Omertà
L-ekonomija Maltija sejra tajjeb... iżda filwaqt li uħud qegħdin igawdu, oħrajn qed iħallsu l-prezz tal-effetti. Minkejja dan ħadd ma jiftaħ ħalqu. Il-mexxejja tagħna ħadu attitudni ta' "rajt ma rajtx, smajt ma smajtx"... omertà assoluta u kolllettiva fil-pajjiż kollhu
F’pajjiżna, l-omertà hi kważi meqjusa bħala virtù; hemm saħansitra għidut (‘rajt ma rajtx, smajt ma smajtx’) li spiss jiġi użat biex jinkoraġġixxi din l-attiduni. Bħalissa, l-pajjiż donnu għaddej minn sitwazzjoni ta’ omertà kollettiva li ma tawgura xejn tajjeb.
Wieħed għandu mnejn jaħseb li qed ngħid dan kollu f’rabta ma’ fatti marbuta ma’ kriminalità li seħħew dan l-aħħar. L-omertà spiss tkun marbuta ma’ dan il-qasam. Dan ovvjament, hu qasam li qed isir dejjem aktar allarmanti. Donnu ma rridux - bħala poplu, gvern, ġurnalisti, ħassieba u ċittadini – nistaqsu x’inhu l-kaġun li l-kriminalità donnha qed issir aktar organizzata, li qed isseħħu atti kriminali li jidhru aktar professjonali, jekk hemmx (jew aħjar x’inhuma) r-rabtiet ta’ din mal-ekonomija u possibbilment, ma’ setturi tal-politika, u mistoqsijiet serji, u gravi bħal dawn. Donna rridu ndaħħlu rasna fir-ramel. Madankollu, mhux fuq dan l-aspett li beħsiebni nitkellem f’dan l-artiklu. Se nitkellem fuq tipi oħra ta’ omertà kollettiva, it-tnejn marbuta mal-ekonomija legali.
Il-Logħob
L-ekonomija Maltija sejra tajjeb f’dawk li huma ċifri u figuri. Settur li hu meqjus bћala mutur fl-ekonomija tagħna hu dak tal-logħob tal-ażżard online. Dan is-settur isostni setturi oħra, ngħidu aħna dak tal-bini. Il-logħob tal-azzard imma, spiss iwassal għal bosta għelt: faqar, użura u tkissir ta’ familji. Il-mistoqsija li tqum hawnhekk, hi jekk hiex ħaġa sewwa li pajjiżna, li spiss jiddandan u jiftaħar bil-kwalitajiet tajbin (vera jew mistħajla) li għandu, jagħmel il-miljuni minn qasam bħal dan?
Mistoqsija bħal din, rari jew qatt ma ssir. Hemm omertà sħiħa fuq dan l-aspett. Spiss, meta l-boċċa tibda toqrob lejn il-likk, ikun hemm min jinnota li dan mhux qasam li qed jgħakkes familji Maltin. Apparti kemm hu minnu dan, l-argument hu zopp għax jorbot il-moralità ta’ ħaġa, man-nazzjonalità tal-vittma. Hemm min jgħid li b’xi ħaġa rridu ngħixu hawn Malta, u jekk din biss tirrendi, hard luck għall-vittmi. Dan l-argument nirrispettah ftit aktar mill-ieħor għax almenu jikxef il-mentalità tagħna għal dak li hi: mentalità ta’ pirati li biex jistagħnew, ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.
Nippruvaw ukoll, biex il-biċċa tinżel aktar tajjeb, nużaw il-kelma ‘gaming’ flok ‘gambling’. B’hekk, il-kuxjenza tkun aktar kalma. Anzi, waqqafna saħansitra organiżazzjoni għal ‘gaming’ responsabbli. Imma, bl-istess argument, għax ma nagħmlux istituzzjoni għal użu tad-droga jew abort responsabbli? Agħar u agħar, din l-aġenzija ftit ilu għamlet ftehim mal-Università, fil-preżenza ta’ membri parlamentari taż-żewġ naħat. (Ara fuq hekk, hawn qbil bejn il-partiti.) Ftit li xejn imma, kien hemm akkademiċi ta’ din l-istituzzjoni li kienu mħassba minn dan il-fatt; inkluż uħud li ssoltu qalbhom perżuta għal kollox. Omertà?
Il-bużżieqa
Ħaġa oħra li hawn qbil fuqha bħalissa hi dik li ġa semmejt, li l-ekonomija tagħna sejra tajjeb. Jekk wieħed jieħu l-parametri tal-kaplitaliżmu t’issa, dan tassew hu minnu. Ovvjament, dan ma jfissirx li kulħadd qiegħed tajjeb, jew li l-ġid li qed jinħoloq qed jitqassam sew. Biss hu fatt li l-ekonomija kibret, u kibret sew. Madankollu, hemm domandi oħra (apparti dawk marbuta mat-tqassim tal-ġid) li donnu ħadd ma jrid jistaqsi, affarijiet oħra li fuqhom min suppost jaf aktar, donnu jippreferi jħares ’l hemm.
Mill-ftit ekonomija li naf (vera ftit) naf li tkabbir ekonomiku ma jistax ikun indefinit; li ekonomija ma tistax tibqa’ tikber (u tikber bl-istess rata) għal dejjem. Se jiġi mument fejn mhux biss it-tkabbir jista’ jitrażżan, imma fejn ukoll l-ekonomija taqbad xi forma ta’ niżla. Mexxejja ta’ familja għaqlin, meta l-familja tkun qiegħda sew, ikollhom is-sens jaħsbu f’meta l-affarijiet ma jibqgħux hekk. Min imexxi pajjiż, min jaspira li jmexxih u min suppost huma l-imħuħ ta’ pajjiż, għandu jkollhom attitudni simili. L-impressjoni li għandi imma, u nispera li hi biss impressjoni u li hi żbaljata, hi li dan mhux iseħħ. Li ħadd jew kważi, almenu pubblikament, mhu qed jistaqsi ‘Meta l-ekonomija tagħna tieqaf tikber x’ser nagħmlu?’ ‘X’ser ikun il-pjan f’din is-sitwazzjoni?’, ‘Liema setturi jistgħu jintlaqtu l-aktar?’, ‘Min se jħallas l-aktar għal dan kollu?’ X’ser jiġri mill-ћafna bini li tiela’ meta l-barranin li qed jiġu hawn minħabba l-ekonomija ttir u li żammew din il-bużżieqa milli tinfaqa’, ma jibqgћux jiġu aktar? Anke fuq dan imma, donnu hawn omertà; donnu nippreferu ndaħħlu rasna fir-ramel.
Nuċċali ta’ żiemel
Barra mill-omertà, f’pajjiża hemm tendenzi oħra li ma jħallux lil dak li jkun jara sew; li jara stampa mgħawġa li twasslek biex tgħid li aħjar wieħed ma jara xejn milli jara stampa bħal din. Kif qal l-editorjal speċjali li ħareġ is-sit illum.com.mt nhar is-6 ta’ Marzu, pajjiżna mess il-qiegħ f’dik li hi korruzzjoni. Għandna klassi politika, gvern u oppożizzjoni, li lanqas ħjiel t’integrità m’għandhom. Illum ukoll, donnhom lanqas gћadhom jiċħdu allegazzjonijiet b’konvinzjoni – jafu li l-‘ieħor’ daqt ifaqqgħalu skandlu. F’pajjiż normali, qagħda bħal din twassal għal astensjoni; in-numru ta’ nies li jivvutaw jinżel drastikament. Tistenna wkoll li jkun hemm taqlib intern fil-partiti; fejn nies ta’ rieda tajba jippruvaw jixkupaw ’l hemm lil min qieħed iħawwad, inkluż lit-tmexxija jekk jeħtieġ. F’Malta bil-kontra, bosta attivisti u partijarji – li ħafna minnhom huma t-telliefa ta’ dejjem, ikun min ikun fil-gvern - jikkunslaw bid-dnub tal-oħrajn; jaraw l-iżball tal-‘ieħor’ u din il-viżjoni tnessi l-iżball tan-naħa tagħna u tikkunslana. Kull pajjiż ikolli l-politikanti li jistħoqqlu.
Michael Grech huwa opinjonista tal-ILLUM