Vote Simon, get ???
'Għadni ma nistax nifhem għala meta ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar Beppe Fenech Adami, il-kanuni daru f’daqqa waħda fuq Mario de Marco'
Iktar ma qed jgħaddi ż-żmien, iktar nies qed jifhmu kemm kienet qawwija u b’saħħitha d-deċiżjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li f’pajjiżna jdaħħal liġi dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi.
Wara 25 sena ta’ tkaxkir tas-saqajn, bl-għaqda Ewropea kontra l-korruzzjoni GRECO toħroġ rapport wara l-ieħor tikkundanna lil pajjiżna, Gvern ġdid daħħal wara konsultazzjoni wiesgħa, liġi li għandha l-għan li ddaħħal element ta’ regolamentazzjoni, serjetà u trasparenza waqt li żżomm lill-partiti politiċi ħajjin u qrib in-nies.
Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar nies qed jifhmu għala l-Partit Nazzjonalista kien kontra li pajjiżna jdaħħal liġi dwar il-finanzjament tal-Partiti politiċi.
Simon Falz
Simon Busuttil huwa falz. Meta ġejna għall-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-liġi tal-finanzjament tal-partiti huwa bagħat proposti li meta taqrahom ituk x’tifhem li wieħed ried is-serjetà. U l-liġi implimentat ħafna proposti li jiggarantixxu s-serjetà u li ġew mingħand il-partiti kollha, inkluż il-Partit Nazzjonalista.
Meta ġejna mbagħad għad-dunque, il-Partit Nazzjonalista għamel preċiżament l-oppost.
Qalulna li riedu li meta xi ħadd isellef €10,000 jew iktar, ir-regolatur ikun jista’ jara l-ismijiet. Fl-ewwel opportunità għamlu skema ta’ self sigriet u mhux garantit. Qalulna li riedu li donazzjonijiet ta’ iktar minn €20,000 ikunu illegali. Fl-ewwel opportunità, Simon Busuttil iltaqa’ mad-db group u qalilhom li jrid flus għall-pagi tal-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista u dawn tawh donazzjoni ta’ iktar minn €70,000.
Simon Busuttil huwa falz.
Konferma li kienu donazzjonijiet
Simon Busuttil gideb ukoll. Qal li dawn il-flus li talab mingħand tad-db group ma kinux donazzjonijiet imma kienu rabtiet kummerċjali mal-kumpanija tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista.
Mario de Marco, id-deputat Kap, meta tkellem fuq it-TV tkellem dwar donazzjonijiet u mhux rabtiet kummerċjali. Għalhekk il-konferma hi ċara u m’hemmx dubji. Il-flus li ntalbu jagħtu tad-db group kienu donazzjonijiet.
Donazzjoni lill-kumpaniji tal-partiti hija daqs donazzjoni lill-partit innifsu
Simon Busuttil baqa’ għaddej fis-sakra ta’ gideb meta qal li jekk wieħed jagħti donazzjoni lil Net TV ma jkunx qed jagħti donazzjoni lill-partit għall-finijiet tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Mhux veru. Gidba. Il-liġi hi ċara li donazzjoni lil kwalunkwe organizzazzjoni tal-partiti hija meqjusa bħala donazzjoni lill-partiti. Ċara kristall.
Il-liġi għaddiet minn taħt għajnejn il-GRECO. Żgur li dak li qed jgħid li hemm fil-liġi Simon Busuttil il-GRECO ma kinux jaċċettawh.
Meta tivvota lil Simon lil min tkun qiegħed tivvota?
Id-domanda għalhekk li ċara. Meta wieħed ikun qed jivvota lil Simon Busuttil, lil min ikun qiegħed jivvota?
Il-Partit Laburista daħħal liġi tal-finanzjament tal-partiti politiċi u fi żmien ftit ġimghat kulħadd se jkollu d-dritt jara b’għajnejh x’iddikkjaraw li rċevew bħala donazzjonijiet iż-żewġ partiti. Aħna l-Gvern li daħħalna din il-miżura ta’ trasparenza bla preċedent.
Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar nies qed jifhmu għala l-Partit Nazzjonalista kien kontra li pajjiżna jdaħħal liġi dwar il-finanzjament tal-Partiti politiċi
Kieku ma tkellmux tad-db, kieku sal-lum għadna ma nafux bid-donazzjonijiet illegali u moħbija li Simon Busuttil talab. Allura wieħed jistaqsi: meta wieħed jivvota lil Simon Busuttil, lil min ikun qiegħed jivvota? Lil Simon Busuttil jew lil nies moħbija li jintalbu jagħtu donazzjonijiet illegali?
Kanuni
Għadni ma nistax nifhem s’issa però għala meta ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta ta’ tliet eks Imħallfin dwar Beppe Fenech Adami, il-kanuni daru f’daqqa waħda fuq Mario de Marco. Il-klikka kollha ta’ Daphne PN li tmexxi lil Simon Busuttil minn imnieħru, infexxet tattakka lil Mario de Marco bi ħdura tipika li tintuża fil-konfront tagħna.
Qatt ma rajt xi ħaġa bħal din isseħħ fil-politika Maltija. U min jaf kemm hemm affarijiet oħra u saffi fuq saffi li ma nafux bihom.
Minn GonziPN għal DaphnePN
Taħt GonziPN il-Partit Nazzjonalista mar lura bħal granċ. Meta ħsibna li ma setax imur iktar lura, rajna lill-Partit Nazzjonalista jittrasforma ruħu f’DaphnePN fejn il-ħdura, l-estremiżmu u n-negattiviżmu huma l-ordni tal-ġurnata.
Lawrence Gonzi kellu saff ta’ rispett etiku u uman li bħalissa huwa ineżistenti fi ħdan DaphnePN.
Bil-ħolqien ta’ DaphnePN, l-Oppożizzjoni marret eżatt bl-oppost ta’ dak li taha parir tagħmel ir-rapport tat-telfa.
Jekk qed naqra l-affarijiet sewwa, għad naraw żviluppi interessanti ferm jokkorru fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li jkomplu jgħaddsu l-Oppożizzjoni ’l isfel.
Il-ħasra hi li l-pajjiż għandu bżonn Oppożizzjoni kostruttiva u matura. DaphnePN hi eżattament l-oppost.
Simon Busuttil immexxi minn imnieħru
Konvint li Simon Busuttil jinsab maqbud f’ħabs. Jaf li jekk jazzarda jieqaf lil DaphnePN, jiġrilu bħal de Marco. U allura biex isalva ġildu, qiegħed jitħalla jitmexxa minn imnieħru mill-fazzjonijiet estremisti li se jdaħħlu lill-Partit Nazzjonalista ġo ħajt
Mumenti sbieħ
Din il-ġimgħa kienet ġimgħa sabiħa ħafna. Matul Gvern li jisma’ tkellimna dwar dak li għamilna fl-aħħar sena b’mod partikolari fil-qasam tal-kultura. Ħabbart, per eżempju, li f’erba’ snin, l-entitajiet li jien responsabbli għalihom intervjenew jew qed jintervjenu fuq xejn inqas minn 85 sit f’erba’ snin b’investiment ta’ €80 miljun. Dawn jinkludu siti żgħar f’irħula sa fortijiet enormi. Kieku ma intervjenejniex fuq, pereżempju, s-Swar u l-binjiet li għamlu l-Kavallieri, kieku qed nitkellmu ferm differenti dwarhom.
Nerġa’ ngħid f’dawn it-85 ma għoddejniex is-siti li rrestawraw sħabi Anton Refalo (Ċittadella u oħrajn) u Joe Mizzi (dħul tal-Belt u oħrajn) jew il-privat (Suq tal-Belt u oħrajn).
Verament kburi bix-xogħol li wettaqna. Grazzi minn qalbi lin-nies kollha tal-Aġenziji li jaħdmu bla nifs.
Sejf
Il-fatt li wara iktar minn 200 sena, is-sejf ta’ de Valette reġa’ ġie lura Malta biex in-nies tkun tista’ tarah għat-tliet xhur u nofs li ġejjin hu avveniment straordinarju.
Mertu huwa tal-Prim Ministru Joseph Muscat li frott il-ħbiberija eċċezzjonali li huwa għandu mal-President Franċiż Francois Hollande rnexxilu jwettaq dak li l-poplu Malti kien għoddu qata’ qalbu li qatt jista’ jseħħ. Nirringrazzja minn qalbi lill-President Hollande, il-Gvern Franċiż u l-Mużew tal-Louvre tal-kooperazzjoni stupenda tagħhom.
Min-naħa tagħna tajna l-massimu tagħna biex is-sejf jiġi espost kif xieraq bl-iktar mod sabiħ u li jfiehem lin-nies dwar il-valur tas-sejf. Kif nafu s-sejf kien ħadu Napuljun li tant għoġbu li baqa’ jżommu fuqu sal-aħħar ta’ mewtu. Jidher li Napuljun m’għoġbux il-pocket tas-sejf u għamel pocket għalih. Allura fl-esebizzjoni wieħed jista’ jara s-sejf ta’ de Valette u l-pocket tas-sejf ta’ Napuljun.
Meta toqgħod tqis, dawn it-tnejn kienu nies kbar li tħossok qrib tagħhom u ma ngħidlekx li tifhimhom għal ftit sekondi.
Is-sensazzjoni hija inkredibbli.
Grazzi minn qalbi lil Heritage Malta.