opinjoni | Għaliex Joseph Muscat?
Rosianne Cutajar tgħid kif hi tagħżel Joseph Muscat 'għax huwa bniedem li kulħadd jaf fejn qiegħed miegħu, u li miegħu kull persuna, hu x’inhu t-twemmin politiku tagħha, taf li għandha ħajt ta’ kenn, mexxej lest li jismagħha u jgħinha'
Nibda biex ngħid li l-koalizzjoni PN-PD kienet arranġament ta’ malajr li, filwaqt li ma sabitx il-ħin li kellha bżonn biex timmatura bħala għaqda politika, sabet il-ħin kollu meħtieġ biex timmatura bħala koalizzjoni ta’ mibgħeda lejn il-Prim Ministru. Ir-raġuni għal dan l-attakk hija waħda sempliċi. Joseph Muscat fl-aħħar erba’ snin ħoloq bażi ekonomika soda li l-ġid li qed jinbena fuqha qed jitqassam fil-livelli kollha tas-socjetà Maltija. Taħt Joseph Muscat, id-dritt li kollha kemm aħna nibbenefikaw mill-ġid li jinħoloq sar issa dritt universali, jiġifieri li japplika għall-batut daqskemm għas-sinjur.
Fil-pajjiż għad hawn ġħajta żgħira ħafna ta’ persuni — mhux se nsejħilhom Nazzjonalisti, għax ma jistħoqqilhomx it-titlu — li ilhom għexieren ta’ snin iħaxxnu bwiethom fuq dahar l-inugwaljanza soċjali. Mhix sorprendenti li dawn ma jixtiqux Prim Ministru bħal Muscat, li qed jagħlaq b’ritmu mgħaġġel il-ferita ekonomika u soċjali, imma wieħed bħal Busuttil li jħalli l-ferita kif inhi, għax hekk biss jistgħu jkomplu fejn ħallew u jkomplu jistagħnew.
Ngħid ukoll li dawn il-ftit nies potenti fil-PN jaffordjaw ikissru r-reputazzjoni tajba li għandu pajjizna bħalissa, proprju għax tant akkumulaw ġid fis-snin li għaddew taħt gvernijiet PN li anke jekk l-ekonomija llum tinżel, lilhom u lil uliedhom mhix se teffetwahom. F’dan is-sens, il-koalizzjoni tal-mibgħeda qed tpoġġi l-ġid ta’ Malta kollha f’periklu, minkejja li taf sew li b’dan qed tagħmel ħsara diretta lill-familji Nazzjonalisti stess bi dħul baxx u li bħalissa ftit li xejn għandhom vuċi fil-PN.
wara dawn l-erba’ snin sirna nafu wkoll kemm Joseph Muscat il-Prim Ministru jfisser ġid, ġustizzja soċjali vera, u ġejjieni għal Malta aktar ugwali u aktar b’saħħitha
Nagħżel lil Joseph Muscat għax huwa bniedem li kulħadd jaf fejn qiegħed miegħu, u li miegħu kull persuna, hu x’inhu t-twemmin politiku tagħha, taf li għandha ħajt ta’ kenn, mexxej lest li jismagħha u jgħinha. Joseph Muscat huwa tant kunfidenti fil-viżjoni tiegħu għall-pajjiż li m’għandux biżżejjed ħin biex jinħela fl-aggressività u l-attakki. Huwa fuq kollox mexxej li m’għandu bżonn jirbaħ l-ebda punti politici billi joqgħod jiftaħar kemm se jikkastiga nies, anzi l-ħidma tiegħu tixhed l-oppost: kienet u għadha dik li tippremja n-nies bla heda — mhux li ssawwat u tifred, imma li tippremja u tincentiva ekonomija bieżla.
F’erba’ snin biss, Joseph Muscat ħoloq fuq 30,000 impjieg, refa’ aktar minn 20,000 persuna mill-faqar li waqgħu fih taħt il-gvern preċedenti, ta drittijiet ugwali lill-persuni LGBTIQ, implimenta b’success iċ-childcare b’xejn għal kulħadd, daħħal ħafna aktar nisa fid-dinja tax-xogħol, ħadem minn qalbu biex igib ‘il quddiem il-kwalità ta’ ħajja aħjar għal nies b’abbiltajiet speċjali, tejjeb il-ħajja tal-istudenti mill-ewwel snin edukattivi tagħhom sal-università, żied u saħħaħ l-istipendji, ressaq investiment f’pajjiżna li qatt qabel ma konna ħlomna bih, beda jkabbar l-ekonomija ta’ Malta b’5, 6 fil-mija fis-sena, sal-punt li l-kaxxa ta’ Malta irreġistrat l-ewwel surplus finanzjarju f’għexieren ta’ snin.
Ħafna bħalissa qed jitkellmu fuq id-distakk elettorali bejn iż-żewġ partiti. Ninkoraġġikom tħarsu ftit lejn distakk ieħor, dak socjali f’pajjiżna, u kif dan issa qed jitfejjaq bil-Partit Laburista fil-gvern. Kulħadd jaf sew kemm Joseph Muscat il-bniedem huwa ġenwin u ġentlom. Imma wara dawn l-erba’ snin sirna nafu wkoll kemm Joseph Muscat il-Prim Ministru jfisser ġid, ġustizzja soċjali vera, u ġejjieni għal Malta aktar ugwali u aktar b’saħħitha.