Opinjoni | Dak li għandi; Dak li jien
'Sirna naqgħu u nqumu mhux biss mill-proxxmu ta’ maġenbna, imma sirna niġu altament nitmejlu minn uliedna stess. L-importanti x’għandi jien, x’għandi llum'
Issib li dawk li jħobbu jaqraw ħafna spiss ikollhom dak il-ktieb jew sett żgħir ta’ kotba partikolari li jibqgħu għeżież aktar minn kotba oħrajn. Jaf ikun xi xogħol li jimpressjona ħafna lil dak li jkun; jew li jkollu setgħa li saħansitra jibdel il-ħajja tal-qarrej; jew inkella, mal-mogħdija ta’ żmien, jinbidel f’memorja, aktarx ħelwa, u li allura jsir speċjali.
Fis-sett tiegħi ta’ kotba li ħallew marka fuqi hemm dan il-ktieb ta’ Erich Fromm, To Have or To Be?, maħruġ fl-1976 li kont qrajt meta kont il-Liċeo jew fil-bidu tal-kors l-università. Fromm, li kif jistqarr huwa stess kien ispirat mill-kritika ta’ Marx għall-kapitaliżmu, joħloq distinzjoni bejn żewġ modi ta’ għejxien: fuq naħa hemm il-kejl tal-għejxien b’dak li int, fuq l-oħra b’dak li għandek. It-teżi ċentrali ta’ To Have or To Be? hija li meta bniedem isejjes ħajtu u l-identità tiegħu fuq dak li għandu, fuq il-proprjetà tiegħu, ikun qiegħed jipperikola ħajtu minħabba t-theddida kontinwa li din il-proprjetà tista’ tintilef. Madankollu, is-sistema kapitalista tinkoraġġixxi lill-individwi biex ikelju l-eżistenza tagħhom mhux fuq min huma, iżda fuq x’għandhom (u aktarx fuq x’ma għandhomx).
F’dan il-ktieb Fromm jargumenta b’mod elokwenti ħafna li l-bniedem modern ġie mogħmi mis-sistemi politiċi u ekonomiċi li jmexxuh, b’tali mod u manjiera li fil-ħsieb l-aktar bażiku tiegħu l-mira hija dejjem li jakkwista – mhux minħabba ġuħ jew faqar, daqskemm minħabba l-ossessjoni li biex tkun irid ikollok. Nazzarda nestendi l-argument ta’ Fromm bil-fehma li l-ossessjoni kibret tant li aktar milli niżnu b’dak li għandna niżnu b’dak li m’għandniex.
l-bniedem modern ġie mogħmi mis-sistemi politiċi u ekonomiċi li jmexxuh, b’tali mod u manjiera li fil-ħsieb l-aktar bażiku tiegħu l-mira hija dejjem li jakkwista – mhux minħabba ġuħ jew faqar, daqskemm minħabba l-ossessjoni li biex tkun irid ikollok Immanuel Mifsud
Jien m’għandix it-tir li nagħmel kummentarju fuq To Have or To Be?, imma jien u nosserva xi ftit dak li qiegħed jiġri madwari rġajt ftakart f’dax-xogħol li kont qrajt f’żgħożiti. Għax naħseb li s-soċjetà tagħna hija maqbuda b’taħbila sħiħa ta’ messaġġi u seduzzjonijiet biex attwalment naħsbu aktar dwar x’għandna (u x’m’għandniex) milli x’aħna.
Ejja ninnutaw kemm importanza tingħata, fid-diskors politiku lokali (u mhux biss) lejn is-suċċessi fl-ekonomija, lejn dak li huwa materjali, li jista’ jitkejjel bil-kwantità u mhux bil-kwalità. Il-messaġġ, sottili u mhux, li nieħdu kuljum, b’doża qawwija fi żmien il-kampanja elettorali, kien li ninsabu tajjeb għax l-ekonomija hija tajba. Ma rridx ninftiehem li qiegħed ngħid li jekk l-ekonomija tmur ħażin se nħossuna tajjeb anzi aħjar: dan mhuwiex possibbli f’ambitu fejn hija l-ekonomija, il-proprjetà, ir-riga li biha nkejlu min aħna. Dan huwa l-aqwa żmien għaliex għandna surplus, għaliex l-ekonomija espandiet. U s-sinjali ta’ dan huma n-numru ta’ karozzi li għandna jduru fit-toroq, id-djar, il-blokki kbar, it-torrijiet, il-krejnijiet tilgħin minn wara kull kantuniera, il-proġetti, l-estensjonijiet ta’ binjiet li ħafna drabi mhumiex meħtieġa, l-istorbju mill-istabbilimenti ta’ ħdejn il-baħar …
Xi xhur ilu kont qed nirritorna minn Washington DC u x-xufier tat-taxi li kien qed iwassalni lejn l-ajruport ta’ Dulles staqsieni mnejn jien. Ma ħadthiex bi kbira li meta weġibtu waqgħet sikta skomda, imma nammetti li ħadt tassew bi kbira l-mistoqsija li x-xufier (ta’ dixxendenza Bangladexi) staqsieni wara l-pawsa: “How’s your economy? Is it good?” Seta’ staqsieni kemm hu kbir, kemm hu żgħir dal-pajjiż; fejn jinsab; x’lingwa għandu … le, dal-kliem ġie biss wara li ddiskutejna l-ekonomija, għaliex dik hija l-mentalità dominant: għidli x’għandek u ngħidlek min int.
Qed nidentifikaw lil Malta u lilna nfusna bħala l-popolazzjoni tagħha skont kemm qegħdin intellgħu bini, jew aħjar, skont kemm qegħdin nisirqu lin-natura Immanuel Mifsud
Tant hija dominanti din il-filosofija, li pajjiżna, jew aħjar dawk li jmexxuh (u hawn miniex nirreferi biss għall-politiċi għax mhumiex biss dawn li jmexxu) li tlifna kull sens ta’ dekor. Din il-ġimgħa ngħataw żewġ permessi għal bini f’żoni li suppost ma jsir ebda ‘żvilupp’ fihom. Nissuspetta li m’aħniex naraw x’qegħdin nagħmlu eżattament. Qed nidentifikaw lil Malta u lilna nfusna bħala l-popolazzjoni tagħha skont kemm qegħdin intellgħu bini, jew aħjar, skont kemm qegħdin nisirqu lin-natura. Sadattant qajla qegħdin nagħtu kas tal-fatt li meta qegħdin nagħmlu dan qed nitilfu mhux biss l-art u l-ħamrija imma qegħdin nitilfu lilna nfusna: qegħdin nagħtu kas x’għandna u ninsew il-min aħna. Agħar minn hekk hija din l-attitudni menefregista li addottajna: talli se nħallukom tibnu fuq art verġni se nitolbukom kumpens monetarju. Bħal dak li qallu l-eluf f’kumpens se jkollhom l-istess effett pożittiv fuq is-saħħa fiżika U mentali tagħna daqs il-ħamrija, il-ħaxix, il-fjuri, is-siġar, il-beraħ! U rrid nemfasizzah dan il-punt: l-għawġ mhuwiex biss fiżiku imma anki mentali.
ngħallmuhom kliem tqil bħas-“saff tal-ożonu” u “żvilupp sostenibbli”. Imma mbagħad, f’wiċċhom stess, ingiddbu dak li ngħallmuhom. Immanuel Mifsud
Hemm dan il-qawl ta’ xi wieħed mill-popli oriġinali tal-Amerka: id-dinja ma writnihiex mingħand l-antenati tagħna iżda ssellifnieha mingħand uliedna. Xi darba, dal-qawl, kien meqjus bħala klixè, imma meta nara l-isfreġju li qegħdin nagħmlu lil din l-art ħelwa jerġa’ jfiġġ f’nofs moħħi, l-istess kif ifiġġu numru ta’ poeżiji li studjajt u li għadni ngħallem sal-lum. Għax din hija oħra tal-mentalità li jkollok minflok li tkun: l-egoiżmu barbaru li nbatu bih. Sirna naqgħu u nqumu mhux biss mill-proxxmu ta’ maġenbna, imma sirna niġu altament nitmejlu minn uliedna stess. L-importanti x’għandi jien, x’għandi llum.
Veru li fil-klassijiet lit-tfal żgħar sirna ntambrulhom il-kelma ‘ambjent’ u veru li nġegħluhom jagħmlu proġetti kontra proġetti fuq id-dinja u l-madwar u ngħallmuhom kliem tqil bħas-“saff tal-ożonu” u “żvilupp sostenibbli”. Imma mbagħad, f’wiċċhom stess, ingiddbu dak li ngħallmuhom. Sirna qisna dak il-missier li jgħajjat ma’ bintu għax qabadha b’sigarett u meta jitla’ l-pjazza ma’ sħabu jaħraq pakkett sħiħ.