opinjoni | Presidenza suċċess
'Għandna Prim Ministru u Gvern sħiħ jaħdmu biex jimbottaw isem pajjiżna 'l quddiem. Imbagħad għandna Oppożizzjoni li biex tiskorja punti politiċi tagħmel ħsara lil pajjiżna'
Fadal inqas minn ħmistax sal-ġurnata li fiha pajjiżna se jgħaddi t-tmun tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea lill-Estonia. Inħares lura lejn is-sitt xhur li għaddew u ġenwinament u bl-iktar mod qawwi ngħid li l-Presidenza kienet suċċess enormi.
Sa nhar il-Ġimgħa stess iltqajt ma’ uffiċjali għoljin kemm mill-Unjoni Ewropea u kemm barra l-kontinent li qaluli li pajjiżna ssorprenda lil kulħadd għall-mod tajjeb immens li bih mexxa l-Kunsill tal-Ministri. Konvint li bil-ħidma tagħna isem pajjiżna mar ’il quddiem u kiber ħafna.
Personalment kelli l-unur li mmexxi żewġ Kunsilli tal-Ministri – wieħed tal-Ġustizzja u l-ieħor tal-Kultura. Fil-kamp tal-Ġustizzja kellna ħafna xogħol x’nagħmlu li wettaqnieh tajjeb ħafna kemm fil-kamp kriminali u kemm fil-kamp ċivili. Biżżejjed wieħed isemmi l-progress li sar fejn tidħol il-liġi ġdida Ewropea dwar kuntratti diġitali u t-twelid tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew wara tant snin ta’ stennija biex insemmi eżempju wieħed miż-żewġ branki ewlenin tal-liġi.
Għandna Prim Ministru u Gvern sħiħ jaħdmu biex jimbottaw isem pajjiżna 'l quddiem. Imbagħad għandna Oppożizzjoni li biex tiskorja punti politiċi tagħmel ħsara lil pajjiżna
Il-Kunsill tal-Kultura, kuntrarjament għal kif jistgħu jaħsbu ħafna nies, ukoll kellu l-isfidi iebsin tiegħu, mhux l-inqas fejn tidħol id-Direttiva l-ġdida dwar is-Servizzi Awdjoviżivi fejn hemmhekk irnexxielna nwasslu lill-Kunsill – wara votazzjoni – fuq pożizzjoni waħda komuni bejn il-Ministri tal-Unjoni Ewropea kollha. Din id-direttiva se jkollha l-għan li ddaħħal element ta’ regolamentazzjoni fejn tidħol il-media online bħal, pereżempju, biex tiġi miġġielda l-hate speech u sabiex il-films Ewropej jingħataw għajnuna u opportunità.
Dan biex ma nsemmux il-mijiet ta’ konferenzi kemm Malta u kemm fl-Ewropa li l-esperti tagħna attendew u ħarġu bl-unuri.
Sintendi, “aħna tal-Kultura” kellna wkoll ir-responsabbiltà li nieħdu ħsieb il-programm kulturali tal-Presidenza fejn hemmhekk ukoll eċċellajna u wettaqna ħafna affarijiet sbieħ. Il-kunċert tal-ftuħ f’Malta, dak fi Brussell, il-wirja fil-Bożar…kollha kienu programmi li taw pjattaforma sabiħa mmens u li fl-aħħar mill-aħħar għollew isem pajjiżna ’l fuq.
Grazzi minn qalbi lill-ħaddiema kollha li kienu involuti f’dan is-suċċess bla preċedent.
L-Istati Uniti
Bħala Chairperson tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja kelli wkoll ir-responsabbiltà li mmexxi, mil-lat tal-Ġustizzja, il-laqgħat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti f’dan is-settur. Sieħbi Michael Farrugia ħa ħsieb il-parti tal-Affarijiet Interni.
Peress li taħt il-Presidenza Slovakka ltqajna Washington, kien imiss li l-laqgħa sussegwenti ssir f’Malta. Ħadt gost immens għalhekk li l-Ħamis u l-Ġimgħa nilqa’ f’pajjiżna lill-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti Jeff Sessions li fis-sistema Amerikana huwa essenzjalment il-Ministru tal-Ġustizzja. Mal-AG Sessions tkellimna kemm fuq livell tekniku sabiex insaħħu l-ħidma bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea u kemm fuq livell informali fejn stabbilixxejna rapport tajjeb immens.
Jien kont diġà ħdimt mal-Avukat Ġenerali preċedenti, Loretta Lynch, li kont sibtha interlokotur onesta u ġenwina. L-Avukat Ġenerali Sessions huwa ġentlom u bniedem li jħobb kemm lil pajjiżu u kemm is-saltna tad-dritt. Anke mal-Kummissarji Ewropej Jourova, Avramopoulos u King rajt sinerġija tajba u li tawgura għal iktar ħidma fil-futur.
Hemm ħafna sfidi li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jridu jegħlbu flimkien fis-settur tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni.
Kburi li ż-żerriegħa għal ħidma aħjar fil-futur f’dan is-settur mal-Amministrazzjoni Trump inżergħet f’pajjiżna.
Prim Ministru impekkabbli
Jien s’issa rrakkontajt l-esperjenzi tiegħi mill-punto di vista tiegħi. Però sintendi l-qofol tas-suċċess tal-Presidenza Maltija huwa l-Prim Ministru nnifsu illi kien impekkabbli kull meta mar fil-Parlament Ewropew u fil-laqgħat li ħa ħsieb ħareġ bl-unuri. Għadu fuq fomm kulħadd is-summit li kellna f’pajjiżna tal-Mexxejja Ewropej li kien suċċess mill-bidu sal-aħħar.
Żgur li Malta ħierġa mill-Presidenza bl-unuri u tgawdi ħafna u ħafna iktar rispett minn qabel bdejna l-Presidenza.
Ħsara lil Malta
Għalhekk iktar ma toqgħod taħseb iktar tistona l-pożizzjoni inaċċettabbli li ħa l-Partit Nazzjonalista kontra pajjiżna fil-fora Ewropej. Sakemm id-dibattiti – sħan u mqanqlin kemm huma sħan u mqanqlin – isiru Malta ħadd ovvjament ma għandu oġġezzjoni. Iżda meta dawk id-dibattiti jmorru barra minn pajjiżna hemmhekk il-ħsara tkun qed issir lill-pajjiż u lil kull wieħed u waħda minna.
Issir ħsara għal żewġ raġunijiet: l-ewwel nett mingħandu interess itina gambetta, pereżempju minħabba s-suċċess finanzjarju li qed ingawdu – se tinżillu għasel opportunità bħal din. It-tieni nett, f’dinja fejn il-ġurnaliżmu huwa immedjat, ħafna drabi bbażat fuq dak li jattira sensazzjoni u jinfirex f’sekonda, se tkun qisek qbadt imħadda, qattajtha u frixt il-ġewwieni tagħha mal-erbat irjieħ mingħajr wisq jimportak x’se jkun l-effett.
Mela allura għandna Prim Ministru u Gvern sħiħ jaħdmu biex jimbottaw isem pajjiżna ’l quddiem. Imbagħad għandna Oppożizzjoni li biex tiskorja punti politiċi tagħmel ħsara lil pajjiżna.
Mhux ta’ b’xejn l-elettorat reġa’ qal BARRA b’mod enfatiku lit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Jidher però li għadhom ma tgħallmu xejn …
Therese Commodini Cachia
M’għandekx idea kemm imlietni b’rabja d-deċiżjoni li ħadet Therese Commodini Cachia li wara li l-poplu tellagħha fil-Parlament Malti qalet li se tibqa’ fil-Parlament Ewropew “wara li tkellmet mal-familja tagħha.”
Ma nafx jekk f’dawn it-taħditiet kienx hemm paraguni bejn il-paga tal-MPE u l-paga ta’ MP f’Malta.
Wara ftit għamlet u-turn u biddlet kollox – sintendi għax fehmet li b’hekk kienet se ttemm il-karriera politika tagħha għax ħadd ma ried jisma’ iktar biha.
Issa din Therese kienet waħda mill-klikka ta’ ġewwa ta’ Simon Busuttil li erħilha tgħajjat li aħna korrotti. Ma nafx, imma dan l-aġir ta’ min ikkonsidra attivament li jagħti dahru lill-poplu wara li eleggih fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż għax barra hemm paga aħjar, ma tantx għandu riħa ta’ ġiżimini.
Awguri
Nieħu l-okkażjoni li nawgura lill-missirijiet kollha f’Jum il-Missier u liż-Żwieten kollha fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Katerina.