Pilatu fid-dawl tax-xemx

Egrant u l-Panama. Il-Pilatus, Joseph u Michelle Muscat jew Daphne Caruana Galizia....min qed jgħid il-verità

L-istorja dwar Egrant Inc. ilha sena fl-aħbarijiet. Ilha tinħema 4 snin minn ftit wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013 meta twaqqfet flimkien ma’ kumpaniji oħra.

L-ewwel kellna lil Konrad Mizzi bil-kumpanija tiegħu Hearnville Inc.. Ftit wara Keith Schembri bil-Kumpanija tiegħu Tillgate Inc.. Ħin minnhom daħal fl-istorja Adrian Hillmann tat-Times of Malta ma’ kumpaniji oħra fil-Panama u f’postijiet oħra. Hillmann kien l-uniku wieħed s’issa li irriżenja (jew ġie mġiegħel jirreżenja).

L-istorja, kif bla dubju tiftakru, saret waħda pubblika wara li nkixfu l-Panama Papers. Miljuni ta’ dokumenti sigrieti dwar diversi kumpaniji mwaqqfa minn persuni pubbliċi u privati madwar id-dinja kollha ma baqgħux iktar sigrieti. Inkixfu u tperrċu mal-erbat irjieħ tad-dinja.

Il-qalba tal-problema mhix il-ħolqien tal-kumpaniji imma l-iskop li għalih dawn jitwaqqfu. Kumpaniji sigrieti, kif għidt f’artiklu ieħor ma jinħolqux biex fihom jitfaddlu d-domni jew is-santi. Dawn il-kumpaniji jitwaqqfu biex fihom jinħbew flejjes u assi oħra min għajnejn l-awtoritajiet. Dan il-ħabi jsir għal żewġ raġunijiet: biex ikun evitat il-ħlas tat-taxxi, u/jew biex jinħeba l-frott tal-korruzzjoni.

Iddur kif iddur, il-politiku u dawk ta’ madwaru qatt ma jistgħu jiġġustifikaw il-ħolqien ta’ dawn il-kumpaniji. Għax dawn ġeneralment ifissru involviment fil-korruzzjoni inkella fl-evażjoni tat-taxxa. Għalhekk il-polemika.

Tnejn mill-kumpaniji ilna nafu ta’ min huma. Ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri. Inkixfu kmieni u kien għadu ma sar l-ebda użu minnhom, skont kif kien intqal dakinnhar. Kienet inkixfet korrispondenza dwar il-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ kontijiet ma’ diversi banek. Kien hemm diversi tweġibiet kompromettenti li iżda, Konrad Mizzi u Keith Schembri dejjem ċaħdu li kellhom x’jaqsmu magħhom jew inkella li kienu nħarġu fuq struzzjoniiet tagħhom. Ftit kienu twemmnu.

Il-polemika baqgħet għaddejja u l-attenzjoni ċċaqalqet lejn it-tielet kumpanija: Egrant Inc.. Ta’ min kienet din?

Niftakru li mkien fil-Panama Papers ma kien hemm l-iċken informazzjoni dwar is-sid jew is-sidien ta’ Egrant Inc, għax kien intqal li din l-informazzjoni kienet ser tgħaddi bil-fomm fuq Skype. Il-messaġġ kien ċar, mill-ewwel, li l-probabbiltà kbira kienet li kien hemm xi persuna jew persuni importanti ħafna involuti. Importanti iktar minn Konrad Mizzi u Keith Schembri, jiġifieri. Ma kienx hemm lok għall-immaġinazzjoni. L-ismijiet possibbli kienu limitati ħafna u l-ismijiet probabbli kienu fuq fomm kulħadd! In-nies ilhom jitkellmu dwarhom!

Nhar il-Ħamis infetaħ kapitlu ieħor. Fuq il-blogg tagħha, Daphne Caruana Galizia irreferiet għal  dokumenti li skontha qegħdin fis-safe tal-Pilatus Bank u li minnhom jirriżulta li l-kumpanija Egrant Inc hi ta’ Michelle Muscat u li din il-kumpanija irċeviet diversi flejjes mill-Ażerbajġan, l-ikbar waħda minnhom somma ta’ $1.017 miljun li waslet mingħand bint Aliyev. Mil-livell ta’ dettall ippubblikat, hu ċar li d-dokumenti interni tal-bank huma s-sors tal-istorja. Il-Ġimgħa filgħaxija ġiet ippubblikata informazzjoni dwar ċertifikat ta’ ishma f’liema ċertifikat qed jingħad li l-kumpaniji Dubro Limited S.A. u Aliator S.A. għandhom f’idejhom ishma tal-kumpanija Egrant u dan f’isem is-Sinjura Michelle Muscat. Imma d-dokumenti nfushom li minnhom qed ikun ikkwotat, s’issa għadhom mhumiex ippubblikati. Ma nafx għaliex. Hemm bżonn li jinħarġu għad-dawl tax-xemx id-dokumenti kollha li fuqhom hi ibbażata l-istorja. Dan hu neċessarju għax dak li qed jingħad hu kkontestat.

Għalkemm din l-istorja ilha tinħass ġejja, xorta meta ġiet tinħass iebsa ħafna. Hi ta’ gravità kbira u tista’ tkun dak li jispjega l-għaliex Konrad Mizzi u Keith Schembri ma tkeċċewx is-sena l-oħra meta ħarġet l-aħbar li kellhom il-kumpaniji sigrieti.

Ta’ Pilatus caħdu kollox, bħalma għamlu tan-Nexia BT u ovvjament Joseph u Michelle Muscat.

Bosta huma konvinti mill-veraċità tal-istorja. Imma li tkun moralment konvint li l-istorja hi korretta mhux biżżejjed. Din l-istorja teħtieġ il-konferma li tiġi mill-provi tad-dokumenti u mhux mid-dimostrazzjonijiet. Għax fuq id-dokumenti hi mibnija. Allura hemm obbligu li dawn id-dokumenti tant bażiċi jaraw id-dawl tax-xemx.

L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected]
http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Blogs