opinjoni | Għaliex Joseph?

Il-kandidat Aaron Farrugia jispjega għalfejn jemmen li Joseph Muscat għandu jkompli jmexxi l-pajjiż għat-tieni leġiżlatura

ritratt: James Bianchi
ritratt: James Bianchi

Dritt għall-punt. Għalfejn għandi nivvota lil dan il-moviment immexxi minn Joseph Muscat għal darb’oħra? Din hi l-mistoqsija li sezzjoni żgħira tas-soċjetà, iżda sinjifikanti ħafna, qed tagħmel fis-silenzju ta’ daharha. Għal ħafna, l-elezzjoni ġenerali diġà deċiża b`dak li jissejjaħ il-core Laburist b’appoġġ assolut għall-Prim Ministru u t-tim tiegħu, u dak Nazzjonalist, li jgħid x’jgħid, u jagħmel x’jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-vot tagħhom fit-tlieta ta’ Ġunju se jkun fuq il-kaxxa l-blu. U allura din hi elezzjoni li bħal ta’ qabilha se tiġi deċiża minn dawk li m’għandhomx partit u jivvutaw skont x’jaqbel għal familthom, għal pajjiżhom. Fi ftit kliem dan l-artiklu se janalizza x’inhu għaddej minn moħħ din is-sezzjoni ta’ nies hekk kif għada nidħlu fit-tielet ġimgħa ta’ din il-kampanja elettorali.

Ġudizzju Muscat

Primarjament bħalissa n-nies qed jagħmlu l-kontijiet. Kollox f’miżien u wieħed jara fejn ixaqleb. Muscat u t-tim tiegħu kellhom manifest eċċellenti fl-2013, costed u ppreżentat bl-aqwa mod possibbli. F’dawn l-erba’ snin ġie implimentat u minn fuq il-karta daħal fid-djar tagħna permezz ta’ miżuri konkreti, iktar drittijiet, kwalità ta’ ħajja aħjar, iktar flus fil-but. B’mod ġenerali, il-maġġoranza għandhom verdett ċar dwar dan: Muscat ‘delivered’. Mhux biss. Daħħal fil-pajjiż stabbilità, sens ta’ ottimiżmu li l-Maltin verament jistgħu jkunu l-aqwa fl-Ewropa. Min-naħa l-oħra l-miżuri fil-qasam tal-governanza li daħħal fosthom liġi dwar finanzjament tal-partiti, Whistleblowers Act u t-tneħħija tal-preskrizzjoni minn fuq il-politici, flimkien ma’ standards etiċi ġodda għall-politiku intesew fid-dell tal-każ Panama. Sejjaħlu li trid: żball ġenwin, nuqqas ta’ esperjenza, dan hu dak li fixkel ftit il-ġirja u l-momentum ta’ Gvern li din l-elezzjoni kellu jerbaħha b’iktar voti milli ġab fl-2013.

 

X’joffri l-Kap tal-Oppozizzjoni

Għall-eżami se jpoġġi hu wkoll. Irid isir Prim Ministru għax nifhem li jrid ibiddel u għax għandu viżjoni. Iżda jekk għandu, sal-lum dan kollu ma qalulniex. Xi jrid ibiddel nafu, jiġifieri lil kull min hu Laburist jew b’xi mod ħassu komdu jaħdem ma’ Gvern Laburista. Lil hinn mill-bias li jista’ jkolli bħala kandidat tal-Partit Laburista, nemmen li l-Kap tal-Oppożizzjoni tilef iċ-ċans li jista’ jkun game changer f’din l-elezzjoni. Iffoka biss fuq x’jaħseb li hu l-ħażin fil-Partit l-ieħor iżda ma qalilna xejn dwar xi fisser Malta b’Simon Busuttil fit-tmun. Il-ftit proposti li ħareġ kienu nofshom imsajrin u deher li mhuwiex ippreparat. U allura n-nies qed jaraw f’Simon Busuttil politiku li jista’ jkun ġenwin iżda li llum hu assoccjat ma’ negattività, maħkum minn klikka, tfigħ ta’ tajn, allegazzjonijiet u politika dilettanteska. Il-ġudizzju tal-ħafna dwar Simon Busuttil hu ċar. He is not up to it.

Lil hinn mill-mass meetings

Li jfisser li lil hinn mill-mass meetings fejn il-mexxejja jindirizzaw lis-segwaċi tagħhom, l-elezzjoni qed tiġi deċiża fil-kċina u l-living room tan-nies li ma jarawx aħmar biss jew blu biss. Għandhom tletin jum ċans jagħmlu l-kalkoli tagħhom. Esperjenzaw Gvern Laburista wara ħafna snin u jħossuhom tajjeb. Pruvawh l-aħħar darba u mhumiex diżappuntati bir-riżultati. Anzi jemmnu li l-isbaħ żmien għal pajjiżna għadu ġej għax il-kontijiet issa bbilancjajnihom f’qasir żmien u hemm partit li għandu pjan ieħor costed u ambizzjuż. Tabilħaqq jemmnu li ninsabu f’nofs triq, simili għall-1976 wara l-ewwel Gvern ta’ Mintoff u l-1992 wara l-ewwel Gvern ta’ Fenech Adami. Iħossuhom inkwetati bl-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni iżda jafdaw l-istituzzjonijiet Maltin li b’mod indipendenti qed jgħidu, waħda wara l-oħra, li dawn huma allegazzjonijiet, li għalkemm serji, ma jirriżultax li huma veritieri. U allura lura għall-miżien tal-ġudizzju li jagħti l-go ahead lil Muscat biex imexxi lil Malta għal ħames snin oħra.

It-tieni Leġislatura Muscat

Leġislatura oħra ta’ Muscat kif se tkun? Ġirja lejn orizzonti ġodda f’era fejn ma tiddejjaqx tgħid li int ambizzjuż u li trid Malta suċċess. Il-maġġoranza silenzjuża jistennew ukoll Moviment li jkompli jinbidel fil-Gvern iżda fuq kollox passi fuq grupp zgħir ta’ nies li ħakkmu lill-Partit Nazzjonalista li ħammeġ isem pajjiżna u poġġa l-Partit qabel il-pajjiż. Mandat ieħor, leġislatura oħra u f’moħħi għandi iktar suċċess, pożittività u doża kbira ta’ enerġija lejn l-aspirazzjonijiet, it-tama u t-talenti li jagħqduna bħala ġens wieħed.

Aaron Farrugia huwa kandidat tal-Partit Laburista fuq l-Ewwel Distrett

More in Blogs