opinjoni | Ripensament
'Minflok ma May saħħet il-maġġoranza żgħira li kellha, spiċċat bla maġġoranza wara l-kampanja diżastruża li kellha'
Fil-bidu ta’ din is-sena, bosta kienu dawk illi kienu qed jistennew illi ser jiġru diżastri kbar fl-Unjoni Ewropea. Wara l-vot mhux daqshekk sorprendenti tar-referendum dwar il-Brexit u l-elezzjoni ta’ Trump, bosta kienu dawk illi mlew moħħhom illi l-mewġa tal-populiżmu kienet ser tiknes l-istrutturi mhux tant maħbuba ta’ Berlaymont. L-istennija ta’ dawn it-talin kienet illi l-ewwel Geert Wilders jirbaħ fl-Olanda biex imbagħad l-UE tingħata d-daqqa tal-mewt bl-elezzjoni ta’ Marine Le Pen bħala president ta’ Franza. Wara dawn id-diżastri, kien mistenni illi l-aħħar sur tad-demokrazija liberali, Angela Merkel titlef l-elezzjoni tal-Ġermanja fil-ħarifa.
Qegħdin f’nofs is-sena u l-affarijiet ċertament ma mxewx kif kienu awguraw l-ewroxettiċi. La Geert Wilders u lanqas Marine Le Pen ma kellhom ir-riżultat mixtieq. Għalkemm Le Pen waslet fit-tieni rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali Franċiżi, Emmanuel Macron rebħilha faċilment. Fl-elezzjonijiet parlamentari tal-Ħadd li għadda, il-partit ta’ Le Pen naqqas sew mill-voti tiegħu u l-anqas ġab 14%. Le Pen kienet tispera illi l-poplu Franċiż ser jappoġġjaha biex Franza toħroġ mill-ewro u eventwalment, tirrinegozja t-trattati Ewropej sabiex Franza terġa’ tieħu ħafna mis-sovranità nazzjonali. Il-kampanja ta’ Macron mill-banda l-oħra kienet apertament pro-ewropeista u fir-rallies tiegħu, il-bnadar Ewropej kienu jitħalltu ma’ dawk franċiżi. U l-għażla tal-poplu Franċiż hi ċara daqs il-kristall.
Ħaġa tal-iskantament imma f’dawn l-aħħar xhur, il-mewġa populista fl-Ewropa battiet sew. L-istħarriġ tal-opinjoni qed konsistement juru illi qed jiżdiedu n-nies illi japprovaw il-mod kif inhi miexja l-Unjoni Ewropea. Fi stħarriġ tal-Pew Research Center, 54% tal-poplu tar-Renju Unit fejn sena ilu maġġoranza vvutat sabiex il-pajjiż joħroġ mill-UE stqarrew illi jappoġġjaw l-UE. Bla dubju l-fatt illi l-ekonomija tal-ewrożona u tal-UE qiegħda titjieb wara snin tssew qliel qed jaffetwa wkoll l-opinjoni pubblika. Imma probabbilment l-akbar fattur f’din il- bidla fl-opinjoni pubblika huwa l-iżviluppi illi kellna matul dan l-aħħar sena fl-istess Renju Unit.
Wara illi kważi sena ilu bl-eżatt, fit-23 ta’ Ġunju 2016, il-poplu tar-Renju Unit ivvota sabiex il-pajjiż joħroġ mill-UE, il-Prim Ministru Cameron irriżenja dritt. Wara tellieqa qasira, il-ministru tal-intern, Theresa May laħqet kap tal-partit konservattiv u għaldaqstant, saret Prim Ministru. May uffiċjalment kienet favur illi r-Renju Unit jibqa’ fl-UE. Imma fil-fatt, ftit li xejn tniffset waqt il-kampanja referendarja. U meta laħqet Prim Ministru, nisslet il-famużi kliem “Brexit means Brexit”, kliem li fir-realtà ma jfisser xejn. Matul din is-sena, ipprovat tadotta linja iebsa mal-Ewropa u stqarret illi jkun aħjar jekk minflok ftehim ħażin, ma jintlaħaq l-ebda ftehim. F’kelma waħda, ir-Renju Unit joħroġ mill-UE, mis-suq waħdieni u anke mill-għaqda doganali u jibdew japplikaw it-tariffi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ bħalma hu l-każ ta’ dawk il-pajjiżi illi m’għandhomx ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-UE. Dan hu dak illi jissejjaħ “hard Brexit”, l-eħrex fost il-forom kollha possibbli ta’ rapport bejn ir-Renju Unit u l-UE. Bażikament, ir-Renju Unit ikun fl-istess pożizzjoni ta’ pajjiż bħall-Amerika u filwaqt li ma jkollu l-ebda kummerċ preferenzjali mal-UE, ikun jista’ jikkonkludi l-ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ min irid hu. Ta’ min ifakkar illi fil-preżent, tali ftehim ta’ kummerċ ħieles jista’ jiġi nnegozjat biss mill-UE u mhux mill-pajjiżi membri.
Għax verament jekk ir-Renju Unit illi huwa daqshekk f’saħħtu fis-settur tas-servizzi ma jibqax ikollu aċċess għas-suq waħdieni, id-daqqa għall-ekonomija ser tkun tremenda Joe Ellis
Il-pjanijiet ta’ May madankollu sfaxxaw fix-xejn wara r-riżultat tal-elezzjoni tal-ġimgħa l-oħra. Minflok ma May saħħet il-maġġoranza żgħira li kellha, spiċċat bla maġġoranza wara l-kampanja diżastruża li kellha. Biex ikollha maġġoranza, trid l-appoġġ tal-partit tal-unjonisti tal-Ulster li kien twaqqaf mir-Reverendu Ian Paisley illi l-kelma favorita tiegħu kienet “Le”. Mhux ser ikun faċli tassigura l-appoġġ tal-Ulstermen illi għandhom esperjenza twila ta’ negozjati fit-tul mal-Kattoliċi tas-Sinn Fein. Minkejja illi t-taħdidiet bdew dritt wara r-riżultat elettorali, s’issa għad m’hemmx ftehim formali mad-DUP u mhuwiex eskluż illi tali ftehim ma jintlaħaqx sa nhar l-Erbgħa meta ser jiftaħ il-Parlament bid-diskors mit-Tron.
Huwa f’dan l-isfond illi fetħu d-diskussjonijiet tal-Brexit bejn in-negozjatur prinċipali Ewropew, Michel Barnier u s-segretarju tal-istat għall-ħruġ mill-UE, David Davis. Id-dgħufija tal-pożizzjoni Brittanika hija ċara, dgħufija illi żdiedet sew wara d-diżastru elettorali ta’ May. Mentri r-Renju Unit kien qed jinsisti sa ftit ilu illi t-taħdidiet jittrattaw fl-istess ħin it-termini tal-ħruġ (u speċjalment il-kont li jridu jħallsu l-Ingliżi), id-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej fir-Renju Unit u tal-Ingliżi fl-UE u r-rapporti futuri, l-UE kienet qed tinsisti illi t-taħdidiet fuq ir-rapporti futuri ma jibdewx qabel ma jintlaħaq progress sostanzjali dwar il-ħruġ u d-drittijiet taċ-ċittadini. Din il-ġimgħa mingħajr daqq ta’ trombi, ir-Renju Unit aċċetta l-pożizzjoni tal-U.E.
Id-dgħufija u l-istat tal-konfużjoni tar-Renju Unit qed jidher ukoll bil-fatt illi llum ħadd ma jaf preċiż x’tip ta’ rapport futur mal-UE jrid ir-Renju Unit. Kieku jista’ r-Renju Unit jipposponi t-taħdidiet imma l-Ewropej qed jagħmlu pressjoni kbira sabiex jibdew u diġà għaddew tliet xhur mill-perjodu ta’ sentejn previst fl-artiklu 50. Wara r-riżultat elettorali, l-għażliet kollha reġgħu ġew fuq il-mejda. Fejn qabel l-elezzjoni, May kienet mistennija illi tkeċċi lill-Ministru tal-Finanzi tagħha, Philip Hammond (imlaqqam “Spreadsheet Phil”), id-dgħufija tagħha wara l-elezzjoni ġegħlitha tikkonferma lilu u kważi l-kabinett kollha.
Nhar il-Ġimgħa, Hammond tkellem fi Brussel u għamilha ċara illi fit-taħdidiet dwar il-Brexit, il-ġid ekonomiku għandu jingħata prijorità fuq il-kontroll tal-immigrazzjoni. Jidher illi Hammond flimkien mal-ministru tal-intern Amber Rudd u Damien Green illi effettivament sar deputat Prim Ministru, ilkoll kemm huma Remainers, qed jimbuttaw għal “soft Brexit” fejn ir-Renju Unit ma joħroġx mill-għaqda doganali u possibilment l-anqas mis-suq waħdieni. Għax verament jekk ir-Renju Unit illi huwa daqshekk f’saħħtu fis-settur tas-servizzi ma jibqax ikollu aċċess għas-suq waħdieni, id-daqqa għall-ekonomija ser tkun tremenda.
wieħed aktar u aktar irid isaqsi kemm jagħmel sens illi jabbanduna r-rapporti privileġġjati ma’ suq ta’ 500 m ħalli tikkontrolla l-immigrazzjoni meta inti għandek bżonn l-immigranti Joe Ellis
Il-problema għal May u l-Brexiteers bħal David Davis, Boris Johnson u Liam Fox hi illi l-aċċess għas-suq waħdieni jfisser illi r-Renju Unit ikollu jibqa’ jaċċetta l-libertà tal-moviment tal-persuni u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jidher illi l-poplu Ingliż u anke l-Partit Laburista illi mar ħafna aħjar milli kien mistenni fl-elezzjoni mhuwiex lest illi jissagrifika l-ġid ekonomiku għall-pożizzjoni ideoloġika tal-Brexiteers. M’hemm l-ebda mod kif wieħed jinkwadra ċ-ċirku u l-għażliet kollha huma jikkomportaw xi żvantaġġ jew ieħor. U l-aktar ħaġa ironika hi illi fuq kollox ir-Renju Unit għandu bżonn in-nies mill-kontinent u issa illi dawn bdew jixxuttaw, qed jaffaċja problemi kbar f’bosta setturi bħal dawk tas-saħħa. Għaldaqstant, wieħed aktar u aktar irid isaqsi kemm jagħmel sens illi jabbanduna r-rapporti privileġġjati ma’ suq ta’ 500 m ħalli tikkontrolla l-immigrazzjoni meta inti għandek bżonn l-immigranti.
Ċertament din mhux l-aktar siegħa feliċi u brillanti tar-Renju Unit, interessanti kemm hi interessanti. Imma mill-banda l-oħra, Brexit ġabet għaqda liema bħalha fil-kontinent, għaqda illi tawgura illi jsir progress u żvilupp sostanzjali fil-mixja għal aktar integrazzjoni Ewropea. Dan diġà qed narawh fil-qasam tad-difiża u r-riċerka li għandha x’taqsam, oqsma li fihom għal snin twal ir-Renju Unit kien iwaqqaf kwalunkwe kooperazzjoni.
L-isfortuna ta’ nazzjon li darba kien kbir qiegħda tgħin ħalli jissaħħaħ kontinent illi ċertament għandu bżonn illi jerġa’ jiġi fuq saqajh. Il-mistoqsija illi issa bosta bdew isaqsu hi jekk l-opinjoni pubblika brittanika hiex ser tagħraf illi l-vot tas-sena l-oħra kien żball u r-Renju Unit jibdel id-direzzjoni li ħa. Għalkemm ħadd ma jilgħab il-flus li dan ser iseħħ, f’dan il-punt assolutament xejn mhu eskluż.