opinjoni | Dak li rriġetta l-poplu Malti
Simon Mercieca jgħid li llum, il-blogg ta' DCG huwa l-akbar mażżra li għandu m'għonqu l-Partit Nazzjonalista u jgħid li Glen Bedingfield huwa bħala imma l-blogg tiegħu bil-Malti
Għal mistoqsija, x'messaġġi ntbagħtu mir-riżultat elettorali, ir-risposta tiegħi hija waħda ċara. L-elettoral ma japprezzax lil dawk li jużaw lingwaġġ goff jew addirittura kattiv. Naħseb li dan jgħodd għaż-żewġ partiti.
Ejja nieħdu l-Partit Laburista. Hemm il-każ tad-deputa mexxej Chris Cardona. Cardona kien wieħed li fl-istrutturi tal-Partit uża kliem iebes kontra l-avversarji tiegħu u jibqa’ magħruf għal frażi tas-sejf u mannara. Dawn it-tip ta’ frażijiet huma popolari mal-istrutturi tal-partit u kellu suċċess fuq livell personali f’dawn l-istess strutturi. Iżda l-istess ma jistax jingħad mal-elettorat. Żgur li Cardona ma jistax jattribwixxi r-riżultat elettorali li kellu għal nuqqas ta’ exposure politiku. Il-verità hija li ma telgħax minn żewġ distretti. Tela’ minn wieħed biss u f’distrett minnhom Agius Decelis, illum segretarju parlamentari, mar aħjar minnu. L-istess jista’ jingħad għal Glenn Bedingfield. Dan hu kreatur ta’ blogg, li jħabbatha ma’ dak ta’ Daphne Caruana Galizia. Tagħha bl-Ingliż, ta’ Bedingfield bil-Malti. Ħareġ fuq żewġ distretti, it-tnejn qawwija mal-Labour. It-tieni distrett hu fortizza Laburista u forsi għal ħafna dan hu distrett fejn il-lingwaġġ ta’ Bedingield jinżel għasel. Iżda le. Ma appellax. Fuq dan id-distrett, Chris Agius, bniedem tal-familja u tal-affari tiegħu, mar tajjeb. Agius mhux wieħed minn dawk li jweġġa’ n-nies b’ilsienu. Tela’ kif jgħidu, bis-saħħa tiegħu.
Żgur li l-analiżi li qed issir min-numru ta’ esponenti li Farrugia serqet siġġu għall-Partit Nazzjonalista hija żbaljata. Mingħajrha, il-PN kien imur ħafna agħar u t-telfa kienet tkun ikbar
Iżda din l-analizi tgħodd ukoll għall-Partit Nazzjonalista. Fil-kamp Nazzjonalista ġara l-istess. Kandidati meqjusa bħala super candidates, bħalma kien David Thake, Salvu Mallia u Wayne Hewitt marru ħażin ħafna. L-aħħar tnejn lanqas inġabru. Dawn kienu meqjusa l-wiċċ il-ġdid tal-partit. Kienu l-prova li l-Partit Nazzjonalista ħaddan il-modernità u l-ateizmu. Bħalma kien fil-każ tal-Labour, lanqas hawn l-elettorat ma apprezza dan it-tip ta’ lingwaġġ. Hawn ukoll, bħalma ġara fil-Labour, il-bażi kienet wara dawn it-tip ta’ kandidati. Meta twaqqaf il-programm ta’ Thake, inqala’ irvell fil-Partit Nazzjonalista. Wassal biex kellhom jerġgħu jħalluh jittrasmetti. Fil-proċess, ħareġ kemm kienet dgħajfa l-amministrazzjoni tal-partit u kemm kienet maqtugħa min-nies.
Dan ma jfissirx li l-Laburisti jew in-Nazzjonalisti ma jfittxux dawk li jqisu li kienu dejjem magħhom. Naħseb din tispjega s-suċċess ta’ Agius u Agius Decelis u anki ta’ kandidati oħra fosthom Michael Falzon li din id-darba tela’ fuq żewġ distretti. Hemm messaġġi oħra li bagħatu l-elettorat. Żgur fil-kamp Laburista, ma kinux apprezzati dawk il-kandidati li ġew min-naħa l-oħra. Dawn ma telgħux. Forsi din tidher stramba fis-sens li kien hemm numru ta’ votanti ġodda għal-Labour f’din l-elezzjoni li mxew min-naħa tal-PN. Biss xorta ma kinux kapaċi jtellgħu dawk li qabel kienu man-Nazzjonalisti, waqt li naħseb, kandidati meqjusa bħala “tal-familja” bħalma huma Deo Debattista, Silvio Parnis u anki Chris Agius, biex insemmi ftit, serqu mill-vot Nazzjonalista, issa li dan il-partit abbanduna l-motto tiegħu ta’ Religio et Patria.
Naħseb li l-istess ġara fil-kamp Nazzjonalista, anki jekk hawn, il-kandidati li ġew mil-Labour ma marrux direttament mal-Partit Nazzjonalista. Infatti, kellna ftit ta’ differenza, għaliex dawk li qabel kienu ħarġu mil-Labour, waqqfu partit għalihom. Naħseb is-suċċess ta’ Marlene Farrugia fuq l-għaxar distrett hu aktar marbut mal-kredenzjali tagħha favur l-ambjent u n-nuqqas ta’ kandidati miż-żewġ naħat li jispiraw l-elettorat ta’ dan id-distrett. F’dan il-kuntest, naħseb li l-aktar li mar ħażin kien Manuel Mallia. Naħseb li l-kandidatura ta’ Marlene Farrugia kienet il-fattur għala Manuel Mallia ma telax. Żgur li l-analiżi li qed issir min-numru ta’ espontenti li Farrugia serqet siġġu għall-Partit Nazzjonalista hija żbaljata. Mingħajrha, il-PN kien imur ħafna agħar u t-telfa kienet tkun ikbar.
Fuq kollox ma naqbel xejn ma’ dawk l-opinjonisti li qegħdin jipprovaw jiġġustifikaw il-bloggs ta’ Daphne Caruana Galizia. Waqt li ma għandix dubju li Daphne Caruana Galizia tat kontribut u għenet biex iġġib numru ta’ eletturi, li fl-2013 ivvutaw Labour, lejn il-PN minħabba dak li kixfet dwar il-korruzzjoni, l-attakki personali tagħha fuq in-nies, is-sens ta’ superjorità u t-tip ta’ kitba ppersonalizzata, ma għenet xejn lill-Partit Nazzjonalista. Anzi jekk ġabiltlu l-voti minħabba l-korruzzjoni u l-istejjer li tkellmet dwarhom, wasslet ukoll biex tellfet il-voti lill-PN minħabba l-attakki vitroliċi tagħha u wisq nibża’ li dawk li telqu mill-PN minħabba l-kitba tagħha, qatt ma huma ġejjin lura. Illum dan il-blogg huwa l-ikbar mażżra li l-Partit Nazzjonalista għandu m’għonqu.
Fuq kollox, mill-mod ta’ kif waqqgħu d-distretti għall-elezzjonijiet każwali, iż-żewġ partiti jridu jeleġġu l-kandidati preferiti tagħhom anki jekk in-nies tad-distrett ma jriduhomx. Il-Labour waqqa’ kemm it-tieni u l-ħames distrett, jiġifieri d-distretti li fuqhom ħareġ Glenn Bedingfield biex assigura li huwa jitla’, waqt li l-Partit Nazzjonalista għamel manuvri biex ikun żgur li jitilgħu ċerti kandidati u mhux oħrajn.
Simon Mercieca huwa opinjonista