Anniversarju Qares
Joe Ellis janalizza s-sitwazzjoni Ewropea ftit jiem qabel l-anniversarju tat-Trattat ta' Ruma
Nhar is-Sibt ser jaħbat is-sittin anniversarju tal-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma. Kien fil-25 ta’ Marzu 1957 li sitt pajjiżi Ewropej, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju, l-Olanda u l-Lussemburgu ffirmaw it-trattat li waqqaf dik li kienet tissejjaħ il-Komunità Ekonomika Ewropea. Dan it-trattat kellu l-għan li jnaqqas progressivament id-dazji u jwaqqaf għaqda doganali. It-trattat ikkontempla wkoll it-twaqqif ta’ suq waħdieni għal prodotti, il-manodopera, is-servizzi u l-kapital fi ħdan l-istati membri, l-hekk imsejħin erba’ libertajiet li tant qed nisimgħu dwarhom, il-ħolqien ta’ Politika Agrikola Komuni, Politika Komuni għat-Trasport u l-Fond Soċjali Ewropew. Twaqqfet ukoll il-Kummissjoni Ewropea.
Wieħed jiskanta tassew għalfejn din l-insistenza biex ikollhom kontroll fuq l-immigrazzjoni komunitarja meta dawn l-immigranti qed jagħmlu xogħol li s-sudditi tar-Reġina llum jitqażżu jagħmlu u qed jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-ġid tal-ekonomija Brittanika
It-Trattat ta’ Ruma tnissel mit-Trattat ta’ Pariġi li kien iffirmat seba’ snin qabel u li waqqaf il-Komunità tal-Faħam u l-Azzar bil-għan li jgħaqqad il-produzzjoni tal-faħam u l-azzar fi Franza u l-Ġermanja tal-Punent kif ukoll f’pajjiżi oħra. Qabel ma ġie ffirmat it-Trattat ta’ Ruma, saru bosta attentati oħra sabiex tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej li sa ftit qabel kienu f’taqtiegħa bejniethom sal-mewt. Eventwalment, intlaħaq qbil fuq il-formula li tniżżlet f’dan it-Trattat bl-għan li l-Ewropa tirpilja mill-qirda ta’ gwerra devastanti u jispiċċa l-periklu ta’ gwerra ġdida.
F’dawn is-sittin sena, it-Trattat ta’ Ruma nbidel bil-bosta, speċjalment bit-Trattat ta’ Maastricht tal-1992 u t-Trattat ta’ Lisbona tal-2009. Is-sitt membri fundaturi llum saru tmienja u għoxrin. Madankollu, fiċ-ċerimonja li ser issir fil-Campidoglio ta’ Ruma fejn ġie ffirmat it-trattat oriġinali, sebgħa u għoxrin pajjiż biss ser jattendu. Is-sittin anniversarju ta’ dik li llum tissejjaħ l-Unjoni Ewropea qed jaħbat mad-dikjarazzjoni li ser jagħmel ir-Renju Unit qabel l-aħħar ta’ Marzu skont l-artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona sabiex joħroġ mill-Unjoni. Wara kampanja ta’ bosta snin bi propaganda spiss qarrieqa u inveritiera, il-poplu tar-Renju Unit ivvota f’referendum f’Ġunju li għadda sabiex il-pajjiż joħroġ mill-UE.
Barra l-vot fir-Renju Unit, huma bosta l-pajjiżi fl-UE fejn il-partiti ewroxettiċi żiedu sew fl-appoġġ popolari tagħhom. Din il-ġimgħa, kellna l-elezzjoni tal-Olanda u bosta kienu dawk li ħadu n-nifs li l-partit tal-lemin estrem ta’ Geert Wilders ma sarx l-akbar partit kif l-istħarriġ tal-opinjoni kienu qed ibassru għal dawn l-aħħar xhur. Madankollu, minkejja li dan ma seħħx, xorta jibqa’ l-fatt li Wilders ġab 20% tal-voti u żied bi ftit is-siġġijiet li l-partit tiegħu għandu fil-parlament Olandiż. Dan ifisser li wieħed minn kull ħames Olandiżi jappoġġjaw il-kampanja anti-Iżlamika, anti-immigranti u anti-UE ta’ Wilders. Dan minkejja li l-Olanda huwa normalment wieħed mill-aktar pajjiżi tolleranti, fejn il-livell tal-għixien hu tassew għoli u fejn il-pajjiż irnexxielu joħroġ sew mill-kriżi ekonomika tal-2009.
Fl-elezzjonijiet presidenzjali Franċiżi li ser isiru x-xahar id-dieħel, għalkemm mhux mistenni li Marine Le Pen tirbaħ, u possibiliment lanqas tiġi l-ewwel fl-ewwel round tal-elezzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li tgawdi mill-appoġġ ta’ xi kwart tal-elettorat. Kif kulħadd jaf, Le Pen qiegħda ssejjaħ sabiex Franza toħroġ mill-euro, Franza terġa’ tieħu lura bosta mill-poteri li ġew trasferiti lill-UE u fin-nuqqas, isir referendum sabiex Franza toħroġ mill-UE. Bħal mhu l-każ tal-Olanda, l-elettorat Franċiż jidher li għejja sew mill-partiti tradizzjonali, u qed jinkwieta sew minħabba l-influss ta’ immigranti, speċjalment dawk ta’ reliġjon Iżlamika. Ir-radikalizzazzjoni ta’ bosta Misilmin, speċjalment tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni mhi tgħin xejn f’dan ir-rigward.
Għaldaqstant, l-anniversarju tas-sittin sena ser jiġi ċelebrat fi klima mhux daqshekk serena speċjalment meta t-tieni l-akbar ekonomija tal-Unjoni sejra toħroġ minnha. Madankollu, din il-klima ma jfissierx li din l-Unjoni tinsab fit-tmiem tagħha, kif il-bosta detratturi tagħha, kemm interni kif ukoll esterni, jixtiequ. Għalkemm ċertament mhix perfetta u dejjem hemm lok li jitjieb il-mod kif topera, xorta jibqa’ l-fatt li l-UE ġabet progress, paċi u prosperità kbira fil-kontinent Ewropew u li alternattiva għaliha verament m’hemmx.
Dan il-fatt li l-ewroxettiċi żgur jikkontestaw ser joħroġ biċ-ċar aktar ma r-Renju Unit ser jimxi fit-triq tiegħu li joħroġ mill-Unjoni. Illum aktar milli kien jidher f’Ġunju li għadda, jidher kemm huma frivoli r-raġunijiet għala r-Renju Unit irid joħroġ mill-UE. Min kien jikkampanja sabiex il-pajjiż joħroġ mill-UE, kien isostni li wasal iż-żmien li l-pajjiż jerġa’ jieħu r-riedni f’idejh, il-parlament isir sovran u l-pajjiż jikkontrolla l-immigrazzjoni mill-pajjiżi oħra tal-UE. Fid-disa’ xhur minn mindu sar ir-referendum, ħareġ biċ-ċar kemm dan kollu hu falz.
Il-gvern ta’ Theresa May ma riedx li jikkoinvolġi l-parlament qabel ma jinvoka l-artiklu 50. Kellha tkun kawża li saret minn ċittadini komuni li ġiegħlet lill-gvern tar-Renju Unit jgħaddi liġi fil-Parlament sabiex il-Prim Ministru jkollha l-awtorità legali sabiex tagħmel hekk. U l-gvern irrifjuta li jikkonċedi li l-parlament ikollu d-dritt li jirrevedi l-ftehim aħħari. Daqshekk ser isir sovran il-Parlament wara li r-Renju Unit joħroġ mill-UE. Fi kwalunkwe każ, f’‘white paper’ ferm superfiċjali li ppubblika l-gvern malli ppreżenta l-abbozz ta’ liġi sabiex ikun jista’ jinvoka l-artiklu 50, intqal li l-Parlament tar-Renju Unit baqa’ sovran matul iż-żmien kollu li r-Renju Unit hu membru tal-UE “imma mhux dejjem deher li hekk kien il-każ.” Tassew inkredibbli li wieħed joħroġ mill-akbar suq ħieles tad-dinja minħabba kwistjoni ta’ ottika.
Imbagħad niġu għall-kwistjoni tal-immigrazzjoni Issa r-Renju Unit qed jiskopri li ma jistax jgħaddi mingħajr l-immigranti mill-kumplament tal-UE għaliex bosta setturi tal-ekonomija u tas-settur pubbliku tiegħu jispiċċaw bla ħaddiema. Allura wieħed jiskanta tassew għalfejn din l-insistenza biex ikollhom kontroll fuq l-immigrazzjoni komunitarja meta dawn l-immigranti qed jagħmlu xogħol li s-sudditi tar-Reġina llum jitqażżu jagħmlu u qed jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-ġid tal-ekonomija Brittanika.
L-UE ġabet progress, paċi u prosperità kbira fil-kontinent Ewropew u li alternattiva għaliha verament m’hemmx
Li nsew l-votanti Brittaniċi hu illi meta l-pajjiż daħal fl-UE fl-1973 kien imfarrak u prattikament fallut u llum ġie fuq saqajh ekonomikament mhux bil-ftit minħabba l-fatt li qiegħed fl-UE. Li titlaq mhux biss mill-UE imma anke mis-suq waħdieni u mill-għaqda doganali huwa att awtoleżjonista li wieħed verament ma jifhimx.
Iż-żmien jagħtini parir imma Brexit mhux biss qed jhedded l-prosperità tar-Renju Unit imma ukoll l-istess għaqda tiegħu. Fin-nazzjonijiet illi jiffurmaw ir-Renju, u speċjalment, imma mhux esklussivament fl-Iskozja, qed tikber l-iskuntentezza u xejn mhu skontat. Ir-Renju ċertament m’għadux magħqud daqs kemm kien f’dawn l-aħħar mijiet ta’ snin.
Ċertament li Brexit hija sfida kbira għall-UE. Imma wisq probabbli m’hijiex l-akbar sfida fil-wiesgħa. L-UE llum hija mdawra minn potenzi ostili bħar-Russja u t-Turkija filwaqt li l-amministrazzjoni Amerikana tikkondividi l-aġenda ewroxettika tal-ultrakonservattivi li waslet għal Brexit. Fl-istess waqt, il-blokk għadu ma stejqerx għal kollox mill-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2009 u s-snin ta’ wara. U wieħed ma jridx jinsa l-kompetizzjoni dejjem tikber minn pajjiżi oħra, speċjalment dawk Ażjatiċi.
Il-Kummissjoni ħarġet white paper li fiha pinġiet ħames xenarji possibbli għall-Ewropa tas-snin li ġejjin: jew jitħalla kollox kif inhu b’tibdil żgħir kożmetiku, jew wieħed jiffoka biss fuq it-tisħiħ tas-suq waħdieni mingħajr ma jsaħħaħ il-koperazzjoni politika u ekonomika, jew l-Unjoni tiżviluppa b’ritmu differenti skond kif il-membri jkunu jixtiequ (ħaġa li diġà qed isseħħ spiss), jew li wieħed jipprova jagħmel anqas affarijiet flimkien imma b’mod aktar effiċjenti jew inkella li l-Unjoni tipprova tagħmel aktar affarijiet b’vuċi waħda fuq materji bħall-kummerċ barrani u politika barranija, tmexxi l-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima, tintervjeni fi kwistjonijiet umanitarji u tkun tista’ żżid ir-riżorsi tagħha anke permezz ta’ taxxi. Dan l-aħħar xenarju huwa wieħed ta’ Ewropa federali li żgur ser ikun hemm ħafna opposizzjoni għalih, meħtieġ kemm hu meħtieġ.
Indubjament, id-diskussjoni fix-xhur u s-snin li ġejjin ser tkun fuq il-binarji mfassla fil-white paper tal-Kummissjoni. Imma l-popli tal-UE27 jagħmlu sew iżommu f’moħħhom dak li ser jintqal fid-dikjarazzjoni li ser issir nħar is-Sibt: “Aħna determinati li nsaħħu l-UE; irridu nuru aktar għaqda u solidarjetà fost il-pajjiżi membri. L-għaqda hija meħtieġa u mhux għażla. Jekk inkunu waħedna, ser niġu mkissra mid-dinamika globali. L-aħjar mod biex ninfluwenzaw din id-dinamika u niddefendu l-interessi u l-valuri komuni u billi noqgħodu flimkien.” Mid-dehra dina d-dikjarazzjoni sejra tiġi adottata mill-pajjiżi membri kollha barra r-Renju Unit. Anki l-Polonja u l-Ungerija illi qed ikunu partikolarment diffiċli dan l-aħħar ser jadottawha.
Min qed joħlom illi l-UE ser tisfaxxa qed igħarrilu bl-ikrah. Imma ma rridux inħallu l-forzi li jridu jeqirdu dak li akkwistajna f’dawn l-aħħar sittin sena jieħdu s-sopravvent. Irridu minflok naħdmu u nistinkaw sabiex insaħħu l-għaqda ta’ bejnietna l-Ewropej għax permezz tal-għaqda li jgawdu kemm il-popli Ewropej kif ukoll il-kumplament tad-dinja.