opinjoni | Ommijiet, it-Talb, Sant'Antnin u t-Tankers ta' Birżebbuġa
Owen Bonnici jitkellem dwar l-ewwel fażi ta' żarmar biex is-sit tat-tankijiet tal-fuel tal-31 ta' Marzu f'Birżebbuġa titnaddaf
Jien u nikteb f’artiklu li se jidher f’Jum l-Omm ma nistax ma nirrimarkax f’kemm kull omm fin-naħa t’isfel ta’ Malta għandha għalfejn isserraħ rasha b’mod partikolari din is-sena. Tgħidu għaliex? Għax l-aħbar li l-impjant ta’ riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin se jingħalaq darba għal dejjem u jsir spazju miftuħ għall-familji tfisser li wliedna se jikbru f’ambjent b’inqas tniġġiż.
Kull min hu ġenitur jgħidlek li xejn m’hemm aktar għażiż mis-saħħa tal-ulied. Jekk jingħata fiduċja mill-ġdid, Partit Laburista fil-Gvern impenjat li jagħlaq l-impjant tar-riċiklaġġ li tant iħasseb lill-Iskalin darba għal dejjem. Din mhix biss wegħda elettorali ta' maljar jew mingħajr costings, imma huwa pjan maħsub u imqassam fuq żewg fażijiet, fuq medda ta’ seba’ snin. X’differenza minn meta kienu jsiru wegħdi, umbagħad addio kollox ladarba l-partit partikolari jitla’ fil-Gvern. Bħalissa ninnota li esponenti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qed jappellaw għat-talb. Filwaqt li l-fidi ħaġa sabiħa, huwa l-għaqal u l-ippjanar li jwassal għat-twettiq ta’ miżuri li jbiddlu ħajjet in-nies. Daqs kemm kellu jkun għaqal u tmexxija tajba li wasslet biex bdew ix-xogħlijiet fuq l-ewwel fażi ta’ żarmar biex is-sit tat-tankijiet tal-fuel tal-31 ta’ Marzu f’Birżebbuġa titnaddaf.
Ta’ min infakkar li dan is-sit ilu jopera mill-1920. Kien jipprovdi l-petrol, dijsil u jet fuel għal pajjiżna; iżda mal-medda taż-żmien inbnew ħafna residenzi fil-madwar. Kemm ħadt pjaċir li fl-isfond ta’ konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru, instemgħu l-ewwel ħsejjes tat-twaqqiegħ tal-ewwel tank. Ġurnata li se tibqa mnaqqxa fil-memorja tan-nies ta’ Birżebbuġa, li tant saru għal qalbi hekk kif qed niltaqa’ magħhom bieb bieb. Għalija din kienet turija ċara ta’ kemm in-nies jiġu qabel il-flus, ta’ kemm in-naħa ta’ isfel ta’ pajjiżna huwa sinnifikanti għal dan il-Gvern, u ta’ kemm qed isiru passi favur l-immodernizzar ta’ Malta. Hawn ma nistax ma nsemmix id-differenza, meta tqabbel mal-politika negattiva ta’ Simon Busuttil.
Mhux it-talb iwassal biex bniedem ikun elett mill-ġdid, imma l-prestazzjoni tiegħu u l-mod li bih ikun ispira l-fiduċja
S’issa smajt ħafna aktar dwar x’ma jgħoġbux u liema ftehimiet mal-privat iżarma, milli x’qed jipproponi għall-ġid tal-pajjiż. U tabilħaqq, x’qed jipproponi għan-nies tan-nofsinhar ta’ Malta? Forsi lest iwaqqaf immedjatament ukoll il-ftehim li se jwassal biex ikollna Università Amerikana f’dawn l-inħawi. Ma nistax ma nsemmix il-mod li bih dar dawra fenomenali dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Programm tant għal qalbi li b’sodisfazzjon ngħid miexi b’mod li pajjiżi oħra qed iħarsu lejn bħala eżempju. Simon Busuttil, wara xhur twal jipproġetta kliem distruttiv u jagħmel sfreġju minn isem pajjiżna dwar il-programm, issa qed jgħid li se jżommu. Imma s-sabiħa hija din: qed jgħid li se jbiddlu, imma qed jgħid ukoll li mhux xogħlu jgħid kif se jirrevedi l-programm. Quddiem dan it-taħwid, jekk tippermettuli nsejjaħlu jekk, jien nappella lill-elettorat biex ma jħallix lil min, bla viżjoni, jipperikola s-serenità ekonomika tal-pajjiż. Serenità li qed inħossha meta qed niltaqa’ man-nies f’din il-kampanja. Issib minn kollox. Min ifaħħar, min jikkritika… u nieħu gost b’kulħadd. L-iskop ta’ kampanja elettorali hu li tqarreb liċ-ċittadin lejn il-politiku. B’umiltà jisma’ dak li n-nies jemmnu jista’ jitjieb, u bi kburija jikkomunika l-bidla li rnexxilu jġib tul l-aħħar snin. Fuq kollox ipoġġi lilu nnifsu għall-iskrutinju tad-dritt tal-poplu għall-vot. U mhux it-talb iwassal biex bniedem ikun elett mill-ġdid, imma l-prestazzjoni tiegħu u l-mod li bih ikun ispira l-fiduċja. Issa li fadal tliet gimghat sad-data tat-3 ta' Gunju, inħares b'energija kbira ghal iktar laqgħat u kuntatti mal-familji u negozji tat-tielet u ħames distrett. Nieħu l-okkażjoni u nawgura jum l-omm mill-isbaħ!
Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali