opinjoni | Parlament li jagħmel xogħlu

Carmel Cacopardo jgħid li l-Parlament għandu jgħarbel il-ħatra ta' Kummissarju tal-Pulizija

Din l-elezzjoni ġenerali qed issir fl-isfond ta’ xibka ta’ korruzzjoni li ntisġet madwar l-uffiċċju tal-Prim Ministru. Dan ilu jseħħ xhur sħah sa minn meta raw id-dawl tax-xemx il-Panama Papers.

Id-dibattitu li issa ilu għaddej ix-xhur bla dubju jwassal għall-konklużjoni inevitabbli li hu meħtieġ illi l-Parlament jieħu lura l-poteri li għadda lill-Gvern. Huwa essenzjali li l-Parlament iżomm kontinwament taħt għajnejh kemm l-awtoritajiet kif ukoll lis-servizz pubbliku. 

L-istituzzjoni għandhom ikunu mħarsa milli jkunu dominati mill-partiti l-kbar. Għax dak li ġralhom tul is-snin u bħala riżultat ta’ dan ġew imxekkla milli jiffunzjonaw. 

Il-qagħda politika attwali hija riżultat ta’ sistema politika ddominata minn żewġ partiti li kontinwament ifittxu li joħolqu imperu billi jiddominaw l-istituzzjonijiet biex isaħħu l-pożizzjoni tagħhom kif ukoll biex ikollhom tarka minnhom meta jkun meħtieġ. Hi sistema li tul medda ta’ ħamsin sena żviluppat il-mentalità li min jirbaħ elezzjoni ġenerali jkaxkar kollox. Bħala riżultat ta’ dan, b’xi eċċezzjonijiet żgħar, konsistentement jiġu mwarrba dawk kollha li ma jappoġġawx lir-rebbieħ għax dawn biss huma meqjusa mis-sistema bħala li huma kapaċi jagħtu kontribut għall-iżvilupp tal-pajjiż. Il-kumplament huma esklużi. Sitwazzjoni li konsistentement wasslet biex pajjiżna tilef l-użu ta’ talent kbir. 

Huwa f’dan l-isfond li ġie żviluppat il-manifest elettorali ta’ Alternattva Demokratika. Intitolat Vot Alternattiv, Vot Nadif, mingħajr ma jinjora materji oħra ta’ importanza jiffoka fuq materji ta’ governanza u dan flimkien ma’ proposti ambjentali li huma assoċjati mill-qrib ma’ partit ekoloġiku.   

Konsistentement jiġu mwarrba dawk kollha li ma jappoġġawx lir-rebbieħ għax dawn biss huma meqjusa mis-sistema bħala li huma kapaċi jagħtu kontribut għall-iżvilupp tal-pajjiż. Il-kumplament huma esklużi. Sitwazzjoni li konsistentement wasslet biex pajjiżna tilef l-użu ta’ talent kbir

Liġijiet tajbin għandna kemm irridu. L-isfortuna kważi dejjem kienet li dawk magħżula biex jimplimentaw dawn il-liġijiet ħafna drabi jintagħżlu skont il-lewn poitiku li jħaddnu. Gvernijiet suċċessivi ppreferew lil dawk leali politikament minn dawk kompetenti teknikament u etikament. Dan kien possibbli li jseħħ għax il-Parlament abdika mir-responsabbiltajiet tiegħu u assenjahom lill-Gvern.

Il-Parlament għandu jieħu lura mingħand il-Gvern il-poter li jaħtar l-awtoritajiet u għandu jipproċedi biex jgħarbel huwa stess lil dawk li jkunu meqjusa biex jinħatru ħalli jmexxuhom. Dan jista’ jseħħ permezz tal-kumitati parlamentari li f’seduta pubblika jgħarblu lit-tmexxija potenzjali ta’ dawn l-awtoritajiet kif jagħmel is-Senat tal-Istati Uniti tal-Amerika.

Dan għandu l-ewwel u qabel kollox ikun applikat għall-awtoritajiet kostituzzjonali kollha kif ukoll għall-awtoritajiet kollha imwaqqfa b’liġi.

Bl-istess mod il-Parlament għandu jgħarbel il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kap Kmandant tal-Armata, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, ambaxxaturi, il-Kap taċ-Ċivil kif ukoll l-uffiċjali pubbliċi mill-grad ta’ direttur sa dak ta’ segretarju permanenti.  Dan l-iskrutinju mhux biss idaħħal iktar serjetà fil-proċess tal-għażla, imma jintroduċi wkoll salvagwardji li bihom iħares is-servizz pubbliku mill-azzjoni abbużiva ta’ Gvern ġdid li, kif seħħ fl-2013 fl-ewwel minuti tal-eżistenza tiegħu tajjar lill-Kap taċ-Ċivil u prattikament lis-Segretarji Permanenti kollha.        

Liġijiet tajbin għandna kemm irridu. L-isfortuna kważi dejjem kienet li dawk magħżula biex jimplimentaw dawn il-liġijiet ħafna drabi jintagħżlu skont il-lewn poitiku li jħaddnu

Il-ħatra ta’ persuni ta’ fiduċja fuq skala kbira matul dawn l-aħħar 4 snin kompla ppolitiċizza lis-servizz pubbliku. Hi prattika li anke qabel Marzu 2013 kienet diġa bdiet tinħass li qed iżżid id-doża. Il-ħatra ta’ persuni ta’ fiduċja fis-settur pubbliku intuża biex jiġi evitat l-iskrutinju tal-Kummissjoni għas-settur pubbliku, mekkaniżmu kostituzzjonali li nħoloq biex il-proċess tal-inġaġġ fis-settur pubbliku jkun wieħed ġust. Dan l-inġaġġ ta’ persuni ta’ fiduċja għandu jkun limitat għal persuni fis-segretarjat privat ta’ dawk li jokkupaw kariga politika. 

L-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, li ironikament kienet appoġġat minn kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll mill-Partit Laburista kien approvat mill-Parlament ftit qabel ma xolja. Allura ma kienx hemm żmien biex dak li jipprovdi jkun implimentat. B’mod partikolari l-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika bl-inkarigu li jinvestiga l-imġiba tal-Membri Parlamentari għadha ma seħħitx u allura jkun meħtieġ li din tkun indirizzata mill-Parlament ġdid li ser jinħatar nhar it-3 ta’ Ġunju.

Il-lobbying għadu mhux irregolat. Dan fil-fatt ġie pospost għax ma setax jintlaħaq qbil bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista dwar dan.

Alternattiva Demokratika qed tipproponi li l-Parlament il-ġdid irid jiddeċiedi, darba għal dejjem dwar jekk il-Membri Parlamentari għandhomx jiddedikaw ħinhom kollu għall-ħidma Parlamentari u b’hekk jinqatgħu kompletament mill-professjoni jew impieg tagħhom. Dan, meta jseħħ, inaqqas drastikament il-każijiet ta’ konflitt ta’ interess li jiffaċċja l-Membru Parlamentari.  

Matul il-ġimgħat li ġejjin, il-Parlament jista’ jassumi rwol ċentrali fil-bini mill-ġdid tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Dan hu l-uniku mod kif l-etika fil-ħajja pubblika tkun ir-regola osservata u mhux xi ħaġa rari u ta’ eċċezzjoni.

L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] , http://carmelcacopardo.wordpress.com

 

More in Blogs