Is-sistema politika għandha bżonn xokk qawwi
'Tant drajna bl-użu u l-abbuż mill-partiti politiċi l-kbar ta’ proprjetà pubblika li kultant ftit nagħtu każ'
Ir-regolamentazzjoni tal-iffinanzjar tal-partiti politiċi hi ta’ importanza fundamentali fi kwalunkwe soċjetà demokratika. Sa minn meta twaqqfet fl-1989, Alternattiva Demokratika dejjem kienet fuq quddiem nett tinsisti biex il-Parlament japprova l-leġiżlazzjoni meħtieġa. U meta din il-leġiżlazzjoni ġiet, tajnieha merħba, avolja setgħet kienet ħafna aħjar.
L-Att dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi mhuwiex biss dwar il-finanzi tal-partiti politiċi. Jistabbilixxi wkoll ir-regoli dwar ir-reġistrazzjoni tal-partiti mal-Kummissjoni Elettorali. Huwa tabilħaqq ironiku li l-Partit Laburista li fil-Parlament ippilota din il-leġislazzjoni, naqas milli jirreġistra ruħu sad-data stabbilita. B’dan il-fatt, għal xi raġuni li s’issa għadha mhiex magħrufa, bagħat messaġġ ċar li ried ibiegħed id-data li fiha jkun soġġett għar-regoli bħal ħaddieħor. Kellu żmien iktar minn biżżejjed biex jagħmel l-emendi tekniċi li kienu meħtieġa għall-istatut tiegħu. Imma kaxkar saqajh għal iktar minn sena.
Iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li waqqfet Bord biex jinvestga l-allegazzjonijiet li rċeviet dwar nuqqas ta’ osservanza tal-Att dwar il-Finanzjament tal-Partiti Politiċi. Safejn hu magħruf, saru tliet allegazzjonijiet.
L-ewwel allegazzjoni ta’ ksur tal-liġi saret minn Alternattiva Demokratika u kienet dwar il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista li saret fil-Palazz tal-Girgenti. Diġà ktibt dwar dan fil-ħarga tas-26 ta’ Frar tal-Illum bl-artiklu intitolat Il-Palazz tal-Girgenti: bejn Gvern u Partit. Nhar il-Ġimgħa, Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ta’ Alternattiva Demokratika kien infurmat bil-miktub mill-Kummissjoni Elettorali li t-talba ta’ AD lill-Kummissjoni Elettorali biex ikun investigat l-użu mill-Grupp Parlamentari Laburista tal-Palazz tal-Girgenti kienet mgħoddija lill-Bord ta’ Investigazzjoni.
Jekk il-bord li se jmexxi l-investigazzjoni jingħata dawn il-kontijiet ‘foloz’ li Silvio Debono qal li ħallas fuq talba ta’ diriġenti tal-PN, diffiċli biex nifhem kif il-PN jista’ jevita li jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu
Tant drajna bl-użu u l-abbuż mill-partiti politiċi l-kbar ta’ proprjetà pubblika li kultant ftit nagħtu każ. Dan jista’ jkun meqjus bħala ‘abbuż żgħir’ ħdejn l-oħrajn preżentament fl-aħbarijiet, imma għandu jkun ċar li l-anqas l-iktar ksur minimu tal-liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti politiċi m’għandu jkun ittollerat.
It-tieni allegazzjoni kienet dik li qed jenfasizza l-Partit Laburista dwar id-donazzjonijiet ta’ Silvio Debono lill-Partit Nazzjonalista. Silvio Debono kixef dak li ġara b’ritaljazzjoni ovvja għall-kritika li l-PN għamel għat-trasfriment tal-art f’Pembroke bis-soldi. Hija storja ta’ kontijiet possibbilment foloz u donazzjonijiet illegali kif fissirt fl-artiklu tiegħi tal-Ħadd li għadda fl-Illum. Il-każ kollu jdur madwar l-eżistenza ta’ dawn il-kontijiet foloz li permezz tagħhom saru donazzjonijiet illegali lill-Partit Nazzjonalista u li għaddew għand il-kumpanija tal-Partit. Jekk il-bord li se jmexxi l-investigazzjoni jingħata dawn il-kontijiet ‘foloz’ li Silvio Debono qal li ħallas fuq talba ta’ diriġenti tal-PN, diffiċli biex nifhem kif il-PN jista’ jevita li jerfa’ r-responsabbiltá ta’ għemilu.
Il-Partit Laburista bagħat messaġġ ċar li ried ibiegħed id-data li fiha jkun soġġett għar-regoli bħal ħaddieħor. Kellu żmien iktar minn biżżejjed biex jagħmel l-emendi tekniċi li kienu meħtieġa għall-istatut tiegħu
It-tielet talba għal investigazzjoni saret mill-PN, kontra l-Partit Laburista. Din tirreferi għal numru ta’ ġurnalisti tal-ONE li ġew magħżula biex jokkupaw pożizzjonijiet ta’ fiduċja f’diversi Ministeri jew awtoritajiet. L-ilment tal-PN (li għalkemm fih xi żbalji fl-ismijiet) naħseb li hu sostanzjalment korrett u jirreferi għall-prattika korrotta li biha l-media tal-Partit Laburista hi sussidjata permezz ta’ salarji li joħroġ l-istat, jiġifieri mit-taxxi li nħallsu.
Il-fatt li dawn it-tliet ilmenti/allegazzjonijiet ser ikunu investigati mill-Bord għall-Investgazzjonijiet maħtur mill-Kummissjoni Elettorali huwa pass ’il quddiem. Kollox ser jiddependi minn dawk magħżula biex imexxu din l-investigazzjoni.
Is-sistema politika tagħna għandha bżonn xokk qawwi biex forsi tiġi f’sensiha. Għax kull wieħed mit-tliet ilmenti hu fil-fehma tiegħi ġustifikat u l-ebda wieħed ma jikkanċella lill-ieħor. Wasal iż-żmien li kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-Partit Nazzjnalista jinġiebu f’sensihom biex jifhmu li anke huma soġġetti għall-liġi.
Imma forsi qed nistenna wisq mill-Bord Investigattiv!
L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] , http://carmelcacopardo.wordpress.com