opinjoni | Dwar il-Bandiera Maltija
Immanuel Mifsud jitkellem dwar il-furur tal-elezzjoni, u s-simboli ta' Malta użati mill-partiti...imma fadal biss ftit jiem nissaportu, 'imbagħad aħna ċ-ċittadini komuni nintesew'
X’inhuwa eżattament li l-partitarji Laburisti jħossu meta jdendlu bandiera Maltija mal-gallarija tad-dar tagħhom? Liema huwa l-messaġġ intenzjonat u, eżattament, lil min huwa indirizzat? U meta Simon Busuttil jispiċċa kull diskors li qiegħed jagħmel bl-islogan tal-Forza Nazzjonali u n-nies, il-partitarji tiegħu, bi tbissima kbira, fuq saqajhom iċapċpu, ikomplu miegħu, xi jkunu qegħdin jaħsbu?
Minħabba li hija simbolu, u bħala simbolu għandha tifsira, ilbandiera ta’ Malta hija sinjal li jingħadda lil min iħares lejha. U proprju huwa dan is-sinjal li nixtieq nitkixxef għaliex m’għandix dubju li l-messaġġ jinbidel skont il-kuntest li fih qiegħed jingħadda. Irrid ngħid li dik il-bandiera ta’ Malta mdendla mal-gallarija tal-appartament ta’ fuqi mhijiex l-istess waħda li hemm, ngħidu aħna, fuq il-bejt ta’ Kastilja, lanqas mhi l-istess waħda tperper mill-arblu tad-Dar Ċentrali. L-istess sinjal qiegħed jgħaddi messaġġi differenti, messaġġi li jieħdu t-tifsira tagħhom skont il-kuntest li fih qegħdin jidhru u jintużaw is-sinjali.
Matul dawn l-aħħar jiem, il-bandiera Maltija mdendla ma’ gallarija ma baqgħetx daqstant il-bandiera ta’ Malta daqskemm il-bandiera l-ġdida tal-Partit Laburista. Min qiegħed idendel il-bandiera mal-gallarija, jew itella’ bandiera ċkejkna maġenb wiċċu fuq il-profil tiegħu fuq facebook, qiegħed jgħaddi messaġġ sempliċi: jien partitarju Laburista. Dan l-istess bħalma mill-ewwel ta’ Mejju li għadda, xi ħadd li jiddikjara – verbalment jew viżwalment – li se jagħżel Malta qiegħed ifisser li se jivvota lill-Forza Nazzjonali. ‘Jien Nagħżel Malta’ ma tfisser xejn għajr ‘Jien se Nivvota Forza Nazzjonali’.
Din hija proprju l-ħasra l-kbira ta’ dan il-pajjiż: li mqar is-simboli nazzjonali tiegħu jaslu biex igiddbu kull ħsieb, kull opinjoni, forsi kull tama, li jeżisti dak il-poplu Malti li wħud jirreferu għalih fir-rettorika politika u fin-narrattiva poetika użata mill-politiċi, mill-kantanti li jmorru jkantaw fil-burlesk tal-Eurovision, kif ukoll mill-għalliema u dawk responsabbli għat-tfal.
Dan la huwa punt oriġinali u lanqas m’huwa punt li qiegħed inqajmu għall-ewwel darba fil-paġna tiegħi. Inħossni persważ (u dan ngħidu b’weġgħa iżda fl-istess waqt b’rassenjazzjoni) li l-poplu Malti huwa biss kunċett irrakkontat għal finijiet diversi u xejn aktar. Il-poplu Malti huwa xewqa ta’ wħud, ħolma; niddubita kemm qatt kien ambizzjoni iżda. L-ironija f’dan kollu mhijiex din il-qasma f’żewġ kampijiet daqskemm l-użu ta’ simbolu ta’ għaqda nazzjonali bħala sinjal tal-qasma fi tnejn. Huwa proprju dan għala nħoss li Malta hija pajjiż bi storja politika li għandha tqanqal ħasra.
Allura jiġini nistaqsi jekk huwiex ġust mal-pajjiż li jinsterqulu s-simboli tiegħu, is-simboli ta’ għaqda tiegħu, biex jiġu demarkati d-differenzi. Mill-banda l-oħra, l-istess użu jibqa’ jfakkar li l-istorja tal-poplu hija waħda minn numru ta’ narrattivi li b’ebda mod ma tirrispekkja r-realtà politika u kulturali ta’ Malta. Wara kollox ħafna ilhom żmien twil li rrassenjaw irwieħhom li l-kultura politika lokali se tibqa’ binarika – jew vi jew va u xejn aktar.
L-istess jista’ jingħad għall-kant tal-innu nazzjonali mat-tmiem tad-diskors tal-kap. Wara ħafna krexxendi u wara l-enneżmu climax immarkat b’ċapċip u għajjat u l-qawmien bilwieqfa ta’ dawk bilqiegħda fuq il-palk, il-poplu jinfexx ikanta l-innu nazzjonali u jtella’ s-swaba’ f’forma ta’ V. Iżda hija ħaġa ovvja ħafna li dak l-innu, dak il-ħin, ma jibqax l-innu ta’ nazzjon iżda l-innu tal-partit, tal-ġemgħa miġbura f’isem il-partit. U b’hekk, bħalma jiġri f’każi oħrajn, il-partit isir in-nazzjon.
Jekk hemm xi ħadd li wettaq atti vandali, huma proprju l-partiti l-kbar. Kull fejn timxi hemm il-billboards tagħhom...imma anke l-ħajja privata spiċċat invaduta
Imbagħad tiġri xi ħaġa li, fil-kuntest ta’ dan kollu, donnha tqawwilek xi ftit qalbek. Fis-satra tal-lejl xi ħadd – xi wħud – ħareġ ‘jivvandalizza’ xi billboards u l-istreamers li nibtu ma’ kullimkien sa mit-tnejn ta’ Mejju. Xi ħadd ħalla messaġġ fuq il-messaġġi taż-żewġ partiti l-kbar li bażikament esprima d-diżgust bil-mod kif dawn invadew ħajjitna. Ikolli nammetti li skantajt mhux ftit li kien hemm min tkaża bl-azzjoni li ħadu dawk li sejħu lilhom infushom il-Gwerilli tal-Billboards. Skantajt li xi ħadd ħass li dawn it-talin ma kellhom ebda jedd ‘jivvandalizzaw’ il-proprjetà taż-żewġ partiti l-kbar. Skantajt għaliex, ejja ngħiduha kif inhi, jekk hemm xi ħadd li wettaq atti vandali huma proprju l-partiti l-kbar. Kull fejn issuq jew timxi hemm il-billboards tagħhom, u b’hekk qegħdin jivvandalizzawlna t-toroq. Imma anki l-ħajja privata tagħna spiċċat invaduta u vvandalizzata: invadew l-istazzjonijiet tar-radju u t-televiżjoni (u tajjeb nifhmu li mhumiex l-istazzjonijiet tagħhom biss li jużaw); invadewlna ċ-ċellulari bil-messaġġi mhux solleċitati ta’ kandidati li jagħmlu minn kollox biex iħajruk tivvutalhom; invadewlna l-internet bir-reklamar f’kull sit imbierek Ii tidħol fih; l-istess għamlu lill-kaxxa tal-ittri u anki lit-telefown li jċempel kultant żmien jitlobna ‘nieħdu ħsieb’ li t-tali u t-tali kandidat … Hija invażjoni vandala fis-sens li ddejjaq lil dak li jkun għax biha qegħdin jidħlulu fejn ma jesagħhomx.
Kien hemm beda joffri l-basket bil-laned tal-priserv, il-fliexken tal-inbid u l-boroż bil-larinġ biex jisseduċi lil dak li jkun ħalli jivvutalu. Tinfixel jekk għandekx tibqa’ b’ħalqek miftuħ bl-istagħġib jew, minflok, iċċarratx xufftejk bi tbissima.
Issa, wara kollox, fadlilna biss ġimgħa nissaportu din l-invażjoni. Sa ftit jiem oħra l-bnadar jinħallu minn mal-gallariji, il-billboards jitgħattew bir-riklami, l-innu ta’ Dun Karm u Samut nerfgħuh għall-iskejjel u t-tim nazzjonali, u minflok id-diskorsi bla waqfien tal-kapijiet u tal-kandidati nerġgħu nimtlew bit-telenovelli ta’ livelli dubbjużi ħafna.
Imbagħad aħna ċ-ċittadini komuni nintesew u jibqgħu jiftakru fina biss l-azjendi, il-kumpaniji varji, li ma jaqtgħu qalbhom qatt bil-kampanji pubbliċitarji tagħhom.