Erba’ snin wara... bejn suċċessi u żelqiet
L-Editorjal tal-ILLUM... dwar erba' snin taħt Gvern Laburista
It-terremot li l-Prim Ministru Joseph Muscat wiegħed li se jagħmel fil-Partit Laburista, anke jekk ħafna tmejlu bih, wettqu. Dak it-terremot ħalla Partit Laburista riġuvinat u rebbieħ. Fl-2013 għamel rebħa storika b’maġġoranza kolossali ta’ 36,000 vot. Imma elezzjoni hija mezz biex tasal, mhux il-wasla. U minkejja l-kisbiet kbar li għamel Muscat abbażi ta’ partit u li tagħhom jimmeritah tifħir, huwa fit-tmun tal-pajjiż li jkun issiġġillat il-ġudizzju finali u determinanti ta’ politiku.
L-ewwel erba’ snin tal-Partit Laburista jingħasru f’kelma waħda: Taħlita. L-ewwel u qabel kollox, il-pajjiż miexi ’l quddiem u miexi ’l quddiem sew. Veru li m’hawnx kriżijiet, imma veru wkoll li l-ekonomija Maltija mhux tajjeb sejra, imma qed tikseb fost l-aqwa riżultati fl-Unjoni Ewropea kollha. L-ekonomija, hija importanti għax b’ekonomija batuta, jbati kulħadd.
It-tieni: Minkejja l-eluf ta’ barranin li qed jiġu pajjiżna u minkejja l-mijiet kbar li qed jiggradwaw, pajjiżna qed joħloq biżżejjed postijiet tax-xogħol, biex illum għandna fost l-inqas rata ta’ qgħad mis-snin disgħin. It-tielet: Pajjiżna qed jesperjenza rekords fit-turiżmu, sena wara sena wara sena. Ir-Raba’: Matul dawn l-erba’ snin, il-Gvern ħabbar miżuri li laqtu direttament lin-nies, l-aktar dawk li huma vulnerabbli: Child care b’xejn, tapering tal-benefiċċji biex iktar nies jidħlu fid-dinja tax-xogħol, l-ewwel żidiet fil-pensjoni wara kważi 20 sena, stipendji lil dawk li jerġgħu jirrepetu s-sena u ħlas liż-żewġ ġenituri bit-tfal morda. Kien hemm żieda fil-mediċini li jingħataw b’xejn u fi tliet snin oħra, il-mediċni kollha tal-kanċer se jkunu b’xejn, żidiet fl-għajnuna supplimentari, għajnuna ta’ eluf ta’ ewro għal kull koppja li tixtri l-ewwel proprjetà, stabbiltà fil-prezz tal-gass, ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma lill-familji u negozji, it-tneħħija ta’ taxxi ta’ suċċessjoni lil ulied b’diżabilità, żieda fl-għajnuna lil dawk li joqogħdu d-dar jgħinu lill-ġenituri tagħhom li jkunu morda u elenku sħiħ ta’ miżuri soċjali.
Il-ħames: F’dawn l-erba’ snin, il-Gvern wettaq bidliet u daħħal liġijiet li sa qabel l-2013 dan il-pajjiż kien qisu dara mingħajrhom, kien qisu rrassenja ruħu li mhux se jidħlu fis-seħħ. Il-Liġi tal-Whistleblower, il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti, il-Liġi tal-Ġeneru, l-introduzzjoni tal-Unjoni Ċivili, il-Liġi tal-koabitazzjoni, l-introduzzjoni tal-Għajnuna Legali lil dawk li jkunu arrestati u bosta oħrajn.
Is-sitt: Gvern Laburista f’dawn l-erba’ snin saħħaħ oqsma li kienu sejrin tajjeb taħt Gvernijiet Nazzjonalisti. Il-qasam edukattiv baqa’ jiżviluppa, anke jekk ħa xejra iktar favur dawk l-istudenti li kienu tilfu kull skop u ħajra, l-oqsma tal-igaming u tas-settur finanzjarju, li bdew jikbru taħt Gvernijiet Nazzjonalisti baqgħu jikbru wkoll u proġetti li kienu għadhom fuq il-karta, saru realtà.
U fl-aħħar, Gvern Laburista għalaq il-Power Station tal-Marsa u injetta ħajja f’Enemalta li kienet falluta u se tfalli l-pajjiż.
Minkejja dawn il-kisbiet pjuttost kbar, iż-żelqiet kienu kbar ukoll. L-akbar tliet żelqiet jew żbalji madornali kienu, l-ewwel: il-ħlas ta’ €4.2 miljuni lil tal-Cafè Premier, it-tieni: Il-każ oxxen ta’ Gaffarena li minħabba fih membru tal-Kabinett kellu jirreżenja, u fl-aħħar u mhux l-inqas il-fatt li Ministru ewlieni tal-Gvern ma kellux ġudizzju politiku tajjeb biżżejjed biex ma jiftaħx kont fil-Panama. U dan jekk intuh il-benefiċċju tad-dubju, għax jekk l-insinwazzjonijiet li tħallew jikbru għax il-Ministru ma warrabx huma minnhom, (jiġifieri li dawn il-kontijiet kienu lesti biex jiddaħħlu kummissjonijiet fihom minn flus ta’ privatizzazzjoni), mela allura l-Gvern ikollu problema ħafna ikbar fuq idejh.
F’dawn l-erba’ snin ukoll, Gvern Laburista, meta kellu opportunità tad-deheb li jbiddel l-affarijiet, ħalla b’azzjonietu stess li tikber sħaba ta’ dubji fuqu. L-idea tal-ħabi, l-idea li l-kuntratti tal-Proġett tal-Power Station u tal-Isptarijiet f’Għawdex ma kienux fl-interess tal-poplu, ma tantx kienet miġġieleda bis-saħħa. Issa ħarġu l-kuntratti vera, imma issa troppo tardi. Il-perċezzjoni tal-ħabi laħqet iffurmat.
Gvern Laburista, ħalla tinbena perċezzjoni li huwa gvern maħmuġ u li jiffanga u jiffoxna daqs jekk mhux aktar minn Nazzjonalisti. Perċezzjoni, veritiera u mhux fl-istess ħin. Ħalla li jinbena ħajt li ħammġu bħalma kien qed iħammeġ Gvernijiet Nazzjonalisti.
Meta tpoġġi kollox fuq il-miżien u tħares lejn l-aħħar erba’ snin, tifhem li dan huwa Gvern bi preġji kbar u enerġija kbira wkoll. Imma Gvern li għamel żbalji ħoxnin ukoll, żbalji li tebbgħulu ismu.
Għad fadal sena biex it-tebgħat jinħalsu, l-weġgħat jittaffew u biex id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, jittieħdu.