opinjoni | Iż-żmien isajru l-bajtar
'Dan il-Gvern ilu hemm biss erba' snin u għalkemm f'dan il-perjodu l-iskandli ma naqsu qatt, evidentement dan ma kienx daqshekk importanti għall-maġġoranza tal-poplu'
Għadu kmieni biex wieħed jagħmel awtopsja definittiva tat-telfa elettorali illi sofra l-Partit Nazzjonalista l-ġimgħa l-oħra.
Forsi l-aktar ħaġa illi ddiżappuntat lid-diriġenti u lill-attivisti tal-Partit Nazzjonalista kienet il-marġni tat-telfa. Għalkemm bosta dawk illi kienu qed jittamaw illi l-P. ser jirbaħ l-elezzjoni, ħadd ma kien qed jistenna illi l-marġni tat-telfa kien ser ikun fl-istess ilma tal-elezzjoni ġenerali tal-2013 u tal-aħħar żewġ elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej. Ir-riżultat l-aktar illi ma kienx mistenni peress illi l-kandidati Nazzjonalisti kollha kienu qed jirrappurtaw illi qed jintlaqgħu sew fid-djar li kienu qed iżuru. Dan meta fl-2013 kien hemm min qal li kien imur id-dar jibki. Barra minn hekk, l-attivitajiet ta’ massa tal-PN kien qed jattiraw n-nies daqs, jekk mhux aktar, minn dawk tal-Partit Laburista. Evidentement, il-maġġorparti tan-Nazzjonalisti ma kellhom l-ebda ħjiel tat-telfa li kienet ġejja għalihom. Madankollu, fiż-żjajjar fid-djar kien hemm ħjiel ta’ problemi li forsi ma tantx wieħed ta kashom: dar wara dar ta’ Nazzjonalisti kienu qed itennu illi wasal iż-żmien illi gvern Nazzjonalista jieħu ħsieb lil niesu. Bosta Nazzjonalisti, ħażin jew tajjeb, ħassew illi ma ġewx trattati sew taħt l-amministazzjoni Nazzjonalista. Għal faxxa sostanzjali tal-elettorat, il-kisbiet nazzjonali bħad-dħul ta’ Malta fl-UE m’għandhomx importanza daqs xi xogħol mal-gvern jew xi promozzjoni.
Ir-riżultat hu ċar u wieħed irid ifittex xi ftit mir-raġunijiet għalija. Fl-ewwel lok, hemm iċ-ċiklu elettorali. Dan il-gvern ilu hemm biss erba’ snin u għalkemm f’dan il-perjodu, l-iskandli ma naqsu qatt, evidentement, dan ma kienx daqshekk importanti għall-maġġoranza tal-poplu. Il-poplu qatta’ żmien twil taħt in-Nazzjonalisti u issa hu naturali illi m’għandux għaġla illi jerġa’ jagħżilhom. Barra minn hekk, dan il-gvern jimxi b’mod anqas riġidu minn dak ta’ qablu. Taħt il-gvern Nazzjonalista konna qed insiru bil-mod pajjiż fejn ir-regoli jiġu osservati u fin-nuqqas, ikun hemm konsegwenzi. Aħna Maltin u d-dixxiplina ftit tinżlilna: jekk nistgħu nirranġaw, nirranġaw u dan il-fatt dan il-gvern fehmu sew. Il-vot tal-2013 u ta’ din is-sena kien inparti vot kontra dixxiplina riġida fil-pajjiż tipika tal-pajjiżi nordiċi.
Il-pjaċiri li saru mill-gvern, speċjalment fl-aħħar xhur, innewtralizzaw mhux biss kwalunkwe esodu minn ħdan il-PL imma anke r-ritorn tal-iswitchers tal-2013
Fit-tieni lok, hemm l-istat tal-ekonomija. Il-poplu ftit jimpurtah jekk l-ekonomija hijiex fuq l-isteriods jew le. Li jimporta hu jekk wieħed għandux xogħol u jekk għandhux flus. Minħabba l-eluf ta’ impiegi li nħolqu direttament jew indirettament fis-settur pubbliku, il-qagħad kważi sparixxa. Verament jeżistu bosta impjiegi b’kundizzjonijiet foqra imma ħażin jew tajjeb, kulħadd idabbar paga. Barra minn hekk, minkejja illi dan il-gvern kien pjuttost xħiħ fl-ispiża kapitali, żamm l-ekonomija għaddejja billi fetaħ idejh bil-permessi tal-bini. Id-domanda għall-postijiet tal-kiri żdidiet sew minħabba l-eluf ta’ ħaddiema barranin minħabba l-boom f’bosta setturi bħall-igaming. U b’hekk l-industrija tal-bini kompliet tgawdi żminijiet sbieħ, ferm aħjar mill-aħħar snin tal-gvern ta’ Gonzi. Dak iż-żmien id-dinja kienet għaddejja minn riċessjoni qalila, l-agħar waħda mis-snin tletin bil-prezz taż-żejt jilħaq livelli stratosferiċi. Il-kundizzjonijiet ekonomiċi internazzjonali llum tjiebu sew: anke ż-żona ewro ħarġet mir-riċessjoni u qiegħda żżid fir-ritmu ekonomiku. Il-prezz taż-żejt ma jistax jaqbeż il-$50-il barmil u aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed tonqos l-importanza taż-żejt minħabba sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu. Fl-istess ħin, ma rridux ninsew illi s-settur tat-turiżmu għaddej minn perjodu tassew feliċi, forsi mhux għalkollox għall-fatturi attribwibbli għalina. Mhux ta’ b’xejn illi l-Prodott Gross Domestiku kiber fl-ewwel tliet xhur tas-sena bir-rata impressjonanti ta’ 6.2%. L-editur ta’ dan il-ġurnal fakkarni fis-sala tal-għadd tal-voti illi kif kien qal Bill Clinton, “It’s the economy, stupid.” U l-ekonomija ċertament kienet fattur ferm importanti f’dan ir-riżultat elettorali: bosta kienu l-bennejja, il-kaħħala, tal-madum, in-nutara, il-periti, min qed jikri u kull min hu marbut mal-qasam tal-bini illi ppreferew jivvutaw għall-P.L. minkejja illi tradizzjonalment x’aktarx kienu ta’ tendenza Nazzjonalista.
Il-PN seta’ jikkonsonla illi bosta minn dawk illi kienu abbandunawh fl-2013, kienu reġgħu lura u kien hemm bosta Laburisti illi kienu qed jheddu illi mhux ser jivvutaw jew anke li jivvutaw Nazzjonalist. Li ma rrealizzax il-PN, jew jekk irrealizza ma seta’ jagħmel xejn fl-eqqel tal-kampanja elettorali, kien illi l-Partit Laburista embarka fuq programm impressjonanti li ġie msejjaħ minn esponenti tiegħu bħala “reachout”. Dan sabiex jikkuntenta lil kullma kienx beħsiebu jivvutalu, ikun xi jkun il-kulur tiegħu. Fil-proċess, mijiet ġew impjegati ma’ kumpaniji parastatali, ingħataw mijiet, jekk mhux eluf, ta’ promozzjonijiet u ħarġu eluf ta’ permessi tal-bini. Dan il-proċess evidentement ta l-frott tiegħu għax jidher illi kien hemm ħafna “switchers” ġodda: nies illi vvutaw Nazzjonalist fl-2013 imma illi din id-darba vvutaw Laburist. B’hekk, il-pjaċiri li saru mill-gvern, speċjalment fl-aħħar xhur, innewtralizzaw mhux biss kwalunkwe esodu minn ħdan il-PL imma anke r-ritorn tal-iswitchers tal-2013 lejn il-PN. Tali prattiċi jistgħu jikkwalifikaw biss bħala “corrupt practices” imma f’pajjiżna jitwequ b’impunità.
It-telfa hija qalila u l-kap, Simon Busuttil mill-ewwel assuma r-responsabbilità u rriżenja mill-kariga tiegħu. Miegħu rriżenja l-bord tat-tmexxija u uffiċjali għolja oħra. Madankollu, minkejja din it-telfa kbira, il-Partit Nazzjonalista m’għandux jibża’ mill-futur. Ċertament mhuwiex għaddej mill-aktar żmien feliċi tiegħu imma għad jara żminijiet aħjar. Illum jinsab organizzat ferm aħjar milli kien erba’ snin ilu u kif ħabbar il-kap fid-diskors ta’ riżenja tiegħu, il-kampanja elettorali ġiet iffinanzjata kollha kemm hi mingħajr il-ħtieġa ta’ dejn ġdid. Laqgħa illi saret għall-attivisti nhar it-Tlieta li għadda wriet kemm għadha ħajja l-bażi tal-partit.
Simon Busuttil jista’ jkun kburi illi minkejja illi ppresjieda fuq telfa kbira, fi żmienu l-partit beda l-proċess ta’ tiġdid u riorganizzazzjoni. Jista’ jkun kburi illi mexxa kampanja kuraġġuża u dinjituża illi matulha l-partit għamel bosta proposti posittivi illi huma għal ġid komuni. Sinċerament, naħseb illi l-programm Nazzjonalista, u speċjalment dak għal Għawdex, kienu fost l-aqwa proposti illi qatt ġew sottomessi lill-elettorat. Il-fatt illi l-elettorat qajla ta kashom bl-ebda mod ma jnaqqas mill-mertu ta’ Simon Busuttil u l-kollaboraturi tiegħu.
Kif qalli xi ħadd din il-ġimgħa, Joseph Muscat qed igawdi t-tajjeb kollu ta’ Gonzi mentri l-PN għadu mċappas mal-ħażin kollu tiegħu. F’sitwazzjoni bħal din, ftit li xejn hemm x’tagħmel. Imma jiena ċert illi l-PN għad ikollu jiem aħjar u jintalab imexxi l-pajjiż kif għamel għal bosta snin fil-passat. Iż-żmien isajru l-bajtar.