L-isem: rifless tad-diversitá politika
'Alternattiva Demokratika mhux ser tkun l-appendiċi ta’ ħadd. AD ser tkun sieħeb attiv u kritiku li ma jbaxxi rasu għad-dittat ta’ ħadd...'
Nhar il-Ġimgħa waranofsinhar, delegazzjoni ta’ Alternattiva Demokratika u oħra tal-Partit Nazzjonalista ltaqgħu biex jiddiskutu l-possibbiltà ta’ alleanza pre-elettorali għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Iktar kmieni, il-Partit Nazzjonalista kien informa lill-istampa bid-deċiżjoni li kienet ittieħdet il-Ħamis mill-Kumitat Eżekuttiv tal-PN dwar ftehim bejn il-PN u l-Partit Demokratiku ta’ Marlene Farrugia.
AD dejjem kienet favur il-ħolqien ta’ alleanza pre-elettorali. Il-ħtieġa ta’ alleanza ta’ din ix-xorta tinqala’ biss jekk u meta wieħed mill-partiti politiċi ewlenin ikun dgħajjef, kif inhu bħalissa l-Partit Nazzjonalista. Hi opportunità li nħolqot bħala riżultat tad-difetti tar-regoli elettorali Maltin.
AD kienet kritika tal-PN, u tibqa’ tkun kritika tiegħu kull meta tħoss li din il-kritika hi neċessarja. Din hi kritika dwar l-imġiba tal-PN meta kien fil-Gvern kif ukoll kritika dwar id-diskrepanzi bejn dak li l-PN jgħid u dak li jagħmel. Li nkunu kritiċi tal-PN bl-ebda mod ma jeskludi l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni li tista’ twassal għall-ħolqien ta’ alleanza pre-elettorali, sakemm din issir sewwa. Imma kif irrappurtat korrettement l-orizzont tal-bieraħ, Alternattiva Demokratika mhux ser iġġorr is-slaleb tal-PN. Dawk iġorrhom il-PN innifsu.
AD ikkritikat lill-PN talli ma ħax passi dwar l-imġiba tal-Membri Parlamentari tiegħu meta din ma kinitx aċċettabbli.
Id-dikjarazzjoni ta’ Claudio Grech li ma jiftakarx jekk qattx iltaqa’ ma’ George Farrugia – dak li qed jgħum fl-iskandlu tal-korruzzjoni taż-żejt – hi redikola u bl-ebda mod ma tista’ titwemmen: imma Simon Busuttil ma qal xejn fil-pubbliku dwar dan. Qisu ma ġara xejn. Kien meħtieġ li Busuttil ikun ċar, imma ma kienx. Bħala riżultat ta’ dan, Simon Busuttil bagħat messaġġ li hu dgħajjef meta f’materja ta’ korruzzjoni, il-Membri Parlamentari tiegħu joqogħdu jduru mal-lewża u jilagħbu bil-kliem. Dan mhuwiex aċċettabbli.
Lanqas Beppe Fenech Adami ma kien iċċensurat dwar il-każ tiegħu konness mal-kumpanija Capital One Limited. Każ li bħala minimu jfisser li għamel żball ta’ ġudizzju gravi. Beppe Fenech Adami m’għandu jkollu l-ebda immunità milli hu wkoll ikun soġġett għal passi dixxiplinari.
Il-konsulenza ta’ Mario Demarco għall-grupp db ta’ Silvio Debono, tal-inqas spiċċat ftit aħjar: b’apoloġija ta’ Mario de Marco, xi ħaġa rari ħafna fil-politika Maltija. Imma r-rwol ta’ Simon Busuttil fit-taħwida tal-invoices foloz għadu pendenti. Ikun aħjar jekk Busuttil ukoll ifittex li jsolvi dan il-każ l-iktar kmieni possibbli.
It-taħwida ta’ Toni Bezzina li jilgħabha tal-qaddis dwar il-ħarsien taż-żona barra l-iżvilupp (ODZ) fl-istess waqt li kien qed japplika għal villa għall-użu tiegħu f’żona simili ukoll inħbiet minn Simon Busuttil.
AD kienet tippreferi kieku l-PN m’għaddiex minn dan it-taħwid. Imma dan issa qiegħed hemm u jista’ jarah kulħadd. L-alternattiva għal dan, il-Partit Laburista, fil-mument qiegħed f’sitwazzjoni ferm agħar minn dan.
It-taħwid li minnu għaddej il-Partit Laburista m’għandux iservi ta’ paraventu għall-iżbalji tal-PN biex jgħattihom. Huma żbalji li saru, uħud minnhom ħoxnin u ser jibqgħu magħna, għax m’aħniex ser ninsewhom. Huma piz li l-PN irid iġorr miegħu. Salib li jrid iġorru.
II-Partit ta’ Marlene Farrugia ma rrealizzax li meta aċċetta li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali f’isem il-PN wassal messaġġ żbaljat li hu sar appendiċi tal-PN
Hemm bżonn li nifhmu li l-ħolqien ta’ alleanza pre-elettorali toħloq proġett politiku superjuri u differenti minn dak tal-partiti politiċi individwali li jiffurmawha. L-alleanza, minnha nnifisha tfisser bidla fl-attitudni u għandu għaldaqstant ikollha isem li tkun tirrifletti din id-direzzjoni differenti. L-użu ta’ ismijiet eżistenti tfisser li kollox baqa’ l-istess u bħala riżultat timbotta lin-nies.
L-għażla ta’ isem għall-alleanza tagħti l-messaġġ dwar kemm il-ħerqa għall-bidla għandha għeruq. Hi wkoll rifless tad-diversita fil-ħsieb fl-alleanza.
Il-qbil fuq il-prinċipji politiċi ġenerali li għandhom jiggwidaw lill-allejanza huwa pass kbir ’il quddiem. Dawn prinċipalment jikkonċernaw il-ħtieġa li jssaħħu l-istituzzjonijiiet kif ukoll il-ħtieġa li tkun rinforzata l-governanza tajba.
Waqt il-laqgħa tal-Ġimgħa, AD ippreżentat lill-PN bi proposta speċifika u dettaljata.
Kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar isem l-allejanza. Sfortunatament, il-Partit ta’ Marlene Farrugia ma fehemx is-sinifikat ta’ din l-għażla. Ma rrealizzax li meta aċċetta li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali f’isem il-PN wassal messaġġ żbaljat li hu sar appendiċi tal-PN.
L-għażla tal-isem għandu jirrifletti n-natura tal-alleanza: li tiġbor fiha partiti politiċi indipendenti li qed jikkoperaw fuq proġett politika biex jinbnew mill-ġdid l-istituzzjonijiet li qed jikkrollaw. Hemm fuq kollox ħaġa waħda li għandha tkun ċara: li Alternattiva Demokratika mhux ser tkun l-appendiċi ta’ ħadd. AD ser tkun sieħeb attiv u kritiku li ma jbaxxi rasu għad-dittat ta’ ħadd.
L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected]