opinjoni | Dak li l-elettorat ivvota għalih se jasal għandu

Il-Ministru Owen Bonnici jgħid li ftit wara r-riżultat elettorali, rajna lil Joseph Muscat għand il-kumpanija Bettson fl-ewwel impenn tiegħu bħala Prim Ministru, 'u hemm ġab fix-xejn il-gidba ta’ qabel l-elezzjoni li din il-kumpanija se titlaq minn Malta’

 

 

Għamilna kampanja elettorali nisimgħu lill-Prim Ministru Joseph Muscat jgħidilna li l-aqwa żmien ta’ pajjiżna għadu ġej. L-elettorat ivvota u dan iż-żmien se jasal.

 Gvern Laburista se jibni fuq dak li diġà ġie mwettaq bil-provi fl-aħħar erbà snin. Il-poplu kien ċar fid-deċiżjoni tiegħu: ipprefera kontijiet orħos u inqas taxxi taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, milli taxxi ogħla u ekonomija dgħajfa b’Simon Busuttil.

Fiż-żmien li ġej, kif imwiegħed, għandna naraw żieda fin-numru ta’ btajjel pubbliċi f’Malta. Min jixtri l-ewwel dar se jkollu depożitu ta’ 10% garantit mill-Gvern filwaqt li se jkun hemm estensjoni tal-iskema tal-first time buyers għal dawk li jkunu waslu biex jixtru t-tieni dar. Se naraw tnaqqis fit-taxxi u aktar flus fil-bwiet tan-nies, flimkien ma’ żieda fil-pensjoni minima u l-ikbar investiment fl-istorja fit-toroq Maltin u Għawdxin.

Dan kollu se jkun possibbli primarjament grazzi għat-tmexxija għaqlija tal-Prim Ministru. Miegħu hemm kabinett ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari li joffru taħlita interessanti. Kemm inqawwi qalbi meta ninnota li hawn żgħażgħ Maltin lesti għal responsabilitajiet kbar. Dawn iservu ta’ ispirazzjoni għal żgħażagħ sħabhom, u b’hekk titrawwem klima ta’ simpatija lejn il-politika. Nistqarr li jfakkruni ħafna bil-bidu tal-ħajja politika tiegħi. X’differenza minn partit li liż-żgħażagħ jgħidilhom biex joqogħdu kwieti fuq programm televiżiv, għax għadhom żgħar u ma jifhmux!

Ma nistax ma nenfasizzax bis-saħħa l-ħtieġa li anke quddiem rebħiet bla preċedent bħalma kellna fl-aħħar elezzjoni ġenerali, kulħadd iżomm saqajh mal-art

Il-wegħdi elettorali se jkunu possibbli għax diġà ħallejna legat warajna. Nitkellem biss fuq is-settur tiegħi; fil-qasam tal-ġustizzja naqqasna listi ta’ stennija, żidna awli ġodda u tajna d-dritt tal-avukat waqt l-arrest, daħħalna liġijiet importanti bħall-whistleblowers’ act, naqqasna l-preskirzzjoni minn fuq politiċi u rrevedejna l-liġijiet tad-droga, fejn il-vittma qed ikun stmat ta’ vittma u mhux ta’ kriminal. Meta tiktibhom f’paragrafu forsi jitilfu xi ftit mill-importanza tagħhom, iżda min jaf kemm nies iltqajt magħhom li lissnu l-kelma grazzi tal-bidla li dawn il-miżuri ġabu f’ħajjithom. Għalija, allura, l-ikbar sodisfazzjon ħadtu meta l-Prim Ministru Joseph Muscat reġa’ kkonfermani Ministru responsabbli mill-Ġustizzja. Minbarra li s-suġġett għal qalbi ħafna, inħoss li mmaturajt tul l-aħħar erba’ snin u issa għandi aktar esperjenza biex immexxi bl-aħjar mod. Huwa settur li fih nemmen fadal ħafna xi jsir, u fadalli ħafna x’noffri.

Tul din il-leġiżlatura, ingħaqdu miegħi żewġ Segretarji Parlamentari: wieħed responsabbli mill-protezzjoni tal-konsumatur u Valletta18, u wieħed responsabbli mill-Gvern Lokali u komunitajiet. Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li fi ħdan il-Minsiteru tiegħi se jkolli żewġ persuni bħal Silvio Parnis u Deo Debattista, li tant ħadmu u swew ta’ ġid lejn is-soċjetà Maltija.

Bdejna naħdmu mill-ewwel, l-istess bħalma għamel Joseph Muscat. Rajnirh ftit wara r-riżultat elettorali, għand il-kumpanija Bettson fl-ewwel impenn tiegħu bħala Prim Ministru. Hemm ġab fix-xejn il-gidba ta’ qabel l-elezzjoni li din il-kumpanija se titlaq minn Malta. Issa jmiss li jistenna inkjesta dwar l-akkużi fil-konfront tiegħu bil-għan li tkun imxejna gidba oħra.

Nhar l-Erbgħa, il-Prim Ministru se jkun qiegħed Brussell għal diskussjoni dwar is-saltna tad-dritt f’Malta, instigata minn membri tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista biex ikun hemm diskussjoni dwar Malta. Dan se jkun test għall-oppożizzjoni fejn nistgħu naraw hux se jerġgħu jitkellmu kontra Malta.

Ma nistax ma nenfasizzax bis-saħħa l-ħtieġa li anke quddiem rebħiet bla preċedent bħalma kellna fl-aħħar elezzjoni ġenerali, kulħadd iżomm saqajh mal-art. Hemm bżonn l-għaqda. Kull min veru jemmen f’dan il-moviment m’għandux jirraġuna f’termini ta’ “aħna u huma”. Ejja nkomplu ngħixu s-suċċess filwaqt li nestendu l-id tal-ħbiberija.

 

More in Blogs