opinjoni | Proprjetà vojta
Carmel Cacopardo jgħid li fil-postijiet fejn in-numru ta' proprjetajiet vakanti hu sostanzjali m'għandhomx jinħarġu permessi ta' żvilupp għal proġetti b'numru kbir ta' residenzi
L-aħħar ċensiment, li sar fl-2011 u li r-riżultati tiegħu kienu ppubblikati lejn l-aħħar tal-2014, kien żvela li fil-gżejjer Maltin hi biss 68.2% tal-propjetà residenzjali li hi okkupata b’mod regolari. Il-bqija hi jew vojta (18.4%) inkella użata għal villeġġatura inkella għal xi użu ieħor sekondarju (13.3%).
Jekk inħarsu lejn l-informazzjoni fuq livell ta’ reġjuni, l-affarijiet ikunu ferm iktar ċari.
L-ammont ta’ proprjetà residenzjali użata tvarja bejn 79.5% fir-reġjun tal-Punet [bejn Ħad-Dingli, is-Siġġiewi u Ħal Balzan] u 46.4% fir-Reġjun ta’ Għawdex. L-informazzjoni kollha hi miġbura fit-Tabella Nru 1. Il-proprjetà vojta min-naħa l-oħra tvarja minn minimu ta’ 16% fir-reġju tat-Tramuntana [bejn in-Naxxar u l-Mellieħa] sa massimu ta’ 23.9% f’Għawdex, kif jidher fit-Tabella Nru 2. Fl-aħħar, il- proprjetà li hi użata għall-villeġġatura inkella għal xi użu sekondarju tvarja minn persentaġġ insinifikanti ta’ 3% fir-reġjun tal-Port Nofsinhar [Belt sax-Xgħajra, sar-Raħal Ġdid u Ħal Luqa] għall-persentaġġ sostanzjali ta’ 29.7% f’Għawdex, bir-reġjun tat-Tramuntana [bejn in-Naxxar u l-Mellieħa], b’25.9% ikun viċin ħafna, kif inhu indikat fit-Tabella Nru 3. Din l-informazzjoni nġabret mir-rapport finali taċ-Ċensiment, paġni 221 u 222.
Il-Gvern immexxi mill-PN żied iż-żona tal-iżvilupp permezz tal-iskema ta’ razzjonalizzazzjoni li biha artijiet kbar saru tajbin għall-bini. Il-Partit Laburista fil-Gvern, min-naħa l-oħra ilu 4 snin jinkoraġixxi kull xorta ta’ żvilupp
Din l-informazzjoni tfisser li l-ammont sostanzjali ta’ 31.8% tal-proprjetà residenzjali fil-gżejjer Maltin hi vojta inkella ma tantx hi użata. Dan ifisser ukoll total ta’ 71,080 biċċa proprjetà kif stabbilit f’Novembru 2011 meta sar iċ-Ċensiment. Illum, wara iktar minn ħames snin, din iċ-ċifra hi bla dubju ikbar, probabbilment viċin it-80,000. Dan ifisser medda ta’ art madwar għaxar darbiet id-daqs ta’ B’Kara. Jiġifieri meta tiġbor flimkien dawn il-proprjetajiet kollha, dawn jammontaw daqs għaxart ibliet daqs B’Kara vojta. B’Kara hi l-lokalità bl-ikbar popolazzjoni fil-gżejjer Maltin. Dan ifisser sparparjar kbir ta’ fondi pubbliċi għax bħala minimu jfisser li l-infiq fl-infrastruttura (toroq, elettriku, ilma, drenaġġ, telekomunikazzjonijiet) għal dawn l-għaxat ibliet vojta seta, bi ftit ħsieb u għaqal ġie evitat.
Sadanittant, waqt li għandna din il-proprjetà residenzjali kollha vojta jew ftit użata, l-industrija tal-kostruzzjoni tkompli għaddejja żżid mal-problema. Dan isejħulu progress kif ukoll kontribut sinifikanti għall-ekonomija. Kemm Alternattiva Demokratika kif ukoll l-għaqdiet ambjentali f’Malta semmgħu leħinhom sewwa dwar dan “l-iżvilupp” esaġerat tul is-snin. Imma l-problema xorta baqgħet tikber. Kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-Partit Nazzjonalista t-tnejn ġew jaqgħu u jqumu mill-konsegwenzi.
Flok ma indirizzaw il-problema, il-Gvern immexxi mill-PN żied iż-żona tal-iżvilupp permezz tal-iskema ta’ razzjonalizzazzjoni li biha artijiet kbar saru tajbin għall-bini. Il-Partit Laburista fil-Gvern, min-naħa l-oħra ilu 4 snin jinkoraġixxi kull xorta ta’ żvilupp b’mod li l-problema kompliet tikber.
F’Marzu li għadda kelli l-opportunità li nirrappreżenta numru ta’ residenti Mostin li kienu qed jopponu applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex art f’Tad-Durumblat il-Mosta jkun deċiż kif tista’ tiġi żviluppata. Din hi waħda mill-meded kbar ta’ art, f’dan il-każ tal-qies ta’ 38,600 metru kwadru li fl-2006 b’deċiżjoni ta’ Gvern immexxi mill-PN saret tajba għall-bini. Il-Mosta għandha ammont mhux żgħir ta’ proprjetajiet vojta jew użati ftit. F’Novembru 2011 dan kien jammonta għal 19.4% tal-proprjetà residenzjali kollha fil-Mosta. Il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar aċċetta l-argumenti tiegħi u rrifjuta l-applikazzjoni. B’dan il-mod, tal-inqas temporanjament, din l-art ġiet salvata minn forzi tal-qerda ambjentali.
F’din is-sitwazzjoni, Alternattiva Demokratika jidhrilha li ammont ta’ proprjetajiet vakanti f’kull lokalità għandu jkun kriterju importanti biex ikunu deċiż applikazzjonijiet għal żvilupp sostanzjali. Anke meta jkunu kkunsidrati l-artijiet li l-PN fil-Gvern daħħal fiż-żona ta’ żvilupp, m’għandux jinħareġ permess jekk fil-lokalità jkun hemm kwantità sostanzjali ta’ proprjetajiet vojta.
Wasal iż-żmien li din is-sitwazzjoni tkun indirizzata u għal dan l-iskop il-manifest elettorali ta’ Alternattiva Demokratika qiegħed jagħmel din il-proposta speċifika: f’dawk il-lokalitajiet fejn in-numru ta’ proprjetajiet vakanti hu sostanzjali ma jinħarġux permessi ta’ żvilupp għal proġetti li jipproponu l-bini ta’ numru kbir ta’ residenzi addizzjonali. Dan għandu jkun l-ewwel pass biex tkun indirizzat il-problema tal-ammont kbir ta’ bini vojt fil-gżejjer Maltin kif ukoll tal-bini esaġerat li għaddej madwarna.
L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] , http://carmelcacopardo.wordpress.com
Reġjun |
Nru |
% |
Port. Nofsinhar |
29107 |
75.9 |
Port. Tramuntana |
46181 |
72.9 |
Xlokk |
22279 |
71.6 |
Punent |
19584 |
79.5 |
Tramuntana |
23989 |
58.1 |
Għawdex/Kemmuna |
11630 |
46.4 |
Tabella 1: Proprjetà okkupata skont ir-reġjun
Reġjun |
Nru |
% |
Port.Nofsinhar |
1113 |
3 |
Port.Tramuntana |
6650 |
10.5 |
Xlokk |
3294 |
10.6 |
Punent |
633 |
2.6 |
Tramuntana |
10692 |
25.9 |
Għawdex/Kemmuna |
7444 |
29.7 |
Tabella 2: Proprjetà użata għall-villeġġatura jew għal xi użu sekondarju, skont ir-reġjun
Reġjun |
Nru |
% |
Port.Nofsinhar |
8126 |
21.2 |
Port.Tramuntana |
10556 |
16.7 |
Xlokk |
5552 |
17.8 |
Punent |
4420 |
17.9 |
Tramuntana |
6582 |
16.0 |
Għawdex/Kemmuna |
5996 |
23.9 |
Tabella 3 : Proprjetà vakanti skont ir-reġjun