniżi. Dan jinkludi sfruttament ta’ materji bħal żejt, minerali u metalli, u affarijiet bħal ħut li f’diversi kosti Afrikani qed jiġi maqbud bir-radam u b’mod selvaġġ minn kumpaniji Ewropej, Amerikani u Ċiniżi. L-immigranti mela, mhux qed jaħarbu għax sfortunati jew il-kontinent tagħhom nieqes mill-ġid; anzi il-kontra. Il-mexxeja umani, demokratiċi u inklussivi tan-naħa tagħna tad-dinja imma, irridu li dan il-ġid jibqa’ jiġi ’l hawn; ma jridux (ħaġa totalment illoġika) li n-nies li tagħhom suppost hu dan il-ġid jiġu huma wkoll. L-Ewropa imma, li tippretendi li għandha xi pulptu morali (Għall-grazzja t’Alla, xi mexxej fl-Ewropa li jara l-affarijiet b’mod differenti u li jorbot sew dawn il-kwistjonijiet flimkien hemm, il-Papa Franġisku, l-aktar fl-enċiklika Laudato Si. Dan imma, ħadd ma jagħti kasu.)

Kompliċi

Hemm ukoll il-gwerrer li qed jifnu bosta mkejjen tal-kontinent Afrikan u l-gvernijiet mill-agħar li ma jippermettu ebda forma ta’ żvilupp għall-bosta żgħażagħ Afrikani f’pajjiżhom. Rigward il-gwerer, dawn ma jiġux miġġielda b’armi li jsiru fl-Afrika, imma b’armamenti li jiġu impurtati minn imkejjen oħra, fosthom l-Ewropa, u li jħallu qligħ kbir lil min jipproduċihom. Dwar il-gvernijiet, minkejja d-diskors sabiħ dwar drittijiet mill-UE, fir-realtà kemm l-Unjoni Ewropea bħala istituzzjoni u kemm bosta mill-pajjiżi membri spiss jimpurtahom biss minn jekk gvern jew ieħor jistgħux jagħmlu ftehim u negozju miegħu. Jekk jitrattax tajjeb jew le lil niesu hi ħaġa li …. ma tinteressa ’l ħadd.

 Jekk l-Unjoni Ewropea trid tassew titratta b’mod ġust u uman din il-biċċa tal-immigrazzjoni tista’ tibda – tibda biss – billi tagħmel numru ta’ affarijiet. Mhux biss miżuri ta’ salvataġġ aħjar għal min jaħrab, imma tibda, bil-mod il-mod, titratta bis-serjeta` il-kaġunijiet li jwasslu lil dak li jkun biex jiltaq minn pajjiżu u l-kontinent li fih kiber. Fi ktieb li kont ippubblikajt sena ilu kont issuġġerejt miżuri konkreti bħal:

  • Embargo fuq il-bejgħ tal-armi minn kumpaniji Ewropej.
  • Miżuri biex kumpaniji Ewropej li qed jisfruttaw it-tielet dinja, jeqirdu l-ambjent u l-mod ta’ kif jgħixu bosta komunitjajiet u jkissru l-ekonomija ta’ dawn, jiġu ppenaliżatti.
  • Politiki li jiżguraw li negozjar ekonomiku u politiku bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tagħha jkun ekwu u ġust.

'U dan ikun biss il-bidu. Sfortunatament fis-summit farsa ta’ Malta ma rajna xejn minn dan. Forsi imma qed inkun beċċun għax qed nippretendi li l-ilpup ser jimpurtahom mill-ħrief li jieklu.'

L-aqwa li jekk il-pjan jirnexxi, it-traġedja ser isseħħ il-Libja, ’l bogħod mill-kontinent immakulat tagħna. Nistgħu nibqgħu nieklu l-pastizzi bil-kwiet.

More in Blogs