opinjoni | Terremot
Steve Borg jgħid kif minkejja t-tajn li ntefa' tul l-elezzjoni, l-importanza tal-elettorat hi x-xogħol, is-saħħa u l-edukazzjoni
Joseph Muscat reġa’ ġie fdat fit-tmexxija tal-pajjiż għall-ħames snin li ġejjin wara li l-poplu Malti u Għawdxi tkellem. Qiegħed nikteb dan l-artiklu għaxart ijiem qabel l-elezzjoni nnifisha u allura l-kampanja elettorali għadha għaddejja, imma diġà kien jidher biċ-ċar min kien konkret u mħejji u min kien tilef it-tiġrija u qiegħed jieħu sehem għan-numru. Igħduli preżuntuż jew żatat kemm tridu, imma Simon Busuttil irid iħares fil-mera u jistaqsi dwar l-isqaq li daħħal lilu nnifsu fih. Ma kellux bżonn elezzjoni għalissa u anki li kieku rebaħha, antagonizza l-mases tal-votanti Laburisti u tal-progressivi waħda sew bl-għajjat isteriku tiegħu, u jaf li mingħajr l-appoġġ tagħhom ma jista’ qatt imexxi b’mod seren.
L-elezzjoni bikrija, imsejjħa waqt il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea, qabdet lill-Partit Nazzjonalista fuq sieq waħda u minkejja li Simon Busuttil kien stqarr xhur qabel li qabbad il-magni, dawn ma kellhomx saħħa, tant li d-djalletika tal-kampanja ddominaha Muscat li ħareġ bi proposta wara oħra filwaqt li Busuttil inqabad bla abbozz ta’ manifest u ħela l-ħin limitat jikkwota blogs sekondarji ta’ persuni mingħajr ebda kredibbiltà t’imparzjalità u jipprova jleħħaq ma’ Muscat. Kif jgħallimna Conan Doyle, huwa żball gravi li titteorizza dwar storja mingħajr evidenza konkreta.
Il-konvinzjoni fid-diskors ta’ Muscat, li jidher bħala mexxej sod, kunfidenti, konvinċenti, imħejji tajjeb u ffukat fid-direzzjoni fejn irid jieħu l-pajjiż ’il quddiem. Ma jlaqlaqx. Kliemu ċar u jidwi, li jibqa’ midfun fl-imħuħ anki sigħat wara li jkun lissnu. Il-Malti tiegħu eċċellenti, idjomatiku, jinftiehem, iqanqal u li jindirizza lil kull votant skont il-livell tiegħu. Ma jokrobx, anzi jimla b’kuraġġ ta’ sur lil min jisimgħu, hemm quddiemu fil-wesgħat jew inkella fid-djar. Jum wara jum joffri li l-viżjoni tiegħu għal Malta taħdem u tirnexxi u li hija d-doża meħtieġa. Ass ewlieni hu Edward Scicluna, integrali għas-suċċess ekonomiku Malti, Chris Fearne li bħala ministru tas-saħħa wettaq ħafna fi ftit żmien u anki l-fatt li Muscat afferma li d-Deputat Prim Louis Grech, minkejja li ma kkontestax, se jibqa’ jgħin b’mod dirett. Serħan il-moħħ. Stabbiltà li jrid il-poplu tagħna. Iwissi x’jista’ jintilef, bħal fix-Xewkija fejn bi kliemu rifed il-vot Għawdxi miegħu. Għaraf li l-Maltin ma jridux lil min jitkellem kontra Malta barra minn xtutna u l-forza nazzjonali kienet fir-realta’ tiegħu. Bil-bandiera, bl-innu Malti.
Muscat għamel l-użu intelliġenti tar-riżorsi umani simpatetiċi lejh, ta’ teknokratiċi politiċi u lejn il-ħolma Maltija ta’ pajjiż dinamiku. Don politiku li Mintoff innifsu kien skars fih peress li l-istil aħrax u awtoritarju tiegħu ma ħallitx tkomplija ta’ intellettwali progressivi jiġġeneraw ideat ġodda fil-partit
Wisq probabbli li minkejja t-tajn li ntefa’ miż-żewġ naħat, l-importazzjoni primarja tal-elettorat hija s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, is-saħħa tagħhom u ta’ wliedhom, l-investiment fl-edukazzjoni u t-titjieb fil-livell tal-ħajja, il-famuża piramida ta’ ħtiġijiet u aspirazzjonijiet personali ta’ Abraham Maslow. Muscat jafu dan u pproġetta lill-partit bħala moviment, u dan biex jippermetti nies li mingħajr ma jidħlu fl-ispettru laburista, però jidentifikaw mal-mewġa progressivi biex jinkisbu aktar drittijiet ċivili.
Jiena kont ixxurtjat li sirt nafu sew fl-ewwel jiem li nħatar bħala mexxej ġdid tal-Partit Laburista. L-arti tiegħu hija li jisma’, u jsib kompromess fejn ħaddieħor jara li hemm ħajt diviżiv. Għalhekk ħoloq moviment, li fih attira nukleu ta’ nies li fil-ħajja ta’ kuljum qatt ma kien wieħed jobsor li se jsib. Huwa kredibbli. Tiftakruha sew l-espressjoni li jrid iġib terremot. U hekk għamel. Muscat għamel l-użu intelliġenti tar-riżorsi umani simpatetiċi lejh, ta’ teknokratiċi politiċi u lejn il-ħolma Maltija ta’ pajjiż dinamiku. Dan politiku li Mintoff innifsu kien skars fih peress li l-istil aħrax u awtoritarju tiegħu ma ħallitx tkomplija ta’ intellettwali progressivi jiġġeneraw ideat ġodda fil-partit.
Ejja nieħdu t-tema tal-LGBTIQ. F’dak li appikk hu l-aktar waqt sinifikanti minn persuna mhux politika, Felix Busuttil esprima r-raġunijiet għaliex minn partit ingħaqad ma’ ieħor, fejn fehem li l-istrattifikazzjoni kif espressa fi sterjotipar skadut ma għandhiex post aktar f’soċjetà fejn kulħadd huwa ugwali. Valur kardinali li ġab Muscat. Ara l-għaqal ta’ Joseph, li l-ewwel darba li semma’ ż-żwieġ ċivili għall-koppji tal-istess sess kien waqt programm ta’ fuq is-sufan u mhux f’mass meeting, biex il-proposta tilħaq tindara mill-partitarji. Il-klassifikazzjoni tal-Laburisti bħala ‘trolls’, injuranti, DNA differenti u kull titlu dispreġjattiv jew settarju — anzi l-każ sempliċi tal-pastizzi fir-Rabat — kompla ttimbra dik l-arja artifiċjalità superjorità li ġabet ħsara kbira lill-PN u ma niżlitx tajjeb anki ma’ Nazzjonalisti min-nofsinhar ta’ Malta li qegħdin jgħixu fl-investiment, il-ġid u l-istima diretta mill-Gvern Laburista. Eżempju ċar kienu l-Kottonera, Birżebbuġa, Marsaxlokk u Wied il-Għajn fejn Busuttil u sħabu kellhom rispons fjakk immens.
Simon Busuttil ma setax kellu kampanja agħar għaliex minbarra li mqabbel ma’ Muscat, għandu legat tqil u qafas konformista li ma fehemx li meta soċjetà jkollha aspirazzjonijiet aktar avvanzati mill-partiti, mela jkun wasal il-waqt ta’ aġġornament u allura ma jistax jaqta’ lura.
Minkejja t-tajn li ntefa’ miż-żewġ naħat, l-importazzjoni primarja tal-elettorat hija s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, is-saħħa tagħhom u ta’ wliedhom, l-investiment fl-edukazzjoni u t-titjieb fil-livell tal-ħajja, il-famuża piramida ta’ ħtiġijiet u aspirazzjonijiet personali
Għalija l-mument li Busuttil iddefinixxa t-telfa imminenti tiegħu kien fiċ-Ċittadella meta dawwar ħarstu u ta daharu lill-ġurnalisti waqt it-tħabbir tal-iskema mbażwra tal-pakkett tal-€10,000 għal min imur jgħix Għawdex, biex jitlob l-appoġġ tal-kandidati bilqiegħda. Hemm deher dgħajjef ħafna u li ġie interpretat li l-personalità tiegħu mhix konvinċenti biżżejjed, aħseb u ara biex ikun fdat bħala Prim Ministru.
Il-Partit Laburista kien intelliġenti ħafna li ta l-ħabel lil Marlene Farrugia, Salvu Mallia u anki Josie Muscat biex jidhru huma bħala esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista, meta fil-verità ma kellhom l-ebda vot warajhom għaliex kollha ġew minn barra. Farrugia, li bl-entużjażmu tagħha biex titkellem ġo kull mikrofonu u tisraq ix-xena, ma ħallitx wisgħa lill-kandidati validi Nazzjonalisti bħal Ryan Callus, Amanda Abela, Kevin Cassar u oħrajn biex jesprimu l-fehmiet tagħhom u li jagħtu tama li l-Partit Nazzjonalista huwa gvern alternattiv. Minflok ħbewhom. Dak l-ispazju ma ngħatax u wieħed jistenna aktar bħalhom biex jaqilbu man-naħa Laburista kif għamlu nies validi ħafna bħal Ian Castaldi Paris, John Bonello u anki l-mara rispettabli u liberali Yvonne Ebejer, eks-kandidata għall-MPE tal-Alternattiva għaliex raw impenn serju u spazju fejn jimirħu b’rispett.
Il-Partit Nazzjonalista storikament jirbaħ l-elezzjonijiet bl-imbutatura tal-knisja Kattolika. Filwaqt li Muscat ħa lil Malta lejn stat aktar sekulari, ir-rabtiet li l-Nazzjonalisti għandhom mal-knisja — taħt il-kappa qadima ta’ religio et patria, presunta bħala l-miżien tal-valuri morali — huma wieħed mill-fatturi li qiegħed ixekkel il-ħsieb liberali li jiffermenta bħala moviment, bħal qishom iridu jitolbuha permess dwar il-pass li jmiss. LGBT, IVF... Spiċċa mmuffat. Ħaġa tal-iskantament, l-elementi ewlenin li ssemmew fir-rapport Nazzjonalista tat-telfa tal-2013, ġew imtennija u wera li minkejja dan lanqas biss taw kasu.
Muscat kien qal li se jagħmel terremot. Dan hu, li daħħal lil Malta fi stat ta’ metamorfosi soċjali u uża l-aqwa mħuħ madwaru, irrespettivament mil-liema sfond u twemmin li trawmu fih għaliex jaf jisma’, jempatizza u jiddeċiedi. Din hija r-riċetta tas-suċċess tiegħu u tal-Partit Laburista.
Steve Borg huwa ambjentalista, etnografu u kittieb