opinjoni | Iktar drittijiet għalik

'In-nies tkun trid l-eħrex pieni u l-eħrex proċeduri kontra l-arrestati sakemm l-arrestat ma jkunx xi ħadd għażiż għalih'

Il-bidliet li wettaqna fl-aħħar erba' snin qed nibdew naħsdu l-frott tagħhom u tintebaħ b'dan mill-affarijiet iż-żgħar. 

Meta kont għadni nservi ta' avukat u kien jiġini persuna akkużat b'xi ħaġa, kien jiġini b'karta mitwija fejn jitniżżlu l-akkużi kontrih u miegħu mehmuża affidavits u kopja tal-istqarrija. Waqt l-arrest l-iktar li seta' jagħmel kien li jċempilli qabel jagħti l-istqarrija- daqs li kieku jien mid-dar stajt nagħmillu xi ħaġa! U anke dan "id-dritt" kien iddaħħal wara ħafna kwistjonijiet jaħarqu fil-Parlament u wara interventi ta' deputati ta' kuxjenza miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Illum meta persuna tkun akkużata b'xi ħaġa, fi stadju ta' arrest tingħata karta bid-drittijiet tagħha miktuba b'lingwa li tifhem. Jingħatalha d-dritt ukoll li mhux biss iċċempel avukat, imma li jkollha avukat preżenti waqt l-arrest b'regoli ċari li ddaħħlu bi qbil bejn il-Kamra tal-Avukati u l-Pulizija. U għalhekk meta mbagħad jirċievi l-akkużi, l-Avukat ikun diġà għex il-każ miegħu u jista' jagħtih għajnuna u difiża aħjar. U b'hekk ukoll jonqos il-periklu – veru jew mistħajjel – ta' ksur ta' drittijiet tal-bniedem bħal frame ups u arresti illegali.

Dawn id-drittijiet kollha ma kinux jeżistu qabel l-2013. Il-Pakistan biss ma nafx jekk għandhomx dawn id-drittijiet. Li hu żgur hu li l-fatt li dawn id-drittijiet ddaħħlu biss taħt Gvern Laburista jgħid ħafna dwar l-istat tad-dritt li konna fih qabel l-2013.

Vulnerabbli

Ikun hemm min jgħidli: imma għaliex trid taqbeż daqshekk għall-kriminali u min kiser il-liġi?

Il-kwistjoni mhijiex li rridu naqbżu għall-kriminali u li rridu nagħtu iktar drittijiet a skapitu tal-Pulizija. Il-kwistjoni hi li waqt arrest bniedem hu fl-iktar stat vulnerabbli tiegħu u allura f'dak l-istat ta' vulnerabbilità wieħed ikollu bżonn min jassistih u min jiggarantilu li ma jkunx hemmx abbużi.

Hemm regola tad-deheb li mill-ewwel titgħallimha kif issir Ministru tal-Ġustizzja: li n-nies tkun trid l-eħrex pieni u l-eħrex proċeduri kontra l-arrestati sakemm l-arrestat ma jkunx xi ħadd għażiż għalih. Meta l-arrestat ikun xi ħadd għażiż għal dak li jkun id-diska tinbidel u f'daqqa waħda l-pulizija ssir, f'għajnejhom, awtorità krudili u bla qalb.

Naħseb is-soluzzjoni la hi waħda u lanqas l-oħra.  Is-soluzzjoni hi li jkun hemm liġijiet u proċeduri ġusti, ħorox fejn hemm bżonn u inqas ħorox fejn ikun hemm inqas bżonn, li però jassiguraw li fl-iktar mument vulnerabbli wieħed arrestat ikollu l-garanziji meħtieġa kontra l-iżball jew l-abbuż.

Din il-legiżlatura se tibqa' mmarkata għar-riformi li se ndaħħlu biex jitħaffu l-proċeduri fil-kamp kriminali. L-ewwel fil-mira: is-sistema tqila u kontro-produttiva tal-kumpilazzjonijiet

Esperjenza

Is-sistema kriminali mhijiex bħall-isptar. L-isptar kulħadd xi darba jew oħra mar għal darba, darbtejn, tlieta u anke erba'. Il-Qorti ħafna drabi dak li jkun qatt ma jersaq f'ħajtu u jekk jersaq darba jibqa' jirrakkuntaha għall-bqija ta' ħajtu.

Tista' tkun qaddis timxi fl-art: kulma trid biex tispiċċa fis-sistema kriminali hu li tkun sfortunat u tkun involut f'inċident involontarju: biżżejjed taqa' qasrija bir-riħ fuq xi ħadd biex tidħol fis-sistema. F'dawk il-mumenti tkun taf kemm huma importanti dawn id-drittijiet kollha li daħħalna.

Aħseb u ara meta mbagħad niġu biex nitkellmu fuq ċerti reati speċjalizzati u tekniċi ħafna li bejn il-ħtija u l-innocenza jkun hemm ħajta rqiqa fin-nofs.

Dewmien

Kruċjali però li waqt li ndaħħlu dawn id-drittijiet u garanziji kollha, il-proċedura ma tittaqqalx b'mod li s-sistema tiġġenera dewmien żejjed. Bħalma fl-ewwel erba' snin ħdimna u ħloqna strutturi biex jitħaffu l-proċeduri fil-kamp ċivili, din il-legiżlatura se tibqa' mmarkata għar-riformi li se ndaħħlu biex jitħaffu l-proċeduri fil-kamp kriminali. L-ewwel fil-mira: is-sistema tqila u kontro-produttiva tal-kumpilazzjonijiet li fl-aħħar mill-aħħar tistupra kull kunċett ta' ġustizzja li tiġi servuta fil-ħin.

Iktar awtonomija lill-Qrati tagħna

Diġà sar ħafna biex insaħħu s-sistema tal-ġustizzja u rridu nagħmlu iktar: miżura prinċipali se tkun dik li bħalma saħħaħna l-awtonomija amministrattiva tal-Parlament, hekk ukoll insaħħu l-awtonomija amministrattiva tal-Qrati tagħna.  Il-Qrati jiddependu mill-amministrazzjoni biex jiffunzjonaw u fuq ir-rieda tajba ta' min imexxi. M'għandix dubju li kull Gvern kellu l-iktar rieda tajba biex il-Qrati jiffunzjonaw bl-aħjar mod mil-lat amministrattiv. Biss, ma nixtieqx li dan ikun jiddependi mir-rieda tajba ta' min imexxi. Hu kruċjali li l-Qrati jkollhom l-aħjar servizz amministrattiv u ta' support f'kull ħin.

Hawnhekk irrid nieħu l-opportunità li nirringrazzja mill-qalb id-diriġenti kollha tal-Qorti u l-istaff kollu li tant jagħmlu xogħol tajjeb u li jien tant kburi bihom.

Ħrafa dwar Egrant

Għalhekk ma nistax nifhem għala l-ġurnalist tas-soltu Ivan Camilleri ddeċieda li joħloq gidba mill-bidu sal-aħħar meta "ħabbar" li l-Gvern naqas milli jagħti l-flus li hemm bżonn biex ix-xogħol tal-esperti fl-inkjesta Egrant jimxi 'l quddiem. Il-fatti kienu bil-maqlub: appena ftit jiem wara l-għoti tal-inkarigu lill-Maġistrat Bugeja, il-Gvern kien ta l-clearance finanzjarju meħtieġ biex jitqabbad kwalunkwe espert, Malti jew barrani. Jiġifieri dak li Ivan Camilleri qal li ma sarx, kien sar tliet xhur qabel. Affarijiet tal-inkredibbli.

U nżid oħra: il-Gvern jagħmel ħiltu kollha li f'kull inkjesta jagħti s-support amministrattiv meħtieġ lill-Ġudikatura. Sfidi jkun hemm kemm trid: biżżejjed ngħid li f'inkjesta minnhom kellna nsibu post fejn naħżnu fdalijiet ta' ajruplan.  Ma jimpurtax. Aħna l-isfidi lesti għalihom u negħlbuhom.

Il-gideb però jweġġa' ħafna lil ħafna ħaddiema fl-istaff tal-Qorti li jagħmlu sagrifiċji kbar għall-aħjar amminsitrazzjoni tal-Ġustizzja.

Sovraintendenza tal-Patrimonju Kulturali

Kien hemm diversi persuni li ġibduli l-attenzjoni li l-proċessi fi ħdan is-Sovraintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed itulu u jieħdu wisq żmien. Qed inkun sensittiv għal dawn l-ilmenti u qed naġixxu.

Jidher li d-diffikultà ddur ma' pressjoni kbira ta' xogħol li waqgħet fuq is-Sovraintendenza wara bidliet li kien hemm fil-liġi – fejn is-Sovraintendenza ngħatat iktar importanza biex tipproteġi l-wirt storiku – u wara t-tkabbir ekonomiku bla preċedent li għall-grazzja t'Alla rajna fl-aħħar snin. Aġixxejna mill-ewwel billi assenjajna esperti minn Heritage Malta għal mas-Sovraintendenza u żidna support staff. Se nkomplu nżidu l-għajnuna biex is-servizz jitjieb u jmur 'il quddiem.

Diġà kellna sfidi simili u għelibnihom. Niftakar ir-Reġistru Pubbliku, pereżempju, bid-diffikultajiet li kellu.  Jew ir-Reġistru tal-Artijiet. Illum dawn iż-żewġ reġistri jiffunzjonaw tajjeb immens bis-saħħa ta' interventi fil-proċeduri u f'riżorsi umani li wettaqna.

L-istess se jiġri fi ħdan is-Sovraintendenza. Intant, nieħu gost jekk nilqa' feedback dwar dan is-suġġett fuq [email protected] sabiex inkunu widnejna mal-art waqt li ntejbu s-sistemi u l-ħidma.

More in Blogs