opinjoni | Lejn ħaddiema b’iktar dinjità
Yana Mintoff tgħid li 'l-mit ta’ ‘is-suq isuq’ qed ikun ta’ benefiċċju biss biex min għandu l-kapital iħaxxen butu askapitu tal-bqija. Agħar minn hekk, meta snin ilu l-Gvern illiberalizza dan is-suq, ma qis xejn li jkun hemm protezzjoni xierqa għal min jagħżel li jikri post'
Din is-sena ċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħaddiem qed titpoġġa f’kuntest ta’ ekonomija lokali li tidher li hija f’saħħitha bl-inqas qgħad rekord u għalhekk żieda fl-impjiegi. Mill-banda l-oħra, kull fejn tmur qed tiżdied l-għajta li għandu jkun hemm pagi diċenti u pensjoni adekwata għal kulħadd f’kull livell. Tinħass sew din il-kontradizzjoni. Għaliex?
Bażikament id-distakk bejn min qed jaqla’ l-iktar u min qed jaqla’ l-inqas kulma jmur qed tiħrax u tkun żbilanċjata kontra l-maġġoranza tal-ħaddiem, liema distakk ma jista’ jkun iġġustifikat bl-ebda mod.
Analiżi iktar fil-fond turi li hemm l-iktar żieda fl-impjiegi part-time, b’pagi baxxi u b’kundizzjonijiet prekarji. Għalkemm il-Gvern għandu paga minima stabbilità li ilha ma tinbidel mindu ddaħħlet fl-1972, hu ta’ tħassib li l-Gvern jinforza din ir-rata għall-impjiegi full-time biss, u għalhekk, impjiegi part-time jafu jħallsu b’rati iktar baxxi.
Ta’ min jirrikonoxxi xi żviluppi pożittivi mill-Gvern biex itejjeb il-qagħda ta’ dawk bi dħul baxx b’diversi għajnuniet. Il-ftehim milħuq ftit ġranet ilu bejn l-imsieħba soċjali hu wieħed pożittiv li joffri bonus fuq il-paga minima. Imma dan il-ftehim kien wieħed kożmetiku għal numru ta’ raġunijiet fosthom li din iż-żieda mhux ser tfisser emenda fir-rata statutorja li tistabilixxi l-liġi imma f’forma ta’ bonus marbut b’numru ta’ kundizzjonijiet. Iż-żieda maqbula hi ftit wisq, €3 fil-ġimgħa wara sentejn ta’ xogħol full-time mal-istess imgħallem u għalhekk dawk jaħdmu part-time u fuq kuntratti qosra huma eskluzi. Fi ftit kliem, il-bonus fuq il-paga minima tfisser li fl-2019 il-fulltimers se jieħdu tmien ewro iktar kull ġimgħa - prezz ta’pizza waħda.
Għalkemm is-suq lokali jagħti l-impressjoni li hu wieħed miftuħ u liberalizzat, l-ekonomija ta’ pajjiżna hi bbażata fuq żewġ saffi distakkati minn xulxin: dawk ta’ fuq u dawk t’isfel. Dawk li joperaw fis-saff ta’ fuq igawdu minn salarji għolja bla limitu apparti benefiċċji oħra. Ħafna minnhom huma impjegati fis-setturi tas-servizzi finanzjarji, ICT, iGaming, importaturi u żviluppaturi.
Min-naħa l-oħra dawk il-ħaddiema tas-saff t’isfel jaħdmu għall-pagi miżerabbli f’setturi ġeneralment fil-manifattura, infrastruttura, fl-għoti tas-servizzi essenzjali bħal saħħa u edukazzjoni, jaħdmu għal sigħat twal u b’kundizzjonijiet li huma ta’ detriment għas-saħħa u s-sigurtà u d-dinjità tal-ħaddiema. Dan kollu f’isem sistema meqjusa b’mod sagru bħala s-suq ħieles...
Meta ħaddiem jagħmel l-għalmu tiegħu u jaħdem bla heda, jiċċaħħad mill-ħin tal-mistrieħ biex jagħmel xogħol ieħor u xorta bilkemm jirnexxilu jgħajjex familja fis-sod, dan kollu jkattar ansjetà u rabja kontra s-sistema tax-xogħol. Effett ta’ dan qed jinħass fiż-żieda ta’ ansjetà u mard mentali li dan iġib miegħu imma mhux biss, għax din ix-xejra qed ikollha impatt politiku wkoll.
Fl-Ewropa din ir-rabja qed tkun sfruttata għall-interess tal-partiti tal-lemin estrem li jaraw l-immigrazzjoni bħala l-għerq tal-problema. Għalkemm is-swieq Ewropej jiġġudikaw din ix-xejra bħala waħda populista, ir-rabja hi tabilħaqq ġustifikata. Madankollu, iI-kaġun għal din is-sistema ta’ sfruttament mhux minħabba l-immigrazzjoni imma frott dan il-mit tas-suq ħieles li jagħsar il-ħaddiem bl-iskuża tas-suq!
F’kuntest ta’ ekonomija inugwali jkun hemm nuqqas ta’ mobbiltà soċjali biex ħaddiema b’pagi baxxi javvanzaw. Għalhekk hu importanti li d-distakk bejn dawk ta’ fuq u dawk t’isfel ikun imnaqqas u mhux jiżdied. Għaldaqstant, paga minima- li minnha nfisha tfisser l-inqas paga li tista’ tingħata, xorta waħda għandha tkun biżżejjed biex wieħed ikun jista’ jgħix ħajja diċenti. Hawn ta’ min iħares lejn l-għoli tal-ħajja li qed tifni lil dawn il-ħaddiema u l-familji tagħhom bil-prezzijiet tal-iktar affarijiet essenzjali li dejjem jogħlew u bil-kirjiet li qed jiżdiedu b’mod allarmanti. Minkejja li l-Gvern raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, l-għoli tal-ħajja qed xorta therri dak il-ftit dħul li qed ikollhom il-ħaddiema.
L-istudju li għamlet il-Caritas kien utli ħafna biex jagħti stampa ċara kemm diversi kategoriji ta’ familji jkollhom bżonn jonfqu biex jgħixu ħajja diċenti. Madankollu, ta’ min wieħed jieħu nota li dan l-istudju kien ibbażat fuq basket ta’ bżonnijiet li kien miżerabbli wisq – u għalhekk mhux daqstant reali- biex familja tista’ tgħix ħajja diċenti bil-bżonnijiet tal-lum. Eżempju ta’ dan hu li l-kategoriji ta’ familji kienu meqjusa li joqogħdu f’post tal-gvern u li għalhekk għandhom kera baxxa u stabbli meta dan jgħodd għal sezzjoni żgħira tal-popolazzjoni.
Dawn l-istejjer li ilna nisimgħu fil-gazzetti dan l-aħħar xhur li bosta familji qed jitgħaffġu biż-żidiet allarmanti fil-kera, qed juri biċ-ċar li l-mit ta’ ‘is-suq isuq’ qed ikun ta’ benefiċċju biss biex min għandu l-kapital iħaxxen butu askapitu tal-bqija. Agħar minn hekk, meta snin ilu l-Gvern illiberalizza dan is-suq, ma qis xejn li jkun hemm protezzjoni xierqa għal min jagħżel li jikri post.
Riżultat ta’ dan u fatturi oħra qed iwassal biex parti kbira mill-pagi u benefiċċji soċjali qed imorru biss biex iħallsu l-kera bil-konsegwenza traġika li dawk li ma jlaħħqux jispiċċaw bla saqaf. Minkejja s-sussidji li jgħati l-Gvern. Għaldaqstant l-għajta għal trażżin fil-prezzjiet tal-kera nibtet mill-Forum Komunità Bormliża fejn ħareġ ċar li s-sussidji mogħtija mill-Gvern mhumiex effettivi mingħajr mekkaniżmu li jistabilizza ż-żieda fil-prezzijiet.
Għalhekk politika sostenibbli li vera tipproteġi lill-ħaddiem tassigura għajxien diċenti kemm fl-għoti tax-xogħol b’kundizzjonijiet xierqa u aċċess għal residenza adegwata liema spiża ma tnawwarx il-biċċa l-kbira mid-dħul ta’ dawn il-ħaddiema. Naqra regolazzajoni mhijiex ħaġa kommunista anzi hija parti mid-doveri tal-gvern responsabbli ta’ pajjiż Ewropew. Wara kollox hemm ħafna regoli fuq iż-żgħir għaliex m’hemmx regoli fuq il-kbir?