Elenku dwar it-Teatri
Mario Azzopardi jikteb dwar teatru u TV, il-Kattoliċiżmu vs l-Iżlam fl-iskejjel, il-festa ta' San Patrizju u aktar...
Elenku dwar it-teatri f’Malta (Spazji Teatrali 2017) juri li l-ikbar ammont ta’ spazji teatrali f’Malta u Għawdex jinsab fil-Belt Valletta. Minn dawn l-ispazji, hemm biss 37% li huma pubbliċi bil-maġġoranza 45% għandhom amministrazzjoni ekkleżjastika. 18% huma spazji privati. L-awditjar kien kummissjonat mill-Kunsill tal-Arti, b’konnessjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018.
Minn dak li deher fil-media, jidher li l-Knisja għad għandha preżenza qawwija fejn tidħol l-espressjoni teatrali f’Malta u Għawdex. Biżżejjed jissemmew il-kwantità kbira ta’ manifestazzjonijiet li jsiru għal żmien il-Ġimgħa l-Kbira.
La qegħdin fuq dan, ta’ min jirrikonoxxi l-programmi li qiegħed joffri l-istazzjon nazzjonali. Wieħed minn dawn is-servizzi twassal mill-knisja parrokkjali tan-Naxxar u ieħor mill-parroċċa ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid.
Dan it-teatru tat-triq jifforma parti minn viżjoni artistika li ‘spazji teatrali’ donnu jinjora. Il-‘viżjoni’ teatrali għal Malta iktar saret marbuta ma’ xogħlijiet popolisti li qegħdin ibaxxu dejjem aktar il-livell tal-produzzjonijiet Maltin.
Hemm min jaħseb li l-uniku mod kif tiġbed lill-pubbliku hu billi tivvulgarizza l-lingwa u teċitah b’mossi sesso-infantili
Fit-Teatru Manoel, per eżempju, waqaf kull tip ta’ xogħol klassiku bil-Malti (Ebejer, Chetcuti, Diacono, Calleja, Sant u oħrajn). Anki t-teatru ta’ Francis Ebejer kien jiġbed folol kbar. Imma issa hemm min jaħseb li l-uniku mod kif tiġbed lill-pubbliku hu billi tivvulgarizza l-lingwa u teċitah b’mossi sesso-infantili.
Fl-iskejjel: il-Kattoliċiżmu vs l-Iżlam
F’Xarabank (TVM) deher l-Arċisqof Charles Scicluna jiddefendi l-pożizzjoni li ħa favur id-dritt li tfal Iżlamiċi jiddaħħlu għal-lezzjonijiet tar-reliġjon fl-iskejjel tal-Knisja. L-Arċisqof ibbaża l-argument tiegħu fuq il-pożizzjoni li ħa l-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo li fakkar li d-dritt ta’ taħlit fl-edukazzjoni hu mmarkat fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.
It-tfal li huma Musulmani għandhom dritt jitgħallmu r-reliġjon tagħhom. Dwar l-hekk imsejħa ‘kontroversja’ li nħolqot, l-Arċisqof qal li f’Malta tgħid kelma u timla’ sinna. F’Malta teżisti fobija qawwija kontra dak li l-Maltin ma jafux jiżnu u jevalwaw, inkluża r-reliġjon
Sakemm qed nikteb, il-grupp razzista Moviment Patrijotti Maltin suppost li organizza manifestazzjoni oħra kontra t-tagħlim tal-Iżlam fl-iskejjel. Ma nistax nifhem ix-xenofobija ta’ bosta Maltin u l-atteġġjamenti kontra l-multi-kulturaliżmu.
Hu minnu li l-Knisja Maltija tistieden il-kontroversja u għalhekk hemm Maltin li jifferoċjaw meta uliedhom jingħataw il-ġenb fejn jidħlu l-iskejjel tal-Knisja u jintagħżlu bil-lotterija. Biss f’din il-kwistjoni, il-Knisja uriet ftuħ meta l-Arċisqof qal li l-iskejjel reliġjużi għandhom jesploraw il-possibbiltà li jgħallmu l-Iżlam jew il-kultura Iżlamika.
Bajtar tax-xewk f’Kastilja
Il-konfużjoni ta’ statwi astratti u mhux astratti quddiem Kastilja kompla żdied bil-bronż mastizz tal-perit Valerio Schembri li qaluli li jridha ta’ skultur. Dan il-monument, meqjus minn bosta bħala bla sens, kompla żied mal-konfużjoni li tolqtok meta tidħol fi Pjazza Kastilja. Suppost li l-monument jirrappreżenta fjamma eterna u ilu kommissjonat għal Pjazza Kastilja sa mill-2015.
L-aħħar aħbar dwar Pjazza Kastilja hi li Heritage Malta ikkummissjonat lill-artist Noel Galea Bason biex jaħdem fuq momument figurativ bħala omaġġ lil Mintoff.
San Patrizju f’San Ġiljan
Mela mal-katalgu ta’ festi fil-kalendarju reliġjuż, daħlet festa oħra. Il-Knisja ilha tiċċelebra lil San Patrizju għal żmien twil imma issa rnexxielna ndeffsu l-aspett profan. B’madwar 30,000 ruħ San Ġiljan inbidel “f’orġja ta’ nies fis-sakra.” Nies mill-inħawi jikkontendu li l-festa m’għandha l-ebda konnotazzjoni soċjali, bħal fil-każ tal-festa ta’ Lapsi, iżda hi biss avveniment li l-uniku skop tiegħu hu l-qligħ ta’ flus kbar.
Terapija kontra d-dimensja
Id-dimensja hi waħda mill-kundizzjonijiet li l-aktar qegħdin jinxterdu f’Malta. Ir-raġunijiet għadhom mhux studjati fil-fond iżda l-awtoritajiet mediċi jidhru li l-affarijiet qed jeħduhom bis-serjetà tant li nfetħet taqsima ġdida għal pazjenti b’din il-kundizzjoni fl-isptar San Vinċenz de Paul.
Issa l-esperti qed isemmu t-terapija tar-reminixxenza. Dan jinvolvi metodu meta l-pazjenti jingħataw l-opportunità li jiftakru fi żmien meta kienu aħjar. Dan iġegħlhom jaħsbuha aktar fil-fond u bħala riżultat itejbu l-qagħda tagħhom. Bħala effett, il-proċess tal-anzjanità inaqqas mir-ritmu tiegħu.
Il-mara ta’ Richard Muscat
Irrid insellem lill-ħabib tiegħi Richard Muscat fit-telfa ta’ martu Joyce li qasmet għan-naħa l-oħra tal-eżistenza fil-ġranet li għaddew. Joyce kienet blata ta’ sostenn u kuraġġ meta Richard kien għaddej minn irwiefen politiċi kbar u diffiċli, kif iddokumenta hu stess fil-memorji tiegħu.