Intietef mill-Presidenza ta’ Malta: Jien kont hemm

  • Iltqajt ma’ komunitajiet Għarab, Torok, Portugiżi, Pollakki, Taljani, Afrikani , eċċ u kultant ma’ xi Belġjan ukoll

Sealed with a Kiss - ritratti Ray Attard
Sealed with a Kiss - ritratti Ray Attard

 

DATA: Is-Sibt 10 ta’ Diċembru 2016. Ġurnata li offrietli dimensjoni u esperjenza oħra fil-karriera ġurnalistika tiegħi. Ġejt Brussell bil-għan li nsegwi l-presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew, grazzi wkoll għall-editur tal-ILLUM, Albert gauci Cunningham u Saviour Balzan li aċċettaw ix-xewqa tiegħi u l-isfida ġdida tiegħi b’idejhom miftuħa.

Kif wasalt hawn indunajt li kont qisni ħuta barra mill-ilma u f’daqqa waħda sibt ruħi li hawn lil ‘Bużu’ ma jafu ħadd. Kont nimxi fit-triq u ma jsellimli ħadd meta Malta kont imdorri kulħadd isellem u jgħaddili xi kumment jew dwar football inkella politika u x’naf jien. Bdejt nimxi waħdi fit-toroq ta’ Brussell, f’kesħa xxoqq il-għadam bil-pjazez kollha mimlija nies fil-Christmas Markets u xiri sfrenat tal-Milied. Inzertajt mort fl-aħjar żmien tas-sena. Niftakar li l-ewwel impatt tiegħi kien kemmxejn negattiv  meta nnutajt kif il-belt Kapitali Ewropea kienet mifnija b’nies jittallbu u jgħixu fit-triq u mimlija b’suldati armati jduru man-nies.

Kien ftit ta’ xokk għalija iżda drajthom ukoll. L-entużjasmu kien kbir li fl-aħħar irnexxili ngħix barra art twelidi. Tgħallimt minn fejn nagħmel il-groceries tiegħi, li  għall-bidu bdejt inħallas biz-zalza sa ma sibt dawk aktar irħas. Wara li dort sew il-postijiet turistiċi ta’ Brussell fejn madwari bdejt niġi bumbardjat b’kull lingwa imaġinabbli, bdejt ukoll inħuf maż-żoni l-oħra ta’ Brussell u hawn tgħallimt xi tfisser integrazzjoni meta iltqajt ma żoni kbar b’razez etniċi differenti, Marokkini, Palestinjani, Torok, Afrikani, Kongoliżi,Taljani, Portugiżi, Spanjoli, Ċiniżi, Iraqqini, Pollakki, Rumeni, Russi, Bulgari, insomma u xi Belġjani wkoll.

Wara ftit jiem li qattajt biex nambjenta ruħi fi Brussell, waslu l-festi tal-Milied li jien għażilt li nqattaghom fl-Olanda flimkien mas-sieħba tiegħi li wara kollox kienet il-persuna li kaxkritni magħha lejn il-Belġju. Mar-ritorn tiegħi fil-belt kapitali Belġjana sibt tistennieni l-presidenza u x-xogħol u l-esperjenzi li ġġib warajha. La jien u l-ebda ġurnalist Malti ma kellna xi tip ta’ esperjenza tal-presidenza Maltija u x’tirrikjedi, għax kienet esperjenza ġdida għal kulħadd, bil-prim ministru b’kollox.

Bdejt ngħarrex u ndur biex nipprova nidħol fin-‘network’ tal-istituzzjonijiet Ewropej, ma kinitx faċli għax anke hawn trid issib lil min taf biex jirnexxilek tinfiltra. Trid tkun int li tgħarrex u tfittex minfejn se tidħol u l-kuntatti tiegħek trid tibnihom mill-ġdid. Għalkemm ma nistax ma nsemmix persuna li għenitni ħafna nintegra f’dawn l-istituzzjonijiet, speċjalment fil-Parlament Ewropew, Karl Agius l-assistent tad-deputat Parlamentari Ewropew, Therese Comodini Cachia, li għeni kemm felaħ biex nidħol fil-‘maze’ u burokrazija kbira li teżisti fl-istituzzjonijiet Ewropej. Għax ngħiduha kif inhi fi Brussell trid tkun int li tidħol fin fin biex tkun taf kollox u lil min, iżda xorta trid issib xi tip ta’ għajnuna min forsi jbexxaqlek ftit il-bieb u Karl Agius kien l-għajnuna tiegħi.

Il-Presidenza bdiet

Minn hawn irnexxieli nintegra sew fl-istituzzjonijiet kollha, sirt membru wkoll u attendejt xi seminars tal-Press Club ta’ Brussell fejn tgħallimt sew kif ninfiltra sew fl-istituzzjonijiet Ewropej u kif inkun naf x’qed jiġri u x’se jiġri. Bdejt inkun preżenti fil-kuriduri tal-Parlament u tal-Kunsill ewropew. Għamilt kuntatti kbar f’Dar Malta, fejn hawn sirt naf li kien hemm speċi ta’ villaġġ żgħir b’aktar minn 200 persuna jaħdmu qatigħ għal presidenza. Fit-toroq ta’ ħdejn l-istituzzjonijiet kont tilmaħ gruppi żgħar ta’ rġiel u nisa lebsin bix-xalla tal-presidenza Maltija jew ingravata ħamra, lebsin eleganti, iħaffu saqajhom minn laqgħa għall-oħra u jitkellmu bil-lingwa Maltija. Għall-erwieħ fl-aħħar erġajt smajt il-lingwa tiegħi li tant inħobb fit-toroq ta’ Brussell.

Bdiet il-ħidma tiegħi tal-presidenza, Il-kuriduri tal-Parlament Ewropew iddewdu bil-Maltin. Ministri, segretarji Parlamentari, membri parlamentari Ewropej (anke dawk mill-poppożizzjoni) bdew iħufu f’dawn il-kuriduri. Kollha kemm huma mdawrin mis-‘suldati tal-azzar’ tagħhom. Kulħadd jippoppa sidru, isellmulek ta’ fuq fuq, waqt li jibqgħu għaddejjin iħaffu għax wasal il-ħin tal-glorja tagħhom. Ftit minuti li fihom riedu jwasslu l-prijoritajiet tal-presidenza bil-membri Nazzjonalisti jiġru warajhom u flimkien ma’ xi erbat iħbieb tagħhom jniggżuhom bil-Panama. Ħafna mill-ministri u segretarji Parlamentari injorawhom, filwaqt li oħrajn weġbuhom b’xi kontrattakk fuq dak li kien isir qabel taħt in-Nazzjonalisti. Ikolli nammetti li l-ewropej ftit jew xejn interessahom mill-politika lokali, kien jinteressahom biss xi prijorita kellha Malta li tolqot lil pajjiżhom.

Segwejt lil-membri tal-gvern kollha, ħadtilhom kummenti fejn bla dubju li l-aktar kumment li laqatni kien ta’ Evarist Bartolo meta qabbel l-intervent ta’ Therese Comodini Cachia dwar l-allegat każ ta’ korruzzjoni fil-ministeru tiegħu ma’ dak tal-istejjer tan-nanna venut li ġiet mill-Awstralja. Tlabt ukoll xi kummenti tal-membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti li kollha kienu ffukkati fuq pajjiż wieħed (li mhux Ewropew) IL-PANAMA. Dwar prijoritajiet, suċċess jew le, ma kien jinteressahom xejn ħlief fuq il-kontijiet tal-Panama. Il-ġurnalisti maltin jidhru li anke huma kienu ffukati u jinteressahom ukoll il-Panama fejn kienu jitilgħu bi ħġarhom kulmeta kien jitfaċċa Konrad Mizzi. U dan kif itemm l-intervent tiegħu b’ġirja sħiħa għal lif kien jaqta l-għatx bil-perżuta lil kull ġurnalist Malti billi ma kien iwieġeb xejn mill-mistoqsijiet tagħhom.

Insomma jibqa fatt li għalkemm kont iddeċidejt li naqta ftit mill-politika lokali Maltija, din ittellgħet fi Brussell ukoll u kelli nibqa’ nisma dak kollu negattiv li riedet twassal l-oppożizzjoni. Mhux għax ma kelliex dritt twassal l-ilmenti tagħha, iżda fl-opinjoni tiegħi hemmhekk ma kienx il-post propizju meta Malta kienet fil-mira tal-Ewropa u mill-presidenza setgħet takkwista biss punti għoljin mill-ewropej kollha. Il-ġurnalisti maltin li telgħu għal xi scoop tal-Panama jirritornaw lura b’idejhom vojta u jien bqajt waħdi hemm indur fil-kuriduri tal-Parlament nistaqsi dwar il-prijoritajiet tal-presidenza fejn iltqajt ħafna wkoll mal-kollega Norma Saliba li għalkemm kienet ġejja u sejra minn Malta għal Brussell kienet preżenti ħafna f’din il-presidenza. Bil-ħaqq l-unika darba li ltqajt mal-Kap tal-oppożizzjoni Simon Busuttil kien kumbinazzjoni meta kien hemm Konrad Mizzi wkoll. Għalkemm qalli li kien hemmhekk biex jipprepara għal kungress tal-PPE li kellu jsir Malta ftit ġimgħat wara u mhux biex jillobbja xi tip ta’ attakk fuq Konrad Mizzi. U dan ‘emmintu’ għax fil-fatt waqt il-prezentazzjoni ta Mizzi kienu biss il-Maltin u xi tnejn oħra li semmewlu l-Panama, allura jew il-lobbying ma rnexxiex inkella vera ma llobbjax!

Il-Ħaddiema Maltin fi Brussell: ‘The Unsung Heroes’

Imma l-presidenza ma kinitx il-Panama, il-presidenza Maltija kienet ix-xogħol siewi li dawk il-mijiet ta’ ħaddiema maltin mill-akbar wieħed sal-inqas wiħed li ma waqfux jaħdmu biex din il-presidenza tkun suċċess. U hawn fejn ħassejtni kburi li wassalt leħinhom kemm flaħt għax dawn huma l-‘Unsung heroes’.

Mill-amabaxxatriċi Marlene Bonnici u d-deputat Neil Kerr, sal-ambaxxatur Ray Azzopardi, l-attaches kollha, is-senior policy officers, il-policy officers u l-assistenti kollha, flimkien mal-media team immexxija minn Pablo Micallef u Wendy Borg u l-fotografu bravu Ray Attard, b’Cyrus Enegerer jiġri mal-ministri konċernati, dawn ma waqfu qatt.

Jien kont hemm magħhom diversi drabi, iltqajt magħhom, wassalt xogħlhom kemm stajt, għax kollha kemm huma taw sigħat twal, sigħat li wassluhom sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu, weekends jaħdmu f’darhom, bla leave, bla waqfien, biex jippruvaw joħolqu qbil mas-27 stat ewropew biex l-prijoritajiet u l-files jaslu sal-coriper meetings u fil-Kunsill Ewropew tal-ministri. Biex fl-aħħar mill-aħħar ikunu l-Minsitri li jieħdu l-prosit ta’ dak ix-xogħol enormi li jkun sar minn dawn il-ħaddiema. Ara m’inhix ngħid li l-ministri ma jaħdmux ta, imma ejja nsemmi fi żmien l-elezzjoni, meta dawn kienu assenti minn Brussell minħabba l-kampanji personali tagħhom, il-files baqgħu jingħalqu! Għalkemm hawn min  jgħid li x-xogħol kien sar diġa.

Jibqa fatt li xorta l-akbar mertu għandu jmur lejn dawn il-ħaddiema li ma jafhom ħadd, ħlief forsi ftit jien għax kont hawn preżenti. Ħaddiema li ħadu l-grazzi tagħhom meta l-prim ministru żarhom eżatt matt-tmiem tal-presidenza, u f’kelmtejn qosra irringrazzjahom u sellmilhom (mingħajr ma ħa xi pastizz jew tazza ilma magħhom għax kien mgħaġġel). Pero wegħdhom li xogħlhom u l-esperjenza li ġabru tul dawn is-sitt xhur mhux se jintesa u l-gvern Malti se juża din l-esperjenza li akkwsitaw għal ġid ta’ pajjiżna. Sadattant hemm minnhom li diġa ġew offruti xi pożizzjoni u oħrajn li telqu jew qed ilestu biex jirritornaw minfejn ġew bla kliem u bla sliem. Forsi għadu kmieni biex wieħed jara x’se jsir minn din l-esperjenza tagħhom fejn ikun żball jekk din l-esperjenza li tant il-gvern Malti investa fiha l-eluf kbar ta ewro tinħela hekk u tintemm ħesrem.

L-elezzjoni

Kuntenti bis-suċċess (ritratti ray Attard)
Kuntenti bis-suċċess (ritratti ray Attard)

Waqt li l-momentum kien tiela sew, faqqgħet l-elezzjoni ġenerali f’Malta. Ikolli nammetti li nħsadt. Staqsejt lili nnnifsi, “Kif waqt li ersaqna lejn tmiem din il-presidenza jieqaf kollox ħesrem?”. Għaddieli minn moħħi wkoll (anke jekk ftit kelli dubji fejn sejra r-rebħa elettorali) li jekk tintrebaħ mill-partit nazzjonalista, kien se jkun hemm xi ħaġa bla preċedent fil-presidenza Maltija. Tkun infetħet mill Partit Laburista u tingħalaq mill-Partit Nazzjonalista. Naqra stramba imma setgħet seħħet realment, id-differenza kienet biss ta’ ’40,000’ vot!. Il-ministri u segretarji Parlamentari fi Brussell sparixxew, issa kien moħħhom biss fil-voti u s-siġġu parlamentari Malti. Ix-xogħol waqa kollu kemm hu fuq il-ħaddiema ta’ Dar Malta u anke dawk taċ-ċivil (l-esperti) ta’ Malta. Inħass nuqqas fi Brussell. Il-mod ta’ kif kienu jħarsu lejna l-ewropej bħala l-organu għoli fil-Kunsill ewropew, donnu beda jnin. It-tmiem tal-presidenza deher aktar viċin u flok intemm ‘with a bang’ ħassejt li kien hemm ħarqa sabiħa ta’ murtali bil-kulur li kien nieqes mill-bomba tal-egħluq.

Il-ftuħ kien qawwi izda l-egħluq kien kemmxejn ta’ ‘anti climax’ u dan seta wieħed jarah anke fid-diskors tal-egħluq tal-Prim Ministru Malti u anke fil-kunċert tal-egħluq li żgur ma kellux x’jaqsam ma’ dak tal-ftuħ fejn l-entużjasmu kien wisq akbar.

Wassalt il-leħen ta’ Brussell lil Maltin

Minn naħa tiegħi għamilt minn kollox biex inwassal leħen il-Maltin ta’ Brussell u anke tal-presidenza Maltija fi Brussell lill-qarrejja tagħna. Għexieren ta’ intervisti ma’ nies u personalitajiet fi Brussell wasslu biex ippruvajt nagħti indikazzjoni ta’ dak li kien qed isir hawnhekk.

Intervistajt ukoll Maltin li ilhom snin jaħdmu fi Brussell bħal David Stellini, Franklin Mamo, Peter Agius, Lorenzo Vella (l-unika vittma Malti f’attakk terroristiku), Marlene Bonnici, Neil Kerr, Ray Azzopardi, Karmenu Vella, lil xi membri parlamentari Ewropej bħal Miriam Dalli u Therese Comodini Cachia, lil diversi Ministri bħal Ian Borg u Helena Dalli, dak li fetaħ il-presidenza u dik li għalqitha, lil prim Ministru, lil kap tal-oppożizzjoni u ħafna oħrajn. Għalkemm waħda mill-aktar intervisti ta’ livell għoli  li tibqa fil-memorja tiegħi kienet dik mas-segretarju Ġenerali tan-NATO.

Ian Borg fetaħha hu flimkien ma’ Louis Grech iżda għalqitha Helena Dalli (ritratti ray Attard)
Ian Borg fetaħha hu flimkien ma’ Louis Grech iżda għalqitha Helena Dalli (ritratti ray Attard)

 Wassaltilkom servizzi ta’ dak li kien qed jiġri fi Brussell, mill-karnival ta’ Binche sal-gay pride parade li kienet esperjenza kbira għaliha li ħadt sehem fiha.

Kont preżenti wkoll f’Malta mat-team tal-Epsco waqt l-informal meeting tagħhom u stajt nara x-xogħol kbir tagħhom fejn anke wassaltu b’mod mill-aktar ġenwin li stajt. Anke l-konferenza ġenerali tas-CPMR li saret f’Għawdex kont preżenti għaliha. Attendejt ukoll għal plenarja fi Strasburgu meta l-Prim Ministru kien ‘iggrilljat’ wara r-rebħa kbira elettorali bli spettru tal-Panama li nerġa ntenni ftit jew xejn jidher li tagħmel daqshekk impatt fl-Ewropa.

Insomma kienet esperjenza mill-isbaħ u bħal kull ħaġa oħra kull bidu fih it-tmiem u hekk ukoll intemmet din l-esperejnza tiegħi fi Brussell kif ukoll l-esperjenza Maltija fil-presidenza.

F’din l-esperjenza iltqajt ma ħafna personalitajiet politiċi u m’humiex. Iltqajt ma sitwazzjonijiet li qatt ma kont esperjenzajthom f’sittin sena ta’ ħajja. Iltqajt ma realtajiet li fi gżira bħal Malta ma tista teseprjenzahom qatt. Għext il-kesħa, f’temp griż u tedjanti u anke rnexxieli ndur kemm nista l-Belġju l-ewropa ċentrali bit-tren, xi ħaġa li minn malta ma tista tagħmilha qatt. Skoprejt ukoll li l-Belġju mhux Brussell biss u għandu ħafna x’joffri, għalkemm nibqa nippreferi l-ikel Malti aktar minn dak Belġjan u anke x-xemx.

Il-grupp EPSCO jieħu ritratt tal-okkażżjoni – l-Unsung heroes (ritratti Ray Attard)
Il-grupp EPSCO jieħu ritratt tal-okkażżjoni – l-Unsung heroes (ritratti Ray Attard)

Insomma issa nħarsu għall-avventura oħra wara li ddeċidejt li nagħlaq il-presidenza b’mawra fil-Ġappun, inżur lill-ibni u l-wild ġdid tiegħu.

au revoir

 

 

 

More in Blogs