Bejn ħolm u realtà
‘L-uniku dnub li għandu Mario Demarco huwa li hu ferm aktar popolari man-nies minn Beppe u l-klikka tiegħu u allura fil-PN dak huwa dnub mejjet’
Li kelli ngħid il-kunjom ‘Debono’ fejn jidħol finanzjament tal-partiti mhux se jħalli memorji sbieħ xejn għall-partit Nazzjonalista. Mhux biss għax kont jien li għamilt kampanja sħiħa u saħansitra abbozzajt liġi li preżentajt fil-Parlament f’Jannar 2012, u li taħt amministrazzjoni Laburista daħlet fis-seħħ, li meta ma ttellax għad-diskussjoni wera r-riluttanza, l-Oppożizzjoni u r-reżistenza kbira li kellu Partit Nazzjonalista għal din il-liġi iżda wkoll għax kellu jkun Silvio Debono, partitarju Nazzjonalista għal snin twal li għax ma felaħx bl-ipokrezija tal-istess partit, ‘spilled the beans’ u kixifhom li kienu ilu jagħtihom mijiet ta’ eluf ta’ ewro għal snin twal.
Ovvjament, il-pjan sinistri ta’ dik il-klikka li fi żminijiet oħrajn kont nirreferi għaliha bħala l-klikka tal-ħażen, il-qalba tal-oligarkija, kien li jippontaw subgħajhom u jgħabbu dnubiethom fuq Mario Demarco li kien l-avukat tad-db group bl-akkuża li kellu kunflitt ta’ interess jaħdem mad-db meta l-partit kien qed jeħodha kontra konċessjoni li l-istess db kien ħa mingħand il-Gvern.
Issa kien ovvju li dan kien pjan malizzjuż biex jattakkaw lil Demrco, wieħed minnhom stess, għax jekk Demarco kien jaf li l-partit stess kien qed jieħu donazzjoni, x’suppost kellu jagħmel – ma jaħdmilhomx? Fejn hu l-kunflitt ta’ Mario jekk il-partit stess kien qed jitolbu l-flus lill-kumpanija db?
Iżda dak li qatt ma ħolmu, sar realtà. Dak li ma kkalkulawx, ma pprevedewx u ma basrux l-istrategisti tal-klikka tal-ħażen, kien li tal-kumpanija db, rinfaċċjati b’tant ipokrezija, kienu se jikxfu x’kien ilu għaddej minn taħt u minn wara l-kwinti, u forsi fil-kantina u mhux fir-raba’ sular! Kieku ma tkellmux tad-db illum, il-kanuni għadhom inġustament ippuntati fuq Mario Demarco, li l-uniku dnub li għandu huwa li huwa ferm aktar popolari man-nies minn Beppe u l-klikka tiegħu u allura, fil-PN.dak huwa dnub mejjet.
Minn kanuni, spiċċat boomerang dritt fuq moħħ min orkestra l-attakki fuq Mario li m’għandix dubju, jisħet is-siegħa u l-mument li għal darb’oħra reġgħu ħallew il-mibgħeda tagħmihom u ddaħħalhom ġol-ħajt. Dak li qatt ma ħolmu, sar realtà jew ħmar il-lejl!
Il-firda u l-inkwiet fil-PN ma ġabuhx dawk li ma baqgħux fil-PN wara Marzu 2013, iżda dawk li għadhom hemm. L-inkwiet wara Marzu 2013 żdied mhux naqas, għax min jippretendi li l-partit hu proprjetà personali tiegħu, għadu hemm u jirrenja.
Qabel il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti (2015) li hija bbażata fuq l-abbozz li kont preżentajt jien fil-Parlament f’Jannar 2012, fi żmien meta Tonio Borg u l-partit tiegħu kienu fil-poter għal 25 sena, kellna sitwazzjoni fejn il-partiti politiċi, l-aktar organi li jħaddnu poter fis-soċjetà u jinfluwenzaw deċiżjonijiet ma kellhom ebda liġi tirregolahom. U allura, daqs kemm kienet inkredibbli din is-sitwazzjoni, hija storika l-liġi li issa hemm fis-seħħ, li jien imbuttajt, ktibt u preżentajt fil-Parlament u li Tonio Borg u l-partit tiegħu tant irreżista.
Huwa ovvju li l-aktar pass importanti jibqa’ dak meta ddaħħlet il-liġi, wieħed jista’ jibdel, jemenda, iżid, inaqqas, dejjem hekk jiġri però dan qatt mhu se jħassar il-fatt li Tonio Borg u l-partit li tiegħu kien Viċi Kap, mhux biss ma ddaħħalx iżda li tant irreżista din il-liġi.
U allura, Tonio Borg mhux talli m’għandux ikun maħtur biex jagħmel proposti fuq il-Finanzjament tal-Partit jew xi ħaġa ta’ natura kostituzzjonali, kif ġie maħtur biex jagħmel riċentement mill-PN, talli lanqas bħala armchair critic ma jista’ jittieħed bis-serjetà meta naqas li jilleġiżla għal tant snin u meta fi żmienu r-riforma kostituzzjonali kienet kompletament traskurata u meta wara li kien membru tal-Kummissjoni Galdes fl-1995 Ii għamlet proposti dwar finanzjament tal-partiti, kemm bħala ministru tal-ġustizzja, tal-intern, leader of the house u viċi Prim Ministru qatt ma għamel l-iċken sforz biex isiru riformi għal snin sħaħ.
Issa meta rtirat irid jagħmel l-proposti? Meta kellu jaħdem, raqad u issa meta rtira jrid jaħdem? Fejn hi l-meritokrazija biex ġie maħtur fuq dan il-Kumitat?
Fil-ħolm tiegħu, Tonio Borg seta’ immaġina ħafna affarijiet u pparteċipa f’rapporti u jista’ joħroġ issa li rtirat b’ħafna proposti fantasjużi u li jistgħu jinstemgħu sbieħ però r-realtà tibqa’ li hu qatt m’għamel xejn!
Il-liġi preżenti bbażata fuq l-abbozz li kont preżentajt jien fil-Parlament meta Tonio Borg kien Leader of the House u viċi Prim Ministru hija finalment sforz kollettiv u konsultazzjoni pubblika wiesgħa, u liġi li għaddiet mil-Parlament bi qbil unanimu. Kuntrarjament għall-ħolm ta’ Tonio, din l-liġi saret realtà.
Ngħiduha kif inhi. Fl-aħħar mitt sena, il-partiti politiċi f’Malta għexu mingħajr finanzjament mill-istat u ladarba għexu, x’inhi d-diffikultà biex jagħtu rendikont ta’ kif għexu? Li għexu huwa fatt, issa jridu jagħtu rendikont ta’ kif.
Qatt mhu se jħassar il-fatt li Tonio Borġ u l-partit li tiegħu kien Viċi Kap, mhux biss ma daħħalx iżda li tant irreżista din il-Liġi
Iżda mbagħad min-naħa l-oħra, jekk dan kien qed isir b’xi mod mhux xieraq jewk okkult, allura m’għandniex nippruvaw ngħattu x-xemx bl-għarbiel u ngħaġġlu ndaħħlu finanzjament mill-istat biex inraqqgħu l-pannu bil-qargħa aħmar. Jekk kien hemm xi ħaġa mhux xierqa fil-finanzjament tal-partiti, issa din il-liġi dettaljata li tintroduċi trasparenza, għandha sservi biex il-ġurdien joħroġ mit-toqba u jinqabad.
Iżda mbagħad ngħid dan li ġej b’mod ġenerali, bħala eżempju u b’ebda referenza għal fatti partikolari. M'hemmx u ma jista' jkun hemm xejn agħar milli stat demokratiku jidħol forċina għal u jiffinanzja lil xi partit politiku li jkun inħataf u nħakem minn nies li jkaxkru saħansitra kull ma jsibu fl-istess partit b’mod li kważi jfalluh jew iħalluh midjun. Qed ngħid dan b'mod ġenerali. Allaħares qatt niġu f'dak l-istat. Stat demokratiku għandu jassigura li l-partiti politiċi josservaw il-liġijiet tal-pajjiż qabel xi darba jikkunsidra jiffinanzjahom b'xi mod.
Għax jekk għandek taħwid u griefex f’partit, x’garanzija għandek li l-flus mill-Istat, flus tat-taxpayer ma jispiċċawx fil-bir tas-skieken, fil-but ta’ xi ħadd fejn m’għandhomx jispiċċaw? Apparti minn hekk, huwa importanti wieħed jifhem li kull fejn għandek finanzjament mill-istat xorta huwa permess finanzjament mill-privat. Jiġifieri finanzjament mill-istat ma jeliminax u m’għandux jelimina finanzjament mill-privat.
Iżda jekk tant għandu ħeġġa Tonio Borg, għaliex il-PN fil-Gvern qatt ma daħħal din il-liġi? Għaliex qatt ma daħħal finanzjament mill-istat. F’kelma waħda għax kien paxxut u kien minn fuq? L-ewwel nett, huwa ovvju u minn ewl d-dinja li meta għandek partit pro business bħalma kien il-PN u fil-gvern ovvja li se jattira donazzjonijiet bil-wisq aktar minn partit tal-ħaddiema u fl-Oppożizzjoni u allura kienu komdi, kienu minn fuq u f’vantaġġ sostanzjali.
Inoltre finanzjament mill-istat minnu nnifsu, meta introdott f’ċirkostanzi adattati iservi biex joħloq b’xi mod level playing field, imma l-PN fil-gvern ma kellu ebda intenzjoni li din joħloqha. Issa jridha għax qiegħed minn taħt? Iżda qiegħed minn taħt mhux għax m’hemmx finanzjament mill-istat, iżda wieħed jistaqsi ladarba issa rriżulta li l-PN kien jaċċetta jekk mhux saħansitra jitlob donazzjonijiet ħoxnin matul is-snin dawn il-miljuni fejn spiċċaw? U issa qed jitkellmu fuq finanzjament mill-istat?
Ovvjament, ir-rivelazzjonijiet boomerang ta’ dawn il-ġranet huma biss ‘the tip of the tip of the iceberg’ u jista’ jkun li grazzi għal-liġi li issa fis-seħħ u li Tonio Borg u l-partit tiegħu tant irreżistew b’forza niskopru ferm aktar prinċipji tant traskurati u mogħtija bis-sieq minn gvernijiet Nazzjonalisti suċċessivi.
L-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti għall-pajjiż, minn ħolma favur id-demokrazija, trasparenza u good governance, saret realtà, filwaqt li għall-PN, wara r-rivelazzjonijiet tal-kumpaniji ta’ Debono, il-finanzjament tal-partiti minn ħolma sar ħmar l-lejl!
Franco Debono huwa Kummissarju għal-Liġijiet u konsulent tal-Prim Ministru għar-Riforma tal-Ġustizzja