editorjal | It-tensjonijiet fostna
'Il-kwistjoni ta’ sigurtà u ta’ gruppi differenti ta’ barranin jgħixu f’pajjiżna hija ħafna iktar kumplessa milli naħsbu'
Il-kwalità tal-ħajja hija mkejla b’diversi modi. Hija mkejla mill-flus fil-but, mill-proprjetà li tgħix fiha, mill-familja, mill-kuntentizza, miċ-ċirku ta’ ħbieb, l-affluenza u mill-kunfidenza fik innifsek kif ukoll mis-sens ta’ sigurtà fik innisfek u anke lil hinn. Jiġifieri l-ġid personali huwa importanti imma mhux biss.
Pajjiż illi fih tibża’ toħroġ f’ċerti ħinijiet jew fejn hemm tensjonijiet soċjali u razzjali qawwijin, mhux qed joffri ambjent idoneu biex il-kwalità ta’ ħajja tal-poplu tkun għolja. Pajjiż illi fih jibdew jinbtu l-ghettos, mhux wieħed illi fih qed togħla l-kwalità tal-ħajja.
Mhux qed ngħidu li Malta hija jew saret dan il-pajjiż. Qed infakkru biss dan fid-dawl ta’ numru ta’ inċidenti wħud ippubblikati fuq il-midja u oħrajn le, li qed iseħħu f’pajjiżna bħalissa. Minkejja li għall-grazzja t’Alla Malta għadu pajjiż relattivament sigur ma nistgħux nippretendu li dan se jibqa’ hekk għal dejjem. Il-ġlieda fil-pjazza ta’ Buġibba miġbuda fuq filmat u mxandra fuq is-sit elettroniku tax-xandir nazzjonali, tista’ tkun sinjal ta’ xi ħaġa ikbar.
Tista’ tkun sinjal ta’ tensjonijiet bejn nazzjonalitajiet differenti li mhux qed tkun ikkunsidrata jew eżaminata biżżejjed. Illum m’għadux il-Malti razzist kontra l-Afrikan jew l-Għarbi, jew għallinqas mhux neċessarjament. Illum għandna sitwazzjoni ta’ tensjonijiet reali bejn il-barrani razzist kontra barrani ieħor. Illum qed inħarsu lejn saffi differenti ta’ persuni barranin, uħud aċċettati oħrajn inqas u oħrajn riġettati mis-soċjetà li qed jgħixu ħdejn xulxin u ma jridux. Għandek gruppi ta’ nies mill-Ewropa tal-Lvant li ma jħarsu xejn pożittiv lejn persuni mill-Afrika ta’ Fuq, pereżempju. Żid dan il-fatt ma’ dħul miżerabbli u prekarju, nuqqas ta’ sodisfazzjon bil-ħajja u livelli għoljin ta’ alkoħol, u xi jkollok? Ġlied, diżordni u ġungla.
L-eluf ta’ Maltin li jgħixu f’ċerti nħawi f’Buġibba jistgħu jixhdu kif Malti/ija li tgħaddi minn ħdejn jew tidħol ġo bar mimli b’persuni Afrikani ftit jew qatt ma tkun fastidjata. Fil-fatt iktar għandha ċans tkun fastidjata jekk tgħaddi jew tidħol fi stabbiliment mimli Maltin. Imma mbagħad x’għandek f’dak l-istess bar b’persuni Afrikani? Għandek min ġej mil-Lvant tal-Afrika, oħrajn ġejjin mill-Punent, għandek nisa u rġiel u għandek ħafna alkoħol li lura fil-pajjiż minn fejn joriġinaw huwa skars. U aħna anke hawn, bejn il-Maltin u l-Għawdxin jeżistu d-differenzi, aħseb u ara bejn pajjiż u ieħor fl-Afrika eluf ta’ mili ’l bogħod. L-‘Afrikani’ huma omoġeni daqs l-Ewropej, f’kelma oħra kull nazzjon huwa separat u l-popli huma differenti u allura huwa minn ewl id-dinja li meta jkollok għexieren ta’ nies minn kulturi differenti, b’użanzi differenti u forsi i preġudizzji kontra xulxin, f’post wieħed, b’ħafna xorb se jinqala’ ċertu ammont ta’ inkwiet u tensjoni.
Jekk Malti jaqla’ €7 fis-siegħa u minnhom iħallas 50ċ taxxa, il-barrani irid jagħmel l-istess
Għalfejn qed ngħidu dan? Qed ngħidu dan, għax din il-kwistjoni ta’ sigurtà u ta’ gruppi differenti ta’ barranin jgħixu f’pajjiżna hija ħafna iktar kumplessa milli naħsbu. Hija ħafna iktar kumplessa minn argumenti b’soluzzjonijiet simplistiċi bħal dik li offra Frank Portelli nhar il-Ġimgħa fuq Dissett, meta ssuġerixxa li nkeċċu 80% ta’ dawk il-persuni barra l-UE li ġew Malta jfittxu x-xogħol.
Biex ma nħallux tensjonijiet jiżdiedu huwa importanti, mhux biss li nżidu l-Pulizija u s-CCTV madwar it-toroq. Jeħtieġ nibdew billi nifhmu minn fejn ġejjin dawn it-tensjonijiet u x’inhi l-kawża tagħhom. Jeħtieġ imbagħad li l-istat jagħti dinjità lil dawk kollha li qegħdin f’pajjiżna u li għandhom dritt ikunu hawn, jeħtieġ li kull min qiegħed pajjiżna u jingħata d-dinjità jħallas l-obbligi tiegħu lejn l-istat. Jekk Malti jaqla’ €7 fis-siegħa u minnhom iħallas 50ċ taxxa, il-barrani irid jagħmel l-istess.
Min-naħa l-oħra, il-Pulizija jeħtieġ tidentifika dawk iż-żoni u anke dawk il-persuni fejn kontinwament qed jinħolqu dawn it-tensjonijiet. Ma’ dawk li darba, darbtejn, tlieta jibqgħu jisfidaw, l-id tal-ħadid tal-ġustizzja jeħtieġ tinżel b’qawwa kbira.
Dan kollu jeħtieġ jintrabat mal-edukazzjoni kontinwa fl-iskejjel u lil hinn biex il-pajjiż ikattar l-għarfien lejn dak li hu divers u differenti. Jeħtieġ li l-esperiment ta’ suċċess permezz tal-iskola ta’ San Pawl il-Baħar kemm jista’ jkun jiġi ripetut u replikat madwar il-pajjiż.
Li tinstiga n-nirien billi tippunta subgħajk lejn ‘il-barranin’ u tappella biex jitkeċċew hija soluzzjoni li fil-fatt ma ssolvi xejn, għax illum tfajt lil dak ’il barra u għada jidħol l-ieħor. Dan biex ma nsemmux li hemm qafas ta’ liġijiet u drittijiet internazzjonali tal-bniedem ma jistgħux jinkisru u jitgħawġu.
L-aħjar soluzzjoni, nemmnu aħna, għalhekk hija mibnija fuq 1) – l-identifikazzjoni, 2) – kontrolli, infurzar u pieni ħorox u 3) – edukazzjoni kontinwa li tiċċelebra d-diversità.
Ma jfissirx li mhux se jkun hemm tensjonijiet, ma jfissirx li xeni bħal dawk li rajna din il-ġimgħa f’Buġibba mhux se jseħħu. Ifisser imma li minflok tlablib li jipperpetwa l-injoranza u l-mibgħeda razzjali, inkunu qed nibdew nifhmu u nsolvu parti mill-isfida.